Bengħisa u madwarha.

Kitba ta’ Alex Camilleri . L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 32, 2008. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Hekk kif tħalli l-bokka tal-port u ddur ma’ l-ilqugħ twil li llum ikennen il-port ħieles ta’ Kalafrana (sewwasew bi dritt il-Ponta ta’ Delimara), jibdew ix-xtut miftuħin beraħ ta’ Bengħisa. Ix-xifer preċiż fejn l-ilqugħ innifsu huwa mqabbad ma’ l-art jissejjaħ Il-Ponta żŻgħira [183], ismu miegħu peress li mhux għajr it-tarf ċkejken ta’ peniżola qasira u wiesgħa magħrufa bħala Ir-Ras [184] jew Ras Bengħisa. Illum, din il-ħarrieġa kbira ta’ art hija okkupata kważi għal kollox mit-tankijiet taż-żejt, u għadu jintgħaraf biss il-blat ta’ max-xatt matul ix-xaqliba l-barranija tagħha (bejn il-Ponta ż-Żgħira u Wied ix-Xaqqa). Hawnhekk kien jinsab It-Torri ta’ Bengħisa [185] (ieħor fost it-tlettax-il torri tal-Gran Mastru De Redin) u sur baxx tas-Seklu XVIII li kien iħares id-dawra sħiħa tar-Ras; it-tnejn li huma kienu twaqqgħu fi Żmien l-Ingliżi u llum l-uniku ħjiel li għad fadal tagħhom issibu f’xi ritratti qodma. Mir-Ras, sewwasew mill-biċċa li jgħidulha Tas-Sikka [186] (ftit metri ‘l bogħod mill-Ponta ż-Żgħira), toħroġ ukoll Il-Ponta ta’ Bengħisa [187], waħda mit-truf ewlenin tal-gżira. Din il-ponta tibqa’ ħierġa ‘l barra għal tul ġmielu minn taħt wiċċ l-ilma u tifforma Is-Sikka ta’ Bengħisa [188], jew sempliċement Is-Sikka. It-tul sħiħ ta’ din is-sikka jidher sew f’xi maltempata qawwija, peress li l-mewġ jibda jitkisser magħha saħansitra madwar żewġ mili ‘l bogħod mill-art. Fil-baħar fond mal-ġenb tas-sikka, għad hemm il-ġewnaħ ta’ ajruplan li kien twaqqa’ fil-gwerra. Kemmxejn lejn il-lbiċ tal-Ponta ta’ Bengħisa jinsabu Il-Barriera [189] u Il-Ħofra tal-Melħ [190] (jew il-Mellieħa), it-tnejn isimhom magħhom bħalma jixhdu l-irqajja’ ta’ blat maqtugħ u l-fdalijiet ta’ salini qodma li għad hemm max-xatt.

