Ma jidhirx li qatt kienet teżisti xi ċivilta’ fl-istorja tal-bniedem li qatt ma semgħet bil-qattus. Sa minn kmieni ħafna, il-bniedem intebaħ illi li ma kienx għall-qtates li kien irabbi, il-qamħ li jkun ħasad u ħażen fil-matmura biex isibu meta jiġi bżonnu, kien jittiekel kollu mill-ġrieden. L-Eġizzjani tal-qedem kienu jrabbu l-qtates sa minn ħamest elef sena ilu; imma qabilhom kienu jrabbuhom l-Indjani u ċ-Ċiniżi. Jgħidu li l-Feniċi ġarrew il-qtates magħhom fuq l-imriekeb tagħhom u ħaduhom f’ħafna mill-portijiet li żaru.

Dan il-kapitlu deher oriġinarjament bħala parti mill-ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni” ta’ Ġużi Gatt.

Il-qattus hu annimal ferrieħi, imma ta’ rasu; dħuli, imma fl-istess ħin imqit u miġbud; mistħi u jieħu għalih malajr. Il-qtates huma indipendenti, u s-sikkatura ma jistgħux għaliha. Kapaċi jħobbu b’imħabba kbira. Spiss jagħżlu ‘l xi wieħed jew waħda mill-membri tal-familja bħala l-favorit tagħhom, u l-qattusa hi magħrufa li tagħmel il-preferenzi ma’ xi wieħed jew waħda mill-frieħ tagħha. Studjużi tal-qtates jaħilfu li l-qtates ġie li bkew. Huma għajjura ħafna għal dak li jqisu li hu tagħhom: ngħidu aħna xi kannestru fejn jorqdu; u jistgħu jagħmlu f’qalbhom bl-ikrah jekk fid-dar fejn kienu jsaltnu huma, jiddaħħal xi qattus jew pet ieħor. Meta jiġri hekk, xi qtates ġieli mietu b’qalbhom maqsuma. Il-kurżita’ tegħlibhom. Jekk tiftaħ quddiemhom xi pakkett jew xi kaxxa, ikunu jridu jittawlu ġo fiha; u jiflu u jiftaqdu bir-reqqa kull ħaġa ġdida. Kapaċi jħarsulek dritt ġo għajnejk. Għandhom sens ta’ umoriżmu, u kapaċi jitbissmu. Meta jorqdu, joħolmu, u l-esperti jsostnu li anke meta jkunu mqajmin, kapaċi jistħajlu u jimmaġinaw. Sabarhom hu kbir ħafna, u għandhom memorja tajba. Jekk tkellimhom, kapaċi jitgħallmu t-tifsira ta’ xi żewġ kelmiet. Jistgħu jitgħallmu jagħmlu ħafna xorti: jiftħu l-bibien, jixegħlu d-dawl, idoqqu l-qniepen, jgħollu l-għotjien . . . imma meta jridu huma. Ma jirnexxilekx iġġegħilhom jagħmlu dawn l-affarijiet meta trid int. Bil-kelma t-tajba tasal ħafna magħhom; imma bil-herra ma tiehu xejn. Hawn qtates li jħobbu l-mużika; hawn oħrajn li ma jistgħux għaliha; imma l-qtates kollha jobogħdu l-istorbju.

Hawn qtates li ma jiddejqux jidħlu fl-ilma, u anke jistadu għall-ħut; imma ‘l biċċa kbira tal-qtates, l-ilma ma jistgħux għalih u jiddejqu jixxarbu. Il-qattus kapaċi jsib it-triq lura lejn id-dar anke jekk jittieħed xi mkien ‘l bogħod. Barra minn Malta jissemmew każi ta’ qtates li reġgħu tfaċċaw id-dar minn mijiet ta’ mili bogħod, u biex waslu, bilfors li qasmu xi xmara. Imma mhux il-qtates kollha huma hekk. Hawn min jintilef u ma jsib qatt irkabtu biex jerġa’ lura.

Il-QATTUS hu r-raġel tal-QATTUSA (pl. qtates). Il-qattus INEWWAĦ (to mew). Il-qattus IQARQAR (to purr) bħalma jagħmlu l-iljun u t-tigra. Il-qattus IQAWWAS DAHRU (to arch its back) u JITTIEGĦREK ma’ l-art (lie on its back, kicking its legs).

Bħall-kelb, il-qattus hu diġitigradu; saqajh ta’ quddiem għandhom ħames swaba’, u ta’ wara għandhom erbgħa. Id-dwiefer iwaqqagħhom kull sena. Il-qattus JOĦROF (to moult), jew jibdel il-pil, kull sena wkoll.

Il-MIMMI (pupil) t’għajn il-qattus tikber bil-lejl, fid-dlam, u terġa’ tiċkien bin-nhar, fid-dawl. Il-qattus jara tajjeb f’dawl bati jew kiebi ħafna, imma mhux veru li jista’ jara fi dlam ċappa.

Il-qtates għandhom il-ħila li jekk jaqgħu mill-għoli, jiġu dejjem fuq saqajhom. Dan jagħmluh mhux bis-saħħa ta’ denbhom; imma minħabba kif inhu qiegħed “l-ilma ta’ widnejhom”.

Il-qattusa TISĦON (come in season) madwar tliet darbiet fis-sena, u kull darba ddum xi ħmistax-il ġurnata sħuna. Il-qattus IBERREK lill-qattusa (makes her squat for copulation) u JLIKKEM (thrusts). It-TQALA (gestation) tieħu madwar 63 ġurnata. Il-BOTON (litter) ikun ta’ xi erba’ jew ħamest iFRIEĦ (kittens), għalkemm il-qattusa SJAMIŻA (Siamese) ikollha xi disgħa jew ħamsa. Il-frieħ Sjamiżi jitwieldu b’għajnejhom diġa’ miftuħa, imma l-frieħ ta’ qtates oħra x’aktarx jitwieldu għomja u torox. Ta’ tlett ijiem jibdew itiegħmu u jxommu, imbagħad jibdew jisimgħu, u fl-aħħar jiftħu għajnejhom. Jekk id-dieta tal-qattusa tkun nieqsa mis-sustanzi, l-omm tista’ tiekol il-frieħ tagħha stess, bħalma ġieli jagħmlu l-klieb u l-ħnieżer. Il-qtates ma jiklux biss laħam u ħut, imma jitħajru wkoll għal xi ħaxix tal-borma u anke frott u meraq tal-frott.

L-għomor ta’ qattus hu ta’ madwar erbatax-il sena. Imma qtates li għexu 18, 20 sena jew iktar, issib ukoll.

MIKLEM

 

Cats Il-Qtates
   
Tom cat Qattus
She-cat Qattusa
Young/kittens Frieħ
Litter Boton                         
To moult Joħrof
To purr Iqarqar
To mew Inewwaħ
To raise its hackles Iqajjem il-munxar
To arch its back Iqawwas dahru
To be on heat Tisħon

(c) Ġużi Gatt