“Dok bijh kint naħdim,” qalli  Żaren Zammit mill-Qrendi li jgħodd mat-80 sena u li għomru u żmienu jistad għall-ħut.  “Darba weħilne bil-lenze Filfle u kellna nitilqiw killix għax sor il-ħejn.  U l-għade għedt lil Wiwi (Karmnu Magro minn tal-Mumja mill-Qrendi wkoll) “ejje mmorrow ħa nippruvaw neqilewh, għandi l-purċellot ukill mwaħħal miegħew.”

Kitba ta’ Karmenu Pace. Ix-xbiha hawn fuq turi tlet purċellati imdendlin mal-ħajt f’kamra fil-Muzew Folkloristiku tal-Gharb. L-Artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9 Nru 3 (2010), ħarġa nru 34.

“Il-Wiwi qelli  li kien imċaqlaq wusq.   U morna u bdejt niġbid u niġbid u fl-aħħar inqala’.  U għidtlu: qed tura  għallinqes salvajna l-purċellot.  Mele bdejt niġbid u x’ħejn talajneh fil-wiċċ insejb ċerne ta’ żewġ piedej imwaħħle u l-purċellot fuq rusha.”  U beda jidħak Żaren meta ftakar f’dik il-ġrajja, għax tassew kienet ġietu tajba.

Il-Purċellat

Żaren qalli li l-purċellat kien jagħmlu hu minn xi biċċa ċangatura tal-franka, ħoxna xi erba’ pulzieri.  L-ewwel jiżmarralha l-kantunieri ta’ barra b’xi mterqa, mbagħad jibda jħaffer f’nofsha bix-xewka tal-baqqun sa ma jtaqqabha u jkompli jwessa’ t-toqba għal xi tliet pulzieri jew erbgħa.  Imbagħad wara jkompli bl-iskalpell u l-mazza jnaqqax biex jġibha għat-tond minn ġewwa u minn barra sakemm tiġi bħall-għamla ta’ kagħka.  U fl-aħħar jirfinaha b’xi xafra jew bis-sandpaper.   Il-purċellat kienet biċċa għodda mportanti għas-sajjieda u kienu jużawh biex bih jippruvaw jaqilgħu xi lenza jew konz tal-qiegħ meta jeħlilhom taħt xi skoll.  Il-lenza setgħet teħel jew minħabba l-kurrent, jew għax tinzerta taqbad xi sunnara mal-blat, jew inkella għax tiġri biha l-ħuta taħt xi blata.  Żaren qalli li “bex ma titilfiwx il-purċellot tirbtow b’lenze barranija.  Allura ntej mite teħil taqta’ l-lenze, iddaħħalhe minn ġal-purċellot, tarġa taqqgħed it-trowf u mbagħad tniżżlu, l-aħjor kuntra l-kurrent.  Umbagħad mite jidhirlik li wasal deqs erbat iqjem ‘l fowq mill-qegħ titlqiw.  Dok bil-pejż tiegħew jaqla l-lenze ‘l barra, jekk jirnexxilik.  Bex taħdim sew, bilfurs trejd iżżumm il-lenze l-imwaħħle stiruta bex il-purċellot mite titlqu u jasal, jagħmil magħha.  Jekk tkiwn mitruħe tkun qed taħdim għalxejn.”  Żaren qalli li mhux dejjem jirnexxi u li jista’ jkun li titlef il-lenza u l-purċellat, imma hu qatt ma tilfu.  Ġieli l-purċellat meta jasal mal-blat jieħu daqqa u jinqasam fi tnejn.  Imma l-biċċa l-kbira anke meta s-sajjied jitlifu kien jibqa’ sħiħ imwaħħal taħt xi blata.  Il-bugħaddasa kultant għadhom isibu xi wieħed sal-lum għalkemm iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed isiru rari.

