Jixraq li nibda dan l-artiklu billi nfakkar fl-għamla tal-gżira ta’ Malta donnha ħuta.  L-Aħrax tal-Mellieħa jifforma denb il-ħuta imma f’dan l-artiklu se mmissu lil ħalqha: Il-Port ta’ Marsaxlokk u x-xtut li jdawruh. Bħalma jixhed isem il-post, iżżjara tagħna se teħodna lejn port naturali kbir fix-xlokk ta’ Malta, magħmul minn golf b’ħalq wiesa’ li jinferaq f’żewġ fergħat ewlenin fuq ġewwa: daħla mdaqqsa li tibda mir-raħal ta’ Marsaxlokk, u ġabra ta’ daħliet iżgħar li madwarha żviluppaw ir-raħal ta’ Birżebbuġa u l-port industrijali ta’ Kalafrana.  Matul l-aħħar erbgħin sena, dan ta’ l-aħħar tbiddel f’wieħed mill-portijiet ewlenin tal-pajjiż, bit-taqlibiet soċjali u l-bidliet ambjentali qawwijin li dan kollu jġib miegħu. Minkejja dan, ix-xtut ‘il barra mill-port, kif ukoll xi rkejjen imwarrbin ġo fih stess, għadhom iżommu l-bixra naturali tagħhom, għalkemm anke dawn huma xi ftit jew wisq mhedda.

Kitba ta’ Alex Camilleri . L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 32, 2008. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Jixraq li nibdew propju b’Marsaxlokk, li ħa ismu mill-port innifsu. Bl-Għarbi u bil-Malti qadim, “marsa” tfisser port jew post fejn tista’ tankra, filwaqt li “xlokk” (mit-Taljan “scirocco”) hija d-direzzjoni fejn jiftaħ il-port. Billi Marsaxlokk huwa qabel kollox raħal tas-sajjieda, ċ-ċentru tiegħu (inkluża l-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Pompei) jinsab sewwasew f’ras Id-Daħla ta’ Marsaxlokk [3] li sservi wkoll bħala l-port tad-dgħajjes. Din ġieli tissejjaħ ukoll Id-Daħla ta’ Sant’ Andrija, għal statwa kbira ta’ dan il-qaddis li tidher fil-misraħ ewlieni tar-raħal. L-istess statwa tat ukoll isimha lil għajn ta’ ilma salmastru li hemm max-xatt faċċata tagħha, appuntu L-Għajn ta’ Sant’Andrija [4]. L-għajn innifisha hija żbokk naturali fejn l-ilma tal-pjan jitħallat mal-baħar; illum tinsab imdawra b’vaska msaqqfa (u mniffda mal-baħar) fejn is-sajjieda spiss iħallu l-biegħa tagħhom titlaħlaħ għall-frisk. Fuq il-lemin tal-għajn (jekk tkun qed tħares lejn il-baħar) jibda Ix-Xatt [5], illum bankina twila u wiesgħa mal-baħar fejn nhar ta’ Ħadd jintrama’ s-suq ta’ Marsaxlokk; xi ritratti qodma juru li minfloku dari kien hemm ramla. Fuq in-naħa l-oħra tal-misraħ, tista’ tgħid li tibda x-xaqliba magħrufa bħala Il-Magħluq [6], fl-imgħoddi laguna artifiċjali magħluqa fejn kien jitrabba l-ħut (l-istess bħall-Magħluq l-ieħor li hemm f’Marsaskala). Hawn seħħ tibdil qawwi għax il-parti l-barranija tal-laguna (Il-Magħluq tal-Qasab [7]) tħammlet u nfetħet biex illum isservi ta’ menqa għall-opri tal-baħar. F’dan it-taqlib intradmet ukoll Il-Belliegħa [8], ħofra żgħira li kienet mal-ġenb intern tal-laguna qrib fejn illum hemm il-bandli. Il-ġenb tan-naħa l-oħra, fejn hemm il-fdal ta’ binja żgħira ta’ Żmien il-Gwerra, tħalla bħala ħarrieġa tawwalija (Ir-Ras [9]) li tkennen il-menqa u li tintgħaraf minħabba statwa tal-Madonna li tqiegħdet fil-ponta xi snin ilu.