Il-Mara

Jekk tibqa’ ddur mar-Ras, tasal għal Wied ix-Xaqqa [191] (jew Il-Kanal ta’ Wied ix-Xaqqa, inkella Il-Qala ta’ Wied ix-Xaqqa), qala tawwalija u dejqa li mad-daqqa t’għajn tagħti ftit lemħa lil Wied iż-Żurrieq għajr għall-iżvilupp industrijali ikrah ta’ madwarha. Isimha llum jitlissen bħala “xoqqa” iżda kitbiet qodma donnhom juri li l-isem orġinali aktarx kien “xaqqa”.  Kif jixhed l-isem stess, din id-daħla mhix għajr il-bokka ta’ wied mgħarraq kważi għal kollox taħt il-baħar; il-kumplament tal-wied intradam taħt kwantità kbira ta’ naqal u ħamrija li kien ġarr huwa stess, li difnuh għal kollox tant li ma baqax jidher. Dan il-materjal naturali, jew aħjar Depożiti Kwaternarji, maż-żmien spiċċa iffossillizzat u llum jidher mill-baħar bħala feles għoli ta’ blat artab ħamrani maqrus bejn iż-żewġ ġnub tal-wied, sewwasew fuq ir-ramla ċkejkna li hemm fil-parti l-ġewwenija tal-qala. F’dawn id-depożiti kien instab ukoll xi għadam ta’ annimali li llum m’għadhomx jeżistu, l-istess bħalma kien seħħ f’Għar Dalam. Meta ftit ‘il bogħod (hekk kif taqsam it-triq wiesgħa li tagħti għal ħdejn it-tankijiet tal-port) tqatta’ l-blat bħala parti mill-iżvilupp tal-port, parti mill-wied li kienet mgħottija sfat imħanxra min-nofs u issa tidher f’għamla ta’ “V” fil-faċċata tal-blat bħala roqgħa ħamranija ingastata fil-blat aktar ċar ta’ madwarha. Din il-ħsara bla bżonn aktarx setgħet tkun evitata permezz ta’ sondaġġi tekniċi xierqa u naqra aktar galbu fix-xogħlijiet. Fil-baħar quddiem id-daħla ta’ Wied ix-Xaqqa, hemm ukoll medda ta’ baħar baxx bl-istess isem (Is-Sikka ta’ Wied ix-Xaqqa [192]); il-qiegħ aktar fond li jifridha mis-Sikka ta’ Bengħisa jgħidulu Bejn il-Qsura [193]. L-artijiet għoljin lejn il-punent ta’ Wied ix-Xaqqa isibuhom bħala Ix-Xoqqiet [194] (fl-1995 hawnhekk infetħet barriera kbira) u L-Inwadar [195] (plural ta’ “nadur”, li diġà fissirnih).

It-tarf tal-foss tal-Fortizza ta’ Bengħisa u fl-isfond, il-binjiet militari magħrufin bħala it-Trunċiera

Wara Il-Ponta tal-Wied [196] (jew sempliċement Il-Ponta) li tinsab fil-bokka ta’ Wied ix-Xoqqa, jibda sies baxx li mbagħad jibqa’ jogħla bil-mod lejn il-punent. Minn hawn tibda x-xaqliba l-għolja tal-gżira ta’ Malta, li tibqa’ sejra sa Fomm ir-Riħ u li bħalma rajna f’wieħed mill-artikli ta’ qabel tissejjaħ Wara Malta [247] jew Mal-Ġebel. Sewwasew malli taqbeż il-Ponta, tara quddiemek L-Ilsien [197] (blata tawwalija maħruġa ‘l barra għal fuq il-baħar), li tista’ tintlaħaq ukoll billi tixxabbat ‘l isfel ma’ faċċata blat kemmxejn għolja li tinsab biswitha (IżŻurżieqa [198], hekk imsejħa minħabba l-għamla lixxa u mżerżqa tagħha). Ftit ‘il fuq mil-livell tal-baħar fid-daħla ċkejkna li hemm maqrusa bejn Il-Ponta u L-Ilsien, tiftaħ il-bokka ewlenija ta’ Għar Ġamri [199], għar tassew twil (aktar minn 90 metru) u b’ħames bokok li madankollu bilkemm jidher minn barra tant kemm hu dejjaq. Dan l-għar jinfed minn wara L-Ilsien u ż-Żurżieqa, sa ma jerga’ jixref f’nofs sies għoli li jittawwal għal fuq daħla wiesgħa fil-baħar, fejn insibu wkoll għar kbir: Għar Kilwa [200] (hemm min igħidlu wkoll Għar Kidwa, filwaqt li fil-mapep jintwera bħala Għar Qirduwa). Hawn tispikka d-differenza qawwija bejn iż-żewġ għerien: filwaqt li Għar Kilwa tnaqqax bil-qilla tal-mewġ, Għar Ġamri (tawwali, dejjaq u ikkumplikat) huwa frott ta’ l-erożjoni mill-ilma ħelu, minkejja li jinsab mal-baħar. Tabilħaqq, hawn insibu l-bidu ta’ sensiela liema bħalha ta’ għerien (taż-żewġ tipi) li tibqa’ sejra matul ix-xtut kollha ta’ bejn Wied ix-Xoqqa u Wied Żnuber (f’Ħal Far).

