Delimara

L-aħħar taqsima ta’ dan l-artiklu teħodna lura lejn il-ġenb l-ieħor tal-Port ta’ Marsaxlokk, jew aħjar lejn il-ħarrieġa twila ta’ art dejqa magħrufa bħala Delimara, li tkennu mil-lvant u l-grigal. Din hija l-akbar peniżola fil-Gżejjer Maltin wara l-Aħrax tal-Mellieħa. Dwar kif tnissel isimha, hemm kemmxejn ta’ kontroversja, tant li bosta verżjonijiet bħal “dejr il-mara”, “dejr l-imnara”, “dar Limara” u “dejr l-għamara” ġieli ssemmew minn kittieba diversi. L-art ta’ Delimara tista’ tgħid li tibda’ minn fejn jispiċċaw Tas-Silġ u Il-Magħluq, sewwasew f’Ras it-Triq [42], mnejn tibda trejqa wieqfa li titla’ minn bejn il-ħitan tas-sejjiegħ u l-għelieqi mtarrġin ta’ L-Imsewweb u Il-Wilġa [43] sa ma tilħaq il-quċċata għolja magħrufa bħala Il-Ħotba tal-Bies [44] (jew sempliċement Il-Bies, jew Tal-Bies).

Kitba ta’ Alex Camilleri . L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 32, 2008. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Taħt din il-ħotba għadhom jeżistu sa llum il-fdalijiet ta’ trunċiera mibnija fis-Seklu XVIII, illum imlaqqma skond l-ismijiet tal-post: It-Trunċiera tal-Wilġa [45] jew It-Trunċiera ta’ Għajn Rajmond. Dan l-isem jixhed li n-nixxiegħa ta’ Għajn Rajmond [46] kienet tinsab x’imkien fil-qrib, iżda qatt ma sibtha. Bi dritt Ras it-Triq kienet tibda xtajta twila u ċagħqija bil-baħar dejjem baxx ferm, iżda bil-blat ta’ max-xatt dejjem jogħla lejn ix-xlokk, minn Taħt it-Trunċiera [47] u Il-Fundar [48] sa Rdum il-Bies [49] li mbagħad jerġa’ jitbaxxa xi ftit u jibdel ismu għal L-Ingernier [50]. Taħt l-irdum innifsu, ix-xtajta kienet tibqa’ dejjem baxxa u cagħqija, sa ma fl-aħħar kienet tisporġi Ras iċĊagħak [52], ilsien tond ta’ art magħmul minn ċagħak u ġebel tafli, b’għadira salmastra f’nofsu li kienet magħrufa għall-valur ekoloġiku tagħha. L-art baxxa maqrusa bejn l-irdum u Ras iċ-Ċagħak kienu jgħidulha Ta’ Simmara [53], aktarx għax-xtieli tas-simar li kienu jikbru madwar l-għadira. B’xorti ħażina, dawn l-inħawi llum bilkemm għadhom jintgħarfu, u sbuħithom tħassret għal kollox meta lejn l-aħħar tas-snin ’80 l-irdum iċċarrat qisu barriera biex taħtu sar l-impjant kbir ta’ l-elettriku, u x-xatt ta’ bejnu u l-Magħluq intradam biex minn fuqu għaddiet triq ġdida li twassal lejn l-istess impjant. Ras iċ-Ċagħak ukoll inqerdet u flokha llum tara munzell kbir ta’ terrapien, frott it-qtugħ tal-blat minn Irdum il-Bies.