Il-Veduta minn ħdejn ir-Ras tal-Magħluq

L-art watja u baxxa ta’ wara l-Magħluq tal-Qasab minn dejjem kienet maqgħad ta’ l-ilma, għax għal ġo fiha jaqilbu l-artijiet għoljin ta’ L-Imsewweb [41] (isem li juri ċarċir ta’ l-ilma għal isfel) u Tas-Silġ [29]. Mat-tarf tal-wita għadu jidher gandott tawwali (Il-Kanal [10]) li jżomm għadira salmastra s-sena kollha u li għaldaqstant joffri ambjent fejn ix-xtieli ippuntati tas-simar u ħlejjaq oħra tal-għadajjar salmastri jgħixu fl-istat salvaġġ. Illum, il-Kanal u l-artijiet baxxi li jdawruh huma mħarsin bħala riserva naturali żgħira. Ix-xtajta mrammla ta’ biswithom (Ir-Ramla ta’ Marsaxlokk [11]) niftakarha tibqa’ ħierġa aktar ‘il barra lejn il-baħar, iżda tħammil bla rażan f’qiegħ il-baħar lejn il-bidu tad-disgħinijiet wassal għal erożjoni qawwija max-xatt. Għadu jidher xi ħjiel ta’ fejn kienet tasal l-art, ngħidu aħna blata żgħira b’marbat li dak iż-żmien kienet ma’ xifer ir-ramla filwaqt li llum trid tgħum biex tilħaqha. It-Torri tal-Kaċċatur [12], bini qadim li llum jintuża bħala restorant, jifred l-artijiet baxxi tal-Magħluq mill-għelieqi mtarrġin ta’ fuqhom (Il-Wilġa [13], isem spiss mogħti lil dan it-tip ta’ art); aktarx li kien parti mir-riserva tal-kaċċa li dari kien hemm fil-Magħluq. Aktar lejn il-lvant (fuq in-naħa l-oħra tat-triq li twassal lejn l-impjant ta’ l-elettriku), l-art għat-telgħa jgħidulha Il-Ballut [14], dettall interessanti għax donnu jindika li fl-imgħoddi hawn seta’ kien hawn xi masġar tal-ballut bħal fil-każ ta’ lokalitajiet oħra b’dan l-isem.

It-Torri ta’ Vendome

Lura lejn ix-xaqliba l-oħra tar-raħal, It-Torri Vendome [15] jew It-Torri tal-Pont għadu jispikka fi tmiem ix-Xatt minkejja li safa maqrus bejn binjiet oħrajn. Dan it-torri baxx u wiesa’, illum każin tal-football, inbena  fis-seklu XVIII bħala parti minn proġett ambizzjuż (imbuttat bil-qawwa mill-kavallier Philippe de Vendôsme) li kien jaħseb għal għadd liema bħalu ta’ trunċieri madwar il-Gżejjer Maltin. Warajh jibdew l-inħawi ta’ Il-Kavallerizza [16], isem Taljan li jfisser skola għar-rikkieba taż-żwiemel; din il-binja kbira kienet inbniet fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt u għadha hemm minkejja xi bidliet li dawruha f’villa. Qribha tinsab ukoll Il-Barumbara ta’ Lambert [17], torri tawwali li skond ismu kien jintuża għat-trobbija tal-ħamiem. Mill-Kavallerizza jibda wied baxx (ma nafx x’jgħidulu) li jniżzlek lura lejn il-baħar biswit Il-Ponta tal-Qrejten [18], ras żgħira isimha magħha (“qrejten” hija d-diminuttiv ta’ “qortin”, li tfisser ħarrieġa ta’ art) fejn hemm il-każin tal-waterpolo. Wara din il-ponta tintemm il-parti mibnija ta’ Marsaxlokk u titfaċċa Il-Fossa [19], ramla ċkejkna li madwarha jolqtok il-lewn ħamrani tal-blat artab magħmul minn ħamrija preistorika iffossillizzata. L-istess roqgħa gieli jsejħulha wkoll L-Għar l-Aħmar [20], għalkemm l-għar innifsu (żgħir u b’ċagħkija ġo fih) jinsab aktar lejn Il-Ponta tal-Marbat [21], li tkennen ir-ramla min-nofsinhar u li fiha wkoll xi mrabat tal-azzar imwaħħlin fil-blat. Issa ninsabu qrib it-tarf ta’ Ir-Ras [22], l-ilsien kbir ta’ art li joħroġ lejn ix-xlokk mill-artijiet għoljin ta’ Il-Marnisi (mit-Taljan “marnosi”, jiġifieri taflin) u jifred lil Marsaxlokk mill-bosta qaliet ta’ Birżebbuġa.

Il-Fossa, bil-Qrejten fl-isfond.