Il-Mina ta’ Karlu u Għar Tentuxa fl-isfond

Taħt is-sies mat-tarf l-ieħor tad-daħla ta’ Għar Kilwa, u tittawwal għal fuq id-daħla,  tinsab ħnejja naturali ħelwa (Il-Ħofra [201]); flimkien mat-tondjatura ta’ parti mis-sies, din tidher li hija l-fdal ta’ għar ieħor (illum mikul u mġarraf mill-elementi) li kien hawn fl-imgħoddi. Mal-ġenb tal-ħnejja hemm minżel magħmul minn xi skaluni fil-blat, mnejn tista’ tixxabbat ‘l isfel lejn L-Artal [202] (ponta żgħira li tlaqqmet hekk minħabba l-għamla ċatta tagħha) u minn hemm imbagħad tista’ tinżel sal-baħar. Hemm ukoll għar żgħir fil-baħar nofs triq bejn L-Artal u Għar in­-Ngħaġ [203]. Dan ta’ l-aħħar huwa għar wiesa’ iżda mhux fond wisq; minn surtu jidher li tħaffer bl-effett tal-mewġ, għalkemm hawnhekk l-art intrefgħet u llum l-għar jinsab f’nofs is-sies, fuq xkaffa ta’ blat żonqri madwar żewġ sulari ‘l fuq mill-ilma. Sewwasew fuq Għar in-Ngħaġ, taħt faċċata blat tal-franka, hemm wesgħa żgħira oħra b’żewġ għerien li bilkemm tinduna bihom (It-Toqbiet [204]); wieħed minnhom huwa tassew ċkejken iżda l-ieħor jibqa’ dieħel daqs 35 metru u minn ġewwa jixbaħ mhux ftit lil Għar Ħasan. Fil-qrib, sewwasew ħdejn It-Trunċiera [205] (binja militari ta’ Żmien l-Ingliżi, qrib is-sies), hemm ukoll it-tielet “toqba” ta’ l-istess għamla. Huwa għar baxx ħafna, qisu katusa, u biex tidħol fih trid titmiegħek mhux ftit. Wara t-Trunċiera, is-sies jerġa’ jogħla sa ma jilħaq Il-Fortizza ta’ Bengħisa [208]; f’nofs triq hemm L-Imnejżliet [206] (plural diminuttiv ta’ minżel) fejn minkejja li l-blat isir dejjem aktar skabruż, xi sajjieda ġieli jixxabbtu bil-ħbula għal isfel. Il-fortizza nnifisha nbniet fil-quċċata mill-Ingliżi bejn l-1910 u l-1912. Taħtha jinsabu tliet għerien imdaqqsin fil-baħar, fosthom Għar Bottijiet [207] li mid-dehra ħa ismu minn ruxxmata mbarazz li kien intrema għal isfel fl-imgħoddi.

