Birżebbuġa, Il-Qajjenza u Kalafrana.

Kitba ta’ Alex Camilleri . L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 32, 2008. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Il-fossos u l-kalati preistoriċi f’tarf ix-xatt bil-kappella qadima ta’ San Ġorġ fl-isfond

Bilkemm tilħaq taqbeż San Luċjan li ma jaħsdukx minnufih it-tankijiet tal-gass fl-artijiet ta’ Il-Fiddien [125] u warajhom il-labirint ta’ bini f’Il-Qajjenza [126] li jibqa’ sejjer kważi sa xifer il-baħar u jinfirex max-xatt sal-batterija Ta’ Ferretti [127], trunċiera ta’ l-1716 mistura wara ħajt għoli u msemmija għall-kavallier Francesco Maria Ferretti li kien ħallas għall-bini tagħha. Minn hawn ‘il ġewwa tidħol fil-Qala ta’ San Ġorġ [128],  bajja kennija mifruqa fi tnejn minħabba lsien baxx ta’ art taħt il-kappella qadima ta’ San Ġorġ [129] li tat isimha lil dawn l-inħawi. Il-kappella nnifisha hija magħluqa ġo trunċiera oħra tonda pariġġ Ta’ Ferretti, u hija l-eqdem fost it-tliet kappelel li jittawlu għal fuq din il-qala (l-oħrajn, iddedikati lil San Ġużepp u lill-Madonna, inbnew fis-Seklu XIX). L-ilsien li jixref għal ġol-baħar bejn iż-żewġ daħliet fih xhieda importanti tal-bidliet li seħħew fil-livelli ta’ l-art u tal-baħar fi żmenijiet reċenti: grupp ta’ fosos (silo pits) u par kalati (cart ruts) li mill-preistorja ‘l hawn sfaw nofshom mgħaddsin taħt l-ilma; jingħad li fl-imgħoddi (qabel ma ntradmu biex fuqhom saret triq ġdida) l-istess kalati kienu saħansitra jerġgħu jitfaċċaw fuq in-naħa l-oħra ta’ l-ewwel daħla. L-istess daħla, jiġifieri bejn iż-żewġ trunċieri li semmejna, tinsab sewwasew taħt It-Telgħa tal-Geru [130] (jew In-Niżla tal-Geru, skond jekk tħarisx lejha minn għajnejn Birżebbuġin jew inkella Żwieten, iżda dejjem bil-G bla tikka) li twasslek lejn Bir id-Deheb. Fiha ramla żgħira (Ir-Ramla ta’ San Ġorġ [131]) sewwasew fejn jiżbokka Wied Dalam [132] (jew Il-Wied ta’ Dalam), wied twil u fond li jibda minn Ħal Għaxaq u jserrep ‘l isfel fi triqtu għal hawn wara li miegħu jingħaqad wied ieħor iżgħar (Il-Wied ta’ Qamru [133]) li jinżel mill-artijiet tal-Marnisi u Ix-Xerriek [134].

Il-Batterija ta’ Ferretti, illum mibdula f’restorant.

Isem il-wied jidher marbut sew ma’ dak ta’ Għar Dalam [135], għar naturali fond li jinsab mal-ġenb tiegħu sewwasew taħt it-Telgħa tal-Geru. Skond id-dizzjunarju ta’ Ġużè Aquilina, isem dan l-għar ġej mill-kelma antika “dalam” li tfisser iljunfant, minħabba li ġo fih kienu nstabu mhux biss fdalijiet preistoriċi iżda wkoll għadam ta’ iljunfanti u annimali oħra li maż-żmien inqerdu minn dawn il-Gżejjer. Iżda filwaqt li din kienet tassew fost l-aktar sejbiet importanti f’Malta, isem l-għar huwa eqdem u m’għandux x’jaqsam magħha; aktarx li hu biss isem Semitiku ta’ tifel jew raġel.  Ta’ min jgħid ukoll li fuq in-naħa l-oħra tat-Telgħa tal-Geru (sewwasew fix-xaqliba msejħa In-Nigret [136]) hemm ieħor fost l-akbar għerien naturali fil-Gżejjer Maltin, Għar il-Friefet [137]. Dan huwa għar fond fuq tliet livelli li tħaffer mill-ilma li jiskula taħt l-art, u dari kien magħruf għall-kotra ta’ friefet il-lejl li kienu jgħammru fih qabel ma majnaw għal kollox meta l-inħawi nbelgħu mill-bini tal-Qajjenza.