Il-Fortizza ta’ Delimara

Jekk tibqa’ miexi max-xatt, tasal lejn Is-Sarċi [54] (skond il-mapep, Is-Serċ), rokna mkenna mal-baħar taħt wied żgħir iżda bi qlib qawwi (Wied is-Sarċi [55]) li jiżbokka fiha wara li jinżel minn taħt Il-Fortizza ta’ Delimara [57]. Din il-fortizza kbira, li nbniet fl-1878, kienet tiddomina d-daħla tal-port bil-kanuni tagħha jħarsu mill-għoli. Il-kanuni kienu nġarru bil-baħar lejn Is-Sarċi u nġibdu ‘l fuq matul il-binarji weqfin tal-ħadid li għadhom jidhru sal-llum fil-post imsejjaħ Tal-Kanuni [56]. Eżatt taħtu, ix-xatt bejn is-Sarċi u r-ras għolja fejn inbniet il-fortizza isejħulu Tal-Aċċoli [58], filwaqt li l-blat imqaċċat li jdawwar ir-ras innifisha igħidulu L-Iskolji [59]. Ftit aktar ‘il bogħod, fil-għoli titfaċċa mina (b’taraġ ġo fiha) li tinżel minn ġol-fortizza u tiftaħ f’nofs l-irdum ta’ Taħt il-Fortizza [60], li minn hawn ‘il quddiem jaqta’ dritt għal ġol-baħar. Imbagħad l-irdum jibdel ismu għal Taħt il-Fanal [61] jew Taħt l-Anterna, peress li fix-xifer tiegħu jinsab Il-Fanal ta’ Delimara [62] (jew L-Anterna), mibni fis-Seklu XIX sabiex jgħin lill-baħħara. Ftit aktar ‘il barra, minn Taħt l-Irdum [63] tixref xkaffa żgħira ta’ blat baxx mal-baħar, li ma tintlaħaqx mill-art. Imbagħad, hekk kif l-irdum jitbaxxa kemmxejn, hemm oħra akbar minnha u miżgħuda bis-salini tal-melħ, li toħroġ sat-tarf nett tal-peniżola u tintlaħaq b’taraġ li jinżel biss sa nofs l-għoli tal-blat, tant li jinħtieġ sellum. Isimha magħha (Ix-Xatt tal-Ponta [64] jew Ix-Xatt tat-Taraġ), u sewwasew f’tarfha tinsab Il-Ponta ta’ Delimara [65], jew Ras Delimara. Hawnhekk jintemm il-Port ta’ Marsaxlokk, u l-plajja tikser ħesrem lejn il-baħar miftuħ. Il-fetħa wiesgħa tal-port, li tħares lejn ix-xlokk minn bejn Il-Ponta ta’ Delimara u Il-Ponta ta’ Bengħisa, isibuha Għall-Bokka [66].

Il-Fanal ta’ Delimara

Malli ddur ma’ Ras Delimara, hemm plajja esposta (parti mill-istess Xatt tal-Ponta) msejħa Sukba [67], isem kemmxejn stramb li ma stajtx insib irkaptu dwar x’ifisser jew mnejn tnissel. Imbagħad, fejn l-irdum jerġa’ jaqta’ dritt għal ġol-baħar, jinsab Xifer l-Infern [69]. Hawnhekk tassew li tħossok f’post imwarrab mat-tarf tal-gżira, u l-effett jinħass aktar jekk tersaq ‘l hawn f’temp qalil. L-art għolja u għerja li tħares fuq dan ix-xifer għadha mlaqqma It-Torri [68], peress li dari hawn kien jinsab It-Torri ta’ Delimara, wieħed mit-tlettax-il torri li kien bena l-Gran Mastru De Redin fl-1658-59, li mbagħad kien inħatt fi Żmien l-Ingliżi peress li kien qed itellef il-vista mill-fortizza. Fl-inħawi aktarx li għad baqa’ xi fdalijiet minnu, kif ukoll il-pedamenti ta’ trunċiera oħra ta’ Żmien il-Kavallieri ftit ‘il bogħod. Bi dritt Xifer l-Infern, hemm skoll kbir maqtugħ għalih u mdawwar bil-baħar. Jissejjaħ It-Taqtiegħa ta’ Delimara [71], It-Taqtiegħa ta’ Marsaxlokk, jew It-Taqtiegħa biss, u aktar ‘il barra minnu hemm ukoll sikka mdaqqsa taħt wiċċ il-baħar li jgħidulha It-