Ix-xkaffa blat ċatta u baxxa mal-baħar li jgħidulha Is-Sidra

Il-parti tas-sies mat-tarf l-ieħor tal-fortizza tissejjaħ Tal-Mara [209], u sporġut ‘il barra minnha jispikka plier naturali daqsiex (Il-Mara [210]) li jħabbatha mas-sies innifsu bħala għoli. Interessanti li ħafna Żrieraq dawn l-ismijiet ilissnuhom b’aċċent imkarkar (“mâra”), u għaldaqstant dwar it-tifsira tagħhom hemm aktar minn fehma waħda. L-aktar verżjoni popolari hija li l-pilastru minn fuq il-baħar jidher qisu mara bit-tarbija f’ħoġorha, għax fil-fatt għandu żewġ qċaċet waħda aktar għolja mill-oħra. Iżda hemm min isostni li t-tkarkira fl-isem tindika li l-kelma propjament hija “magħara”, jiġifieri post mimli għerien. Li hu żgur huwa li din il-blata kbira tidher tiddomina l-inħawi ta’ madwarha, u minn mal-baħar tidher sew mill-bogħod. Tassew ħasra li s-sbuħija unika ta’ dan il-monument naturali tgħarrqet għal kollox meta fl-artijiet għojin ta’ fuqu (imsejħin L-Għanslija, isem li jindika art moxa fejn jikber kotran il-basal tal-għansal) infetħet barriera kbira li ħalliet tiċrita tassew kerha fil-faċċata ta’ l-irdum. U xi snin wara li l-barriera ngħalqet, bdiet tintuża bħala miżbla għall-irmied tal-faħam li kien jinħaraq fil-power station. Il-barriera nnifisha jsibuha bħala Il-Barriera ta’ Karlu [211], isem li narawh ukoll marbut ma’ minżel dejjaq maqtugħ fil-blat (It-Taraġ ta’ Karlu [212]) li minn xifer il-barriera jinżel mas-sies sal-baħar biswit Il-Mara. Taħt l-istess barriera hemm ukoll taraġ ieħor moħbi, maqtugħ fil-qiegħ ta’ għar naturali (Il-Mina ta’ Karlu [213]) li jinfed minn ġo fetħa dejqa mal-ġenb tal-minżel li semmejna għal fuq daħla fil-baħar ftit passi ‘l bogħod. Jingħad li dawn ż-żewġ inżul inqatgħu daqs mitt sena ilu, forsi għall-kuntrabandu.

Wied il-Mixta

Jekk minn xfar il-barriera tħares lejn il-punent, ma tistax ma tilmaħx il-bokka tonda ta’ Għar Tentuxa [215], li tixref fil-għoli qisha gallarija f’nofs l-irdum; dan l-għar b’żewġt iħluq trid tixxabbat biex tilħqu. Hemm ukoll għar ieħor iżgħar (ukoll frott l-effett ta’ l-ilma li jnixxi taħt l-art) ftit aktar ‘il bogħod f’Ix-Xaqlib [216], medda art imżerżqa qisha niżla wieqfa li tispiċċa f’pizz ċatt li jittawwal għal fuq xifer l-irdum. Mixja qasira tieħdok lejn Wied il-Mixta [218], wied żgħir iżda fond li jibda minn taħt l-artijiet Tar-Ranżija [226], IċĊens ta’ Wied il-Mixta [220] u Il-Wilġa [225] (qrib ir-raħal ta’ Bengħisa) u jaqta’ fil-blat sa ma jasal sa inqas minn sular mil-livell tal-baħar; hawnhekk iferra’ ilmijietu minn fuq ħoġor dejjaq u maħruġ ‘il barra (Il-Ħalq [221]) li jixbaħ ftit lil żennuna ta’ buqar. Fil-viċin jinsabu wkoll tliet posti tas-sajd: Taħt il-Pizz [222], Post il-Qampiena [223] u Il-Ponta [224]. Ġol-wied innifsu hemm ukoll Għar it-Tafal [219], jew L-Għar ta’ Wied il-Mixta, li kien jintuża bħala abitazzjoni fi żmien il-gwerra u (skond xi sorsi) anke fi żmenijiet preistoriċi, u sewwasew bi drittu fuq in-naħa l-oħra tal-wied jinsab Għar ir-Riħ [217] jew L-Għar ta’ Bieb ir-Riħ. Dan ta’ l-aħħar tidħol għalih minn bokka żgħira moħbija wara blata, u ħa ismu minħabba ż-żiffa li kważi dejjem tonfoħ ġo fih; huwa mina naturali twila u mill-isbaħ li tieħdok lura lejn l-inħawi tax-Xaqlib, fejn tinfed l-irdum u tiftaħ bokka oħra dejqa m’ogħla tliet sulari li suritha tixbaħ lil toqba ta’ muftieħ. Dan huwa l-aqwa eżempju tat-tip tiegħu fil-Gżejjer Maltin; tnissel bl-istess mod bħal Għar Ħasan (magħruf teknikament bħala phreatic tube), iżda mbagħad meta l-livell ta’ l-ilma tal-pjan niżel, hawnhekk l-ilma kompla jaqta’ aktar fil-fond sabiex ħoloq il-forma li naraw illum u li fl-istudju tal-ġeoloġija jsibuha bħala vadose canyon.