Għar Dalam

Id-daħla l-oħra fin-nofsinhar tal-Qala ta’ San Ġorġ isservi ta’ port żgħir għad-dgħajjes iżda qatt ma rnexxieli nsir naf x’jgħidulha. Għal ġo fiha jiftaħ wied saħansitra akbar u aktar imdawwar minn dak ta’ Dalam: Wied Żembaq [138] (skond Aquilina, isem ta’ fjura), kultant imsejjaħ ukoll Il-Wied ta’ Majru jew Wied Pultu (għal binja qadima msejħa Ir-Razzett ta’ Pultu [139], li kienet inbniet minn ċertu Ippolito Novantieri). Dan il-wied jibda mill-inħawi ta’ Ħas-Sabtan [140] fil-Gudja, fejn jingħaqdu Wied Ħas-Sabtan [141] (jew Wied Mażeżu) u Il-Wied ta’ Burżinu [142] li t-tnejn jinżlu minn ħdejn ir-runway ewlenija ta’ l-ajruport. L-għolja tawwalija u dejqa ta’ bejn Wied Żembaq u Wied Dalam hija għanja ferm bħala wirt arkeoloġiku u storiku. It-tarf tagħha jittawwal għal fuq San Ġorġ u jissejjaħ In-Nadur [143] (post fl-għoli mnejn tista’ tgawdi veduta tajba, għall-għassa). Il-fdalijiet preistoriċi importanti (tempu ta’ żmien Ħaġar Qim u raħal fortifikat ta’ Żmien il-Bronż) li jinsabu fuqu ukoll ħadu l-istess isem: Borġ in-Nadur [144]. Mhux wisq ‘il bogħod hemm aktar kalati, qabar antik u xi żewġ dolmens, u f’Ta’ Kaċċatura [145] (bi dritt Għar Dalam) hemm torri żgħir qadim (It-Torri [146]) u l-fdal ta’ villa Rumana mill-isbaħ b’ġibjun kbir imsaqqaf.

Ir-Razzett qadim ta’ Pultu li qed jitħalla jaqa’ biċċiet

Lura max-xatt, wasalna fil-qalba tar-raħal modern ta’ Birżebbuġa, mibnija fuq medda kbira ta’ art (Il-Gżira [147]) maħruġa għal ġol-baħar bejn il-Qala ta’ San Ġorġ man-naħa tat-tramuntana u Ir-Ramla ta’ Birżebbuġa [151] (ramla mdaqqsa, isimha magħha) man-naħa tan-nofsinhar. Hawn ta’ min jgħid li r-raħal innifsu ġieli jsejħulu “Burżebbuġa”, iżda sa fejn naf din il-verżjoni ma tidhirx f’kitbiet qodma u għaldaqstant l-isem tal-post aktarx li għandu x’jaqsam ma’ bir aktar milli ma’ art watja (bur). Fir-ras tal-Gżira għad hemm il-fdal tat-Trunċiera tal-Gżira [149], batterija oħra tonda mibnija fl-1716 li fi żmienha kienet mgħammra bil-kanuni, u mbagħad imiss Il-Ponta tan-Ngħaġ [150] (jew Tan-Ngħaġ biss) fejn hemm il-pixxina tal-waterpolo. F’waħda mit-trejqiet fil-qrib tinsab il-knisja Tad-Duluri, l-ewwel knisja parrokkjali li damet isservi sakemm inbniet waħda ġdida u akbar (San Pietru) fl-inħawi Tal-Pajtier, qrib it-tarf tar-raħal li jagħti lejn l-art għolja Tal-Brolli [153] (jew Il-Brolli). Fir-Ramla ta’ Birżebbuġa jbattal ilmijietu Wied il-Qoton [154], wied ieħor twil iżda baxx. Dan il-wied għandu żewġt irjus ewlenin li tnejn li huma jibdew minn Ħal Far: Wied il-Kbir [155] jinżel mill-artijiet Tal-Qalgħa [156] u Ta’ B’Xejn [157], filwaqt li Il-Wied ta’ Qlima [158] (muri fil-mapep bħala Il-Wied tal-Klima) iserrep bil-mod bejn Ta’ Salvun [159] u Tal-Ġebel [160]. Dawn iż-żewġ widien jingħaqdu qrib ta’ razzett qadim imsejjaħ Il-Palazz [161], fejn tibda t-Triq tal-Ġebel. Fil-viċin, jinsab ukoll It-Torri ta’ Wied il-Qoton [162], torri antik tal-misħun li dari kien fil-kampanja iżda llum jinsab imdawwar bil-bini. M’għandniex xi ngħidu, l-artijiet Ta’ Wied il-Qoton [163] u Ta’ Wied il-Kbir [164] issemmew għall-widien ta’ ħdejhom.