Xifer L-Infern u t-Taqtiegħa ta’ Delimara fl-isfond

Taqtiegħa l-Imgħarrqa [72]. Jidher li din kellha x’taqsam ma’ l-għarqa ta’ vapur tal-merkanzija li kien qed jipprova jidħol fil-Port ta’ Marsaxlokk waqt maltempata; il-fdal tiegħu għadu jinsab f’qiegħ il-baħar maġenb iż-żewġ taqtigħat. Il-fliegu dejjaq li jifred it-Taqtiegħa minn Malta jafuh bħala Bejn it-Taqtiegħa u l-Art [70] u jintlaħaq billi tixxabbat ‘l isfel ma’ l-imqabad li hemm maqtugħin fl-irdum ta’ Xifer l-Infern, iżda biex taqsam il-fliegu bl-għawm irid ikun baħar bnazzi żejt u trid toqgħod attent ferm għad-dgħajjes li ġieli joħorġu sparati mill-port u jiġbdu għad-dritt minn ġol-fliegu. Biswit Xifer l-Infern, iċ-ċarċir ta’ l-ilma tax-xita ma’ l-irdum ħalla sensiela ta’ faxex suwed li b’naqra immaġinazzjoni mill-bogħod taħsibhom qassisin bis-suttana; minn hawn ħareġ l-isem tal-post: Tal-Qassisin [73]. Imbagħad l-irdum jinżel għall-baxx qisu żurżieqa, sa ma jiġi għal xejn għal xejn fil-Ponta ta’ Rafel [74]; din il-ponta tingħaraf mhux biss mis-salini li fiha iżda wkoll mill-għadd ġmielu ta’ sajjieda bil-qasba li jfittxuha.

Il-Kalanka tal-Gidien

Minn hawn ‘il quddiem jitfaċċaw veduti mill-isbaħ, imżewqin b’sensiela ta’ daħliet pittoreski, irjus ta’ art bil-blat immejjel mill-punent għal-lvant, u xkafef u pizzijiet li jisporġu matul is-saffi tal-blat li mhux kollha jittieklu indaqs mill-elementi. Ta’ min jgħid ukoll li hawnhekk u fix-Xgħajra d-daħliet għadhom jissejħu kalanki, isem ġej mill-kelma Taljana calanca li tfisser qala żgħira u aktarx dejqa. L-ewwel daħla, maqrusa bejn il-Ponta ta’ Rafel u Il-Ponta tal-Gidien [76], hija Il-Kalanka tal-Gidien [75] jew Daħlet il-Gidien. L-editur ta’ din ir-rivista darba kienu semmewhielu bħala Il-Kalanka ta’ Glawdin, aktarx taħsira ta’ l-istess isem. Wara s-salini tal-melħ fil-Ponta tal-Gidien, tiftaħ l-akbar waħda fost il-kalanki u l-aktar imfittxija mill-għawwiema: Il-Kalanka t-Tawwalija [77] (isimha magħha), kultant imsejħa wkoll Il-Qala t-Tawwalija jew Il-Qala t-Twila. Għandha l-qiegħ ramli li jagħti lewn iżraq sabiħ lill-baħar u fiha wkoll żewġ għerien żgħar, wieħed f’ras il-bajja u wieħed mal-ġenb tat-tramuntana, int u sejjer lejn Il-Ponta tat-Tawwalija [78]. Wara din il-ponta hemm Ix-Xatt tat-Tumbrell [79], plajja miftuħa lejn il-lvant taħt sies baxx li jifridha mill-art ogħla (Ix-Xagħra) lejn il-punent; f’xaqq ġo dan is-sies jinsab għar ċkejken fuq l-art bl-isem ta’ Għar Bella [80]. Is-sies innifsu darba sibtu mniżżel fuq mappa qadima, aktarx bħala Rdum l-Ibjar [81], għalkemm dwar dan nixtieq insib konferma aħjar.