Għar Ħasan

Eżatt taħt Għar ir-Riħ hemm ukoll żewġ għerien imdaqqsin fil-baħar, filwaqt li man-naħa l-oħra tal-Ħalq (daqs metru ‘l fuq mill-baħar) hemm żewġ għerien li jinfdu ma’ xulxin. Minn hawn ‘il quddiem jibda s-sies għoli ta’ Blat is-Siġra [228], isem aktarx marbut ma’ siġra xiħa tat-tin li tikber imdendla mal-faċċata tiegħu. F’dawn l-aħħar snin, minn dan is-sies żonqri iżda mixquq tqaċċtu bosta tirxien u waqgħu għal isfel fil-baħar, li għaldaqstant huwa pjuttost baxx u ħa l-isem ta’ L-Iskolli [227]. Mill-istess tqaċċit ta’ blat ħelsuha bi żbrixx tliet għerien (tnejn minnhom mid-dehra ġieli jsejħulhom Għar il-Gawwi [229] u L-Għar tat-Tavla [230]) li jittawlu mill-għoli taħt xifer imbewwaq fl-irdum tant li trid tiddendel fil-vojt biex tasal għalihom; għalkemm dawn iż-żewġ għerien partikolari qatt ma kelli l-okkażjoni li nidħol fihom (rajthom biss mill-baħar), min daħal assigurani li t-tixbita għalihom hija esperjenza tal-biża’.

Aktar ‘il bogħod, dejjem fil-għoli, hemm ukoll Għar Imqabad [231], ismu miegħu għax hemm xi skaluni maqtugħin fil-blat li jgħinuk meta tixxabbat għalih. Minn ġewwa, dan l-għar tistħajlu sala kbira u tonda u mhux fond wisq, iżda għandu bokka tabilħaqq kbira li jekk taraha minn fuq il-baħar tiżboq sew lit-tliet bokok ta’ Għar Ħasan [232] li jidhru qribu. Għar Ħasan huwa għar twil u fond, b’bosta friegħi ilkoll minquxin f’forom sbieħ mill-ilma li jiskula; fil-parti l-aktar ġewwenija jgħix ukoll għadd ġmielu ta’ friefet il-lejl, filwaqt li mat-tarf nett maġenb it-tielet bokka hemm kamra qadima maqtugħa fil-blat, li tissejjaħ Il-Kamra tad-Daqqâq [233]. Skond it-tradizzjoni popolari, isem l-għar huwa marbut mal-leġġenda ta’ Ħasan, Għarbi li kien baqa’ jgħix fih wara t-tluq ta’ l-Għarab minn Malta u li temm ħajtu hawn stess billi qabeż għal isfel biex jaħrab mill-Maltin mgħaddbin li kienu qed ifittxu lilu u lit-tfajla li kien ħataf minn Bengħisa. Iżda aktarx li l-leġġenda hija biss ħlieqa, u li l-isem huwa ferm eqdem. Ta’ min jgħid ukoll li meta n-nies ta’ l-inħawi jitkellmu dwar dan l-għar ilissnu l-isem bħala Għar Ħàsan (bl-aċċent fil-bidu) u mhux Ħasân.