Mill-Ponta tal-Marbat ‘il quddiem jibda rdum wieqaf u tafli li jibqa’ sejjer sa taħt It-Torri ta’ San Luċjan [24], torri kbir li nbena mill-Gran Mastru Wignacourt fl-1610 fit-tarf nett tar-Ras biex iħares lil dawn l-inħawi mill-attakki tal-furbani Torok. Kien wieħed mill-ewwel u l-akbar torrijiet li nbnew mill-Kavallieri, u fis-Seklu XIX l-Ingliżi komplew dawruh b’fortizza qawwija (Il-Fortizza ta’ San Luċjan [25]). Minn taħt il-fortizza toħroġ ponta tawwalija u rqiqa (Il-Ponta l-Kbira [26]), b’sikka taħtha. Bi drittha, iżda maqtugħa għal kollox mill-art, hemm ukoll sikka oħra msejħa Il-Ħaġra [27] jew Il-Blata, li titla’ ħesrem mill-qiegħ fond ta’ nofs il-port u bilkemm tixref ‘il fuq minn wiċċ l-ilma; tintgħaraf minħabba arblu qisu lanza li kien twaħħal fuqha biex iwissi lill-baħħara. Wara t-Torri ta’ San Luċjan, l-irdum jerġa’ jitbaxxa u ma jibqax daqstant tafli, u hemm sensiela ta’ għerien żgħar mal-baħar sewwasew fil-punt imsejjaħ Tad-Debbra [28] li jħares lejn Birżebbuġa.

Il-Knisja tal-Madonna tas-Silġ

Qabel ma nkomplu mexjin mal-baħar, tajjeb li nagħtu ħarsa fil-qosor lejn l-artijiet aktar għoljin li jifirdu lil Marsaxlokk mil-limiti taż-Żejtun. Bla dubju, l-aktar magħrufa fost dawn hija l-għolja msejħa Tas-Silġ [29], għax fuqha nbniet il-knisja tal-Madonna tas-Silġ maġenb Il-Palazz ta’ Testaferrata [30], li llum jaqdiha bħala kunvent. Titwila bir-reqqa lejn dan ta’ l-aħħar malajr turi li qabel il-palazz kien hemm torri, li għadu jingħaraf fit-tarf tal-binja. Fuq in-naħa l-oħra tat-triq, l-artijiet Ta’ Bir Rikka [31] (kultant imdawrin f’Ta’ Berikka) jħaddnu fihom waħda mill-ogħna żoni arkeoloġiċi fil-Gżejjer Maltin, li tidher fil-kotba bħala “Tas-Silġ”. Il-fdalijiet li jinsabu hawn jibdew minn tempju ta’ żmien Ħaġar Qim u jibqgħu sejrin sa pedamenti medjevali; jingħad li Bir Rikka [32] nnifsu huwa ġibjun ta’ Żmien ir-Rumani.

 

San Niklaw

Aktar lejn il-punent, hemm ukoll il-fdalijiet ta’ tempju ieħor preistoriku, din id-darba misturin qalb il-ħitan tas-sejjiegħ bejn żewġt irħula antiki tal-kampanja, San Niklaw [33] u Ħal Ġinwi [34]. San Niklaw (li jagħmel maż-Żejtun) għadu jidher sew bil-kappella u l-misraħ tiegħu, filwaqt li minn Ħal Ġinwi għad fadal biss xi rziezet imxerrdin. L-artijiet li jdawruh (Tal-Wiċċ [35] u Ta’ Ħal Ġinwi [36]) jagħtu għal fuq Il-Wied ta’ Ħal Ġinwi [37], wied kbir u sabiħ mimli siġar tal-ħarrub li jibqa’ nieżel għal ġo Marsaxlokk stess. Id-Daħla ta’ Sant’Andrija mhix għajr il-bokka mgħarrqa tiegħu. Jekk taqsam il-wied, għadhom jidhru żewġ barumbari qodma, u mbagħad fejn tofroq it-triq tilħaq il-kappella ta’ San Pietru. Aktar ‘il fuq, f’Ras il-Wied [38] (isimha magħha) tara n-niċċa ta’ Santu Kristu [39] f’salib it-toroq. Minnha tibda t-triq dejqa li taqsam l-artijiet tal-Marnisi sa ma twassal lura lejn il-Kavallerizza u San Luċjan; matulha jinsab Il-Palazz ta’ San Duminku [40] (jew Il-Palazz tal-Marnisi), palazz ieħor privat ta’ Żmien il-Kavallieri.

JISSOKTA

Alex Camiller (C)

Il-Forti ta’ San Luċjan