Il-Qali u l-Kalanka tal-Qali

F’tarf Ix-Xatt tat-Tumbrell hemm Il-Kalanka l-Fonda [83], daħla tassew ċkejkna mdawra bis-salini tal-melħ; ftit hemm xi tgħid dwarha għajr li kull meta tersaq ‘l hawn dejjem jilqgħuk il-klieb tal-għassa li bilkemm iħalluk timxi ma’ xifer il-baħar minkejja li din aktarx hija art pubblika! Imbagħad hemm Il-Ponta tat-Tumbrell [84], jew Ras it-Tumbrell, li fuqha għad fadal il-pedamenti ta’ trunċiera żgħira (il-batterija tat-Tumbrell) li kienet inbniet fl-1716 u li damet hemm sa ma twaqqgħet fi Żmien l-Ingliżi. L-art għolja ta’ fuqha tissejjaħ ukoll It-Tumbrell [85]. L-istess isem nerġgħu niltaqgħu miegħu fil-kalanka li jmiss: Il-Kalanka tat-Tumbrell [86]. Din hija bajja oħra sabiħa u mwarrba għall-kwiet; għandha żewġ daħliet, waħda minnhom bi ħjiel ta’ wied li jaqleb għal ġo fiha. Ftit aktar ‘il fuq lejn it-tramuntana tinsab l-aħħar waħda mill-kalanki, Il-Kalanka tal-Qâli [87] (illum mogħtija wkoll l-isem kummerċjali ta’ “Peter’s Pool” li maż-żmien ħonoq l-isem oriġinali tal-post). Fl-għamla tagħha, l-ilwien tal-baħar, u l-għar żgħir li għandha fil-parti l-ġewwenija, din id-daħla tassew tixbaħ lil minjatura tal-Kalanka t-Tawwalija. Għandha wkoll wied żgħir li jferra’ ġo fiha, iżda qatt ma sibt x’jismu. Wara din il-kalanka, jasal il-qortin għoli magħruf bħala Il-Kali [88] jew Il-Qâli, isem li donnu marbut ma’ tip ta’ xitla li tikber ma’ l-irdumijiet. Fit-tarf tiegħu (Ras il-Qâli [89]) hemm l-aħħar ġemgħa ta’ salini tal-melħ, u mbagħad ix-xatt jogħla mill-ġdid u jsir sies għoli li jħares lejn Il-Ħofra, jew aħjar Il-Ħofra żŻgħira [90].