Ritratt tal-ajruport ta’ Ħal Far meħud fl-1960

Sewwasew qrib il-bidu ta’ l-passaġġ li semmejna, iżda moħbi sew, jinsab ukoll Għar il-Fniek [234], għar ċkejken iżda kenni li aktarx ħa ismu mill-bejtiet tal-fniek salvaġġi li kultant issib fl-inħawi. Hawn ta’ min jinnota x’konċentrazzjoni ta’ għerien naturali imħaffrin mill-ilma ħelu tinsab f’dawn l-inħawi: Għar Ġamri, Il-Ħofra, It-Toqbiet, Il-Mina ta’ Karlu, Għar Tentuxa, Għar ir-Riħ, Għar it-Tafal, Għar il-Gawwi, L-Għar tat-Tavla, Għar Imqabad, Għar Ħasan, Għar il-Fniek, u l-bosta toqob li jidhru taħt Il-Fortizza ta’ Bengħisa u li mhumiex għajr għerien oħra ta’ l-istess għamla iżda dojoq wisq biex tidħol fihom. Għalkemm għerien oħra bħal dawn jeżistu wkoll f’postijiet oħra (ngħidu aħna, fl-inħawi ta’ l-Imtaħleb, Il-Girgenti, u x-Xagħra f’Għawdex), imkien fil-Gżejjer Maltin ma ssib kwantità daqshekk kbira miġbura f’post wieħed. Iżda fost l-għerien kollha li semmejna, Għar Ħasan biss huwa magħruf sew fost il-Maltin u bla dubju, dan in-nuqqas ta’ għarfien ma tantx għen biex dawn l-inħawi u l-wirt naturali uniku li joffru jkunu apprezzati daqs kemm ħaqqhom, ħaġa li tinħass sew meta tara l-istat qawwi ta’ telqa ta’ ċerti bnadi u l-ħafna ħsarat kbar li tħallew isiru fl-aħħar erbgħin sena mad-dawra kollha ta’ Bengħisa.

Il-Ħajt / trunċiera militari li jaqsam Wied Żnuber

Taħt Għar Ħasan u Għar il-Fniek hemm ukoll żewġ għerien kbar fil-baħar. Imbagħad, is-sies joħroġ aktar ‘il barra għal fuq il-baħar bħala ras għolja li l-baħħara jsibuha bħala Il-Kap iżŻgħir [235] (Il-Kap il-Kbir jinsab aktar lejn iż-Żurrieq) jew Il-Blata ta’ Għar Ħasan. Minnha ‘l quddiem, is-sies innifsu jibdel ismu u jsir Blat il-Far jew, kif isejħulu aktar spiss, Blaqt il-Far [236]. Minn taħtu toħroġ xkaffa blat ċatta u baxxa mal-baħar li jgħidulha Is-Sidra [237], filwaqt li l-art għolja ta’ fuqu (illum żviluppata bħala qasam industrijali kbir, sewwasew fejn fil-bidu tas-Seklu XX kien inbena l-ewwel ajruport ta’ Malta) tissejjaħ IċĊnus [238]. Issa ħriġna għal kollox minn Bengħisa u qegħdin Ħal Far [239]. Fil-qrib hemm ukoll L-Artal [240], jew Ras l-Artal, ismu miegħu għax maħruġ ‘il barra mill-parti l-għolja tas-sies għal fuq il-baħar iżda maqtugħ minn taħt; maġenbu hemm għar ieħor kbir fil-baħar. Biex ma nitbiegħdux iżżejjed mill-Port ta’ Marsaxlokk, naslu biss sa Wied Żnuber [241], wied fond u mimli siġar li jaqsam iz-zona industrijali fi tnejn u li minn ħdejn Il-Ġebla Msaqqfa [242] (dolmen preistoriku) jibqa’ nieżel sal-baħar fejn jifforma daħla wiesgħa bejn żewgt irjus għoljin: Ix-Xifer ta’ Fuq [244] u Ix-Xifer t’Isfel [243]. Jingħad li isem il-wied ġej mis-siġar taż-żnuber li kienu jikbru hawn fl-istat salvaġġ sa ma nqerdu għal kollox fis-seklu XX minħabba sfruttar bla rażan tar-riżorsi ambjentali. Billi mill-bokka tal-wied setgħet isseħħ invażjoni mill-baħar, fi Żmien l-Ingliżi nbniet trunċiera li taqsam il-wied; tixbaħ ħafna lill-Victoria Lines (iżda iqsar) u tinżel għaliha minn ħdejn ix-Xifer t’Isfel, sewasew minn Minżel Spar [245], b’taraġ maqtugħ fil-blat. Aktarx li bħala parti mill-istess proġett militari twaqqa’ It-Torri ta’ Wied Żnuber [246], torri medjevali privat li kien jinsab mal-ġenb tal-wied.

JISSOKTA

Alex Camilleri (c)

Il-Ġebla Mwaqqfa (dolmen) f’Wied Żnuber