Ġo għar imberraħ tidher l-omm Marija,
Ġużeppi ħdejha t-tnejn bil-bard musfara,
Maxtura b’xi tibniet bejn baqra u ħmara
Fejn hemm fi ħrieqi: il-Bambin tarbija;

U fejn xi palma jew dwejriet kennija
Rgħajja reqdin b’xi anġlu jagħti l-bxara:
Waslu, ġejjin, kulħadd lejn l-għar biex jara,
Mill-belt ta’ Betlem, l-aktar nies għaqlija:

Fuq għolja midħna, fejn il-wied xi sienja;
Fil-bogħod il-bogħod, rekbin fuq iġmla, gejja
Lejn dak il-għar, ma’ kewkba s-slaten Maġi.

Presepju sbejjaħ, b’ruħ ta’ tifel ħienja
Ħdejk noqgħod jien, tbissima fuq xofftejja:
Int tnissel fija: sliem u ħsieb farraġi,

MARJU AGIUS – LEĦEN IL-MALTI 1931