Il-Kalanka t-Tawwalija

Minkejja isimha, Il-Ħofra ż-Żgħira hija qala kbira, tonda u sabiħa bil-ġnub għoljin mad-dawra kollha, tant li mill-art tintlaħaq biss minn mogħdija dejqa tar-riġel li sserrep ‘l isfel mill-ogħla parti tas-sies f’Tal-Basal [91]. Il-bokka tagħha hija idjaq mill-kumplment tal-bajja u tinsab maqrusa bejn Ras il-Qali u l-ponta rqiqa u mmejla ta’ Ras il-Fenek [93] (jew Ras il-Għarbija) li tinżel għax-xejn mill-art għolja ta’ Il-Morra [92] u tifridha minn qala oħra akbar minnha (Il-Ħofra l-Kbira [95]). Il-Ħofra ż-Żgħira u Il-Ħofra l-Kbira, li flimkien jissejħu Il-Ħofriet [96] jew L-Iħfar (inkella L-Eħfar), jinfdu ma’ xulxin minn ġo ħnejja naturali (It-Toqba [94]) taħt Ras il-Fenek. Għal fuqhom jittawlu tliet fortizzi mibnijin mill-Ingliżi fis-Seklu XIX. Il-Fortizza tal-Basal [97], uffiċċjalment Wolsely Battery iżda mlaqqma “Tal-Basal” l-istess bħall-artijiet ta’ madwarha, tħares fuq Ras it-Tumbrell, Il-Qali u l-Ħofra ż-Żgħira. Il-Fortizza tas-Silġ [98], l-akbar waħda, tħares lejn il-Ħofriet; tintlaħaq billi taqbeż il-knisja tal-Madonna tas-Silġ u tibqa’ tiela’ mit-Telgħa ta’ l-Imqass [99], fejn it-triq bejn Tas-Silġ u Delimara tofroq fi tnejn. Illum tintuża bħala santwarju ta’ l-annimali. Il-Fortizza tażŻebbuġ [99], li tħares lejn Xrobb l-Għaġin u l-Munxar, ukoll tlaqqmet skond l-artijiet ta’ ħdejha (TażŻebbuġ [101]); uffiċċjalment kienu semmewha St. Paul’s Battery, għal kappella ta’ San Pawl li nbniet fi Żmien il-Kavallieri u li għadha tidher sa llum qrib il-kisra tat-triq li mill-fortizza twassal lejn Xrobb l-Għaġin. Il-kappella hija mkenna taħt It-Torri ta’ Bettina [105], torri privat daqstant ieħor qadim. Taħt il-Fortizza taż-Żebbuġ hemm ukoll żewġ widien qosra iżda bi qlib qawwi, li t-tnejn iferrgħu mill-għoli għal ġol-Ħofra l-Kbira; wied minnhom (man-naħa tal-Morra) semmewhuli bħala Wied il-Ħofra [102], u l-ieħor (sewwasew taħt il-kappella) bħala Il-Wied ta’ San Pawl [104]. L-art għolja ta’ bejniethom isibuha bħala L-Eħfar [103], billi tittawwal għal fuq iż-żewġ qaliet li semmejna.

Il-Ħofra l-Kbira

L-ilsien kbir ta’ art immejla li jkennen il-Ħofra l-Kbira min-naħa tal-grigal għandu wieħed mill-aktar ismijiet strambi fit-toponomastika Maltija: Xrobb l-Għaġin [106] (jew Xorb l-Għaġin, taħsira aktar reċenti). Imkien ma rnexxieli nsib spjegazzjoni konvinċenti dwar dan l-isem: min jgħid li għandu x’jaqsam mal-kunjom Xuereb, min jagħmilha fatta li hawn kienu jinġemgħu l-pellegrini (ħaġġin) biex iżuru t-tempju preistoriku li l-fdal tiegħu kien għadu jidher sal-bidu tas-seklu XX, min jgħid li fil-maltemp il-blat tafli jdardar il-baħar li b’hekk ikun qisu ilma wara li jitgħalla l-għaġin…insomma lkoll donnhom tifsiriet imqanżħin u mġebbdin! Sa madwar ħdax-il sena ilu, hawnhekk kien hawn stazzjon tar-radju Ġermaniż, li kellu miegħu tliet arbli għoljin bosta sulari li kienu jiddominaw (u jkerrhu) l-inħawi; b’xorti tajba, dawn inħattu meta żżarma l-istazzjon. Man-naħa tal-Ħofra l-Kbira, ix-xatt jibda bħala sies kemmxejn għoli li jitbaxxa dejjem aktar lejn ix-xlokk. Daqs nofs triq matulu, hemm bħal ħjiel ta’ wied illum kollu miksi bis-siġar (aktarx il-fdal ta’ wied akbar li safa mikul u mnaqqar mill-elementi, peress li hawn il-blat huwa tassew artab), u taħtu hemm għar ċkejken fil-baħar b’ċagħqija ġo fih. Imbagħad hemm Il-Ponta tal-Ħofra [107], ħarrieġa mdaqqsa ta’ blat immejjel li tixbaħ lix-xtut tal-kalanki ta’ Delimara.