Il-Kappella tal-Kunċizzjoni fir-raħal ċkejken ta’ Bengħisa

Fl-aħħar tletin sena, il-bini l-ġdid ta’ Birżebbuġa nfirex ukoll għal fuq l-artijiet ta’ Il-Girgħien [165] u Tal-Papa [166], u għaldaqstant wasal sa Wied il-Buni [167] (jew Il-Wied tal-Buni), l-aħħar fost il-widien li jferrgħu għal ġol-port. Dan il-wied jibda mill-artijiet għoljin Ta’ Wied il-Buni [168], ħdejn ir-raħal ċkejken ta’ Bengħisa [169] li jingħaraf bħala ġemgħa ta’ djar qodma maqtugħin mill-bqija ta’ l-abitat u miġbura madwar il-kappella tal-Kunċizzjoni u l-misraħ żgħir ta’ quddiemha. Minn hemm, il-wied ikompli nieżel biswit l-art imħarbta Ta’ Giligejla [170] (fejn hemm l-arbli tat-telekomunikazzjoni), u jiftaħ fil-Qala ta’ Wied il-Buni [171], li fil-fatt mhix għajr rokna żgħira fix-xatt imkenna taħt sur twil iżda baxx tas-Seklu XVIII. Minn hawn ‘il quddiem jibda l-port industrijali ta’ Kalafrana [174], aktarx l-aktar naħa tal-Gżejjer Maltin li rat taqlib qawwi. Minn Żmien l-Ingliżi sal-miġja tal-port ħieles, hawn tqattgħet u twittiet medda kbira ta’ art, sar irdim liema bħalu fil-baħar, u kien xkanat kulma kien jinsab fl-inħawi. Għaldaqstant, illum naraw biss wita artifiċjali u mollijiet wesgħin, iżda l-post ma kienx minn dejjem hekk. Sas-snin ’70, Kalafrana nnifisha kienet għadha teżisti bħala menqa mdaqqsa (isimha magħha – “kala” hija varjanta ta’ “qala”, filwaqt li “frana” Aquilina jorbotha mal-kelma Taljana għal ċediment ta’ l-art) u warajha kien hemm wied ċkejken (Wied Kalafrana [175] jew Il-Wied tal-Piti, imsemmi għal sid l-art) li jagħti għal ġo fiha. Aktar ‘il barra max-xatt kien hemm Il-Ħobża [176], L-Aħrieq [177] u Ix-Xifer [179] jew Ras Ġiljan, ilkoll ismijiet marbutin mal-forma tax-xatt: l-ewwel waħda tindika r-ras kemmxejn għolja li kienet tkennen id-daħla ta’ Kalfrana, l-oħra aktarx plural ta’ “ħarq” jew xaqq, u ta’ l-aħħar turi xoffa ta’ art maħruġa ‘l barra fil-baħar li dari kienet tintuża bħala posta tal-għassa. Dawn, flimkien ma l-għelieqi ta’ madwarhom, ilkoll spiċċaw. Magħhom intilfu wkoll xi binjiet storiċi bħat-Trunċiera l-Ġewwenija [172] (batterija ta’ l-1716 li kienet teżisti bejn il-Qala ta’ Wied il-Buni u Kalafrana, murija f’xi kitbiet storiċi bħala l-batterija Ta’ Mniek [173]); it-trunċiera “ta’ Fresnoy” f’Kalafrana stess; u It-Trunċiera tal-Ħrieq [178], oħra bħalhom li kien hemm bejn Kalafrana u l-bokka tal-port (sewwasew ħdejn l-Aħrieq) u li tat isimha lill-artijiet Ta’ Balbani [180] (uffiċċjalment, il-batterija kienet imsemmija għall-kavallier Cristoforo Balbani li kien ħallas parti mill-ispejjeż biex inbniet). L-istess ġara lill-fogazza li kienet maqtugħa fil-blat f’Ras Ġiljan u lil trunċiera oħra li kien hemm. S’issa, ir-raba’ Tal-Ħarrub [181] u Ta’ Miguma [182] (bejn Kalafrana u Bengħisa) ħelisha minn din ix-xorti.

JISSOKTA

Alex Camilleri (C)

Ir-Ramla ta’ Birżebbuġa