Meta bdejt ngħodos jien xi għoxrin sena ilu kont sibt wieħed minnhom u ħadtu d-dar biex nurih lil missieri peress li kien dilettant tal-baħar.  Hu mill-ewwel qalli li dak jgħidulu purċellat u li kien jintuża mis-sajjieda.  Mela darba, peress li jien dilettant tal-antikitajiet, kont għaddej minn ħdejn ħanut Birkirkara u dħalt nara x’għandu.  B’għaġeb tiegħi nara wieħed minn dawk il-ġebel għall-bejgħ.  Maġembu kien hemm ktieb miftuħ u f’dik il-paġna kien hemm tpinġija  antika ta’ mirkeb b’raġel mixħut minn tulu fuq il-poppa qed iniżżel purċellat fil-baħar bil-galbu kollu.  Il-kitba taħt l-istampa kienet tgħid li din kienet forma ta’ ankra li kienu jużaw fl-antik nett.  Meta mort lura d-dar għidt lil missieri x’kont rajt u qrajt u bdejt immerih li hu kien żbaljat.  Missieri, għalkemm ma kienx jaf jaqra u jikteb imma esperjenza kellu biex ibiegħ, reġa’ nsista li dak kien apparat biex jaqilgħu l-lenez bih.  Jien dakinhar kont għadni nemmen li kulma jkun miktub fil-kotba huwa verita’ sagrosanta u bqajt inmerih li min kiteb dak il-ktieb kien studja l-affarijiet.  Kien meta iktar ‘l quddiem smajtha mis-sajjieda stess li ntbaħt li missieri kellu raġun u li tal-ktieb kienet baħnanatha kbira!     Id-daqs u l-piż tal-purċellat ivarja ħafna minn wieħed żgħir ta’ 15-il ċentimetru dijametru fuq barra u jiżen inqas minn kilo sa wieħed mill-kbar daqs 50 centimetru u ta’ xi 15-il kilo piż jew iktar.  Id-dijametru ta’ ġewwa jikber ukoll skont id-daqs, minn 6 centimetri sa  tnax-il ċentimetru bejn wieħed u ieħor.   Joey Damato mill-Qrendi, it-tifel ta’ Pawlu ta’ Żuta li kien sajjied prim u bejjiegħ tal-ħut, qalli li missieru kien iżomm wieħed miegħu mill-kbar, daqs rota ta’ mutur żgħir biex jużah ħalli jaqla’ l-għażel (il-parit) li sata’ jeħillu.  Qalli wkoll li missieru kien juża oġġett tal-landa bil-ġwienaħ li hu kien isejjaħlu “l-ajruplan” biex bih igerrex il-ħut, ngħidu aħna xi ġliba kaħli, għal ġox-xibka.  Imma fuq il-purċellat jiftakar sewwa li missieru kien jużah għall-għażel.  Meta jeħillu l-għażel ma xi skoll missieru kien iniżżel il-purċellat mat-tarf tiegħu u l-għażel (ix-xibka tal-parit) jibda tiela mit-toqba tan-nofs u jingħasar u s-sajjied dejjem jerħilu l-purċellat biex bil-piż tiegħu jaqla’ x-xibka minn fejn tkun imwahhla.  Peress li s-sajjieda għalkemm kienu jibżgħu għalih kienu jafu li tista’ titilfu għax ma ttellgħux, kienu jaħdmuh mill-ġebel tal-franka fil-biċċa l-kbira għalkemm  Żaren l-Ispreneċ (jew il-Merlin kif kienu jgħajtu wkoll lil missieru Lippu) qalli li seta’ jkun hemm xi wieħed tal-qawwi biex ikun iktar sod u itqal.  Skont il-Profs. Aquilina, l-kelma “purċellat”  tfisser  ġebla għamla ta’ ċirku li tintuża mis-sajjieda biex jaqilgħu xi lenza, konz jew xibka li tkun weħlitilhom mal-qiegħ. (p.1095).  Aquilina jqabbilha mal-kelma Taljana purcelle, cassa in forma di nave (Dizzjunarju Malti/Ingliż).