It-Toqba

Bi drittha, u mifrud minnha bi fliegu qasir, hemm It-Taqtiegħa [108], skoll imdaqqas li fih tispikka t-timjila qawwija tas-saffi tal-blat. Ġieli jsejħulu wkoll It-Taqtiegħa ta’ l-Iħfar jew It-Taqtiegħa ta’ Xrobb l-Għaġin biex jagħrfuh mit-Taqtiegħa l-oħra li hemm ħdejn Xifer l-Infern; bħal bosta skollijiet oħra, jidher li dan huwa l-fdal ta’ ħnejja naturali li maż-żmien ċedhielha s-saqaf. Ftit aktar lejn ix-xlokk tasal sat-tarf wiesa’ u baxx ta’ Xrobb l-Għaġin, magħruf bħala Taħt il-Maqjel [109] (għax jinsab taħt ir-riħ tal-parti l-baxxa tax-xagħra ta’ Xrobb l-Għaġin, li jsibuha bħala Il-Maqjel [110]). Hawnhekk, ix-xatt jikser qisu kartabun u hemm bosta salini tal-melħ kif ukoll sensiela ta’ toqob naturali li minnhom ifawwar il-baħar fil-maltemp peress li taħthom hemm għar twil u dejjaq taħt wiċċ l-ilma li jniffidhom ma’ xulxin u mal-baħar miftuħ. Maġenb is-salini hemm ukoll żewġ fortifikazzjonijiet ta’ Żmien il-Kavallieri, it-tnejn fi stat ħażin: It-Torri ta’ Xrobb l-Għaġin [111] (ieħor fost it-tlettax-il torri ta’ De Redin, illum nofsu mġarraf) u It-Trunċiera [112] (sur baxx mibni fis-Seklu XVIII li jaqsam il-peniżola minn naħa għall-oħra). Ma’ din ta’ l-aħħar kienet inbniet ukoll kamra għas-suldati li għadha tidher sal-lum; jista’ jkun li l-isem “Il-Maqjel” oriġinarjament kien jirreferi għaliha. Fix-xifer nett, tinsab Ras Xrobb l-Għaġin [113], fejn ix-xatt jerġa jikser lejn il-majjistral u jibda jogħla mill-ġdid.

It-Torri ta’ Bettina u l-Kappella ta’ San Pawl

Minn taħt dan l-irdum joħorġu żewġ ħarriġiet oħra, li ma jintlaħqux mill-art: Il-Ponta ta’ Fuq il-Maqjel [114] u Il-Ponta tal-Grigal [116], it-tnejn isimhom magħhom. Bejniethom jiftaħ Għar Irsejjen [115], fond u bi tliet bokok; għandu wkoll fergħa twila u mudlama għall-aħħar b’ramla ċkejkna fuq ġewwa nett. Man-naħa l-oħra tal-Ponta tal-Grigal (sewwasew fejn jinfed Għar Irsejjen) tispikka daħla mdaqqsa bil-ġnub għoljin u b’għar ieħor iżgħar fuq ġewwa, aktarx il-fdal ta’ għar enormi li sfronda maż-żmien. Dawn l-inħawi jsibuhom bħala Irsejjen [117], aktarx minħabba s-sikka tawwalija (qisha ilsien żgħir, jew “ilsejjen”) li tinsab mal-ġenb ta’ din id-daħla qrib skoll ċkejken. F’xifer l-irdum li jagħti għal fuq din is-sikka, hemm il-fdalijiet immermrin ta’ biċċa mit-tempju preistoriku. Xi dokumenti juru li dan it-tempju kien għadu sħiħ sal-bidu tas-Seklu XX, iżda minn dakinhar ‘l hawn tista’ tgħid li ġġarraf għal kollox minħabba t-tqaċċit tal-blat li seħħ; il-ftit li fadal ukoll ukoll jidher ikkundannat, għax diġà ffurmaw xi kunsenturi ġodda u fondi fl-art qrib xifer l-irdum. Mill-Irsejjen ‘il ġewwa, il-baħar jibqa’ miftuħ iżda l-qiegħ isir baxx u jsejħulu Wara l-Abjad [118] jew Taħt l-Abjad. Dan peress li hekk kif jintemm l-irdum ta’ Xrobb l-Għaġin, il-kosta tikser lejn il-grigal u jibda rdum ieħor daqstant ieħor għoli u magħmul minn blat tal-bajjâd, saħansitra aktar artab. L-irdum innifsu jafuh bħala L-Irdum l-Abjad [119] jew L-Abjad il-Kbir (biex jingħaraf minn sies ieħor imsejjaħ l-Abjad iż-Żgħir, jew L-Abjad tal-Gżira, li qiegħed bejn Ir­-Ramla ta’ San Tumas u t-Torri ta’ San Tumas). L-Irdum l-Abjad huwa l-ġenb għoli ta’ lsien ta’ art imsejjaħ Il-Munxar [120] (għax partijiet minnu jfakkruk fis-snien ta’ serrieq, jew aħjar munxar) li dwaru forsi nitħaddtu f’xi artiklu ieħor ġaladarba issa ħriġna għal kollox mil-limiti ta’ Marsaxlokk u dħalna f’dawk ta’ Marsaskala. Inżid biss li minn Xrobb l-Għaġin tidher sew Il-Ponta tal-Munxar [121], fejn l-irdum jieqaf ħesrem u tibda Is-Sikka tal-Munxar [122]. Din tibqa’ ħierġa għal aktar minn mil ‘il barra minn taħt wiċċ il-baħar u hija fost l-itwal sikek fil-Gżejjer Maltin. Magħha ġieli nkaljaw xi vapuri kbar.

Egħluq

F’dan l-artiklu ppruvajt niġbor l-informazzjoni għanja iżda mxerrda li għadha teżisti dwar it-toponomastika ta’ dawn l-inħawi, u norbotha mal-ġrajjiet naturali u storiċi tagħhom. Iżda nixtieq ngħid ukoll li xi fattizzi naturali ovvji (ngħidu aħna, għerien max-xatt), li żgur għandhom isem u storja, s’issa ma rnexxielix nitkixxef wisq dwarhom. Daqstant ieħor iltqajt ma’ ismijiet oħra li ma semmejthomx f’aktar dettall għax l-informazzjoni dwarhom ma kenitx ċara biżżejjed. Fost dawn, insemmi uħud li jidhru fil-kitbiet qodma ta’ G.F. Abela u ta’ P.P. Castagna: Il-Għar (żona arkeoloġika b’ħaġar kbir, fl-inħawi tal-Marnisi); Il-Marbat ta’ Delimara (għolja qabel ma’ tidħol fil-port, forsi fejn illum hemm il-fortizza); Ras il-Ħaġra (ponta x’imkiem lejn it-Tumbrell u Xrobb l-G]a[in); Id-Dokkiena (posta tal-għassa x’imkien bejn Xrobb l-Għaġin u Il-Qali); Il-Kmamar (“kalanki żgħar bi pjanura quddiemhom”, wkoll fl-istess in]awi) u Nadur il-Kelba (stazzjon ieħor tal-għassa). Insomma, biex ma ntawwalx, jidher li għad hemm bosta tagħrif ieħor x’jinġabar. Għaldaqstant, minbarra li nirringrazzja lil kull min għoġbu jagħtini informazzjoni jew ħjiel, nappella lil min jaf xi ħaġa aktar fuq dawn l-inħawi biex jaqsam dak li jaf mal-qarrejja ta’ din il-rivista.

Alex Camilleri (C)

Riferenzi

  1. Abela, Gio. Francesco (1647). Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano con le sue Antichità ed Altre Notitie (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1984).
  2. Aquilina, Joseph (1987). Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.
  3. Braun, Hugh (1946): Works of Art in Malta – Losses and Survivals in the War. His Majesty’s Stationery Office.
  4. Castagna, Pietro Paolo (1866): Lis Storia ta Malta Bil Gzejer Tahha (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1985).
  5. Dougall, Angelo (2001). Il-Fanal ta’ Dellimara. L-Imnara 6(4) Ħarġa 25.
  6. Gatt, Michael (2006). Il-Ġeoloġija u l-Paleontoloġija tal-Gżejjer Maltin II (Sensiela Kullana Kulturali, nru. 69). Pubblikazzjonijiet Indipendenza.
  7. Guillaumier, Alfie (1987). Bliet u Rħula Maltin (L-Ewwel Volum). Valletta
  8. Haywood, J.A. & Nahmad, H.M. (1982). A New Arabic Grammar of the Written Language. Lund Humphries Publishers Ltd.
  9. Malta Sheets I-X, ippubblikati mill-Geographical Section General Staff, War Office, GSGS No. 3852, u stampati fl-Ordnance Survey Office (Southampton, L-Ingilterra), 1911-1940.
  10. Spiteri, Stephen C. (1994). Fortresses of the Cross. Heritage Interpretation Services.
  11. Spiteri, Stephen C. (1996). British Military Architecture in Malta.
  12. Zahra, Walter R. (1978). Storja tażŻejtun u l-Inħawi Tiegħu (L-Ewwel Volum). Veritas Press.
  13. Zingarelli, Nicola (2003). Vocabolario della Lingua Italiana. Zanichelli Editore.

 Komunikazzjonijiet personali:

  1. Alex Borg (informazzjoni mingħand qraba Ħalluqin), 1997 & 2000
  2. Anġlu Agius (sindku tal-Gudja), 1994
  3. Anthony Bonanno (Prof.), Tas-Silġ 1996
  4. Baldacchino (isem mhux magħruf, bidwi f’Il-Magħluq, Marsaxlokk), 1995
  5. Bertu (sajjied xiħ miż-Żurrieq), f’Għar in-Ngħaġ (1996)
  6. Edmond Caruana (minn Marsaxlokk), 1989
  7. Frans Farrugia (minn Ħal Għaxaq), 1994
  8. Frans (sajjied minn Ħal Luqa), 1996
  9. Ġużi Gatt (miż-Żejtun), 2005 u 2008
  10. James Sacco (minn Birżebbuġa), 1988
  11. Joe (sajjied minn Ħal Luqa), 1996
  12. John Borg (Malta Bat Group), 1997
  13. John Grech (minn Birżebbuġa), 1997
  14. John Zammit (minn Birżebbuġa), 1999
  15. Louis F. Cassar, 1994 & 2008
  16. Manwel “Il-Malel” (sajjied min-Nigret), 2005
  17. Michael Farrugia (kunsillier, Birżebbuġa), 1994
  18. Michael (kaċċatur miż-Żurrieq) f’Wied il-Bassasa, 1994
  19. Noel Zahra (miż-Żejtun), 1989
  20. Pauline Abela (minn Ħal Tmim, iż-Żejtun), 1999
  21. Richard Tonna (minn Bengħisa), 1988-90
  22. Simon Buttiġieġ (minn Marsaxlokk), 1995
  23. Bdiewa u nassaba (anonimi) f’dawn il-postijiet: Blat is-Siġra (1992), Il-Morra (1993), It-Trunċiera/Għar in-Ngħaġ (1996), Xrobb l-Għaġin (1999), L-Eħfar (1999) u Il-Ponta tat-Tumbrell (2001).
  24. Bejjiegħa xiħa (anonima) f’ħanut tal-merċa fi Triq Għar Ħasan (Bengħisa), 1990
  25. Ħaddiema tas-salini (anonimi) f’dawn il-postijiet: Il-Ponta ta’ Delimara (1994) u Il-Kalanka l-Fonda (2001)
  26. Sajjieda (anonimi) f’dawn il-postijiet: Wied il-Mixta (1990), Għar in-Ngħaġ (1994), Bengħisa (1996) u Id-Daħla ta’ San Tumas (2000)