Poeżija ħelwa li nkitbet minn Prof. Don G. Vassallo fl-1932.

Qalet lejla waħda, il-Pinna

lil Klamar:- Eluf ta’ snin

qiegħda ngħid, bejni u bejn ruħi,

aħna ilna miżżewġin.

 

U kemm għandna tfal!… Hemm tajjeb

illi ħobż ma jitolbux;

għaliex, kieku kienu jieklu,

kieku żgur ma ninqalgħux.

 

X’inti tgħid, il-Klamar qallha;

X’inti taqla, il-lejla, X’int?…

Kif qaltu: kemm hawn kotba,

Ommhom jien, Missierhom int!

 

U kemm huma sbieħ uliedna!

U kemm jafu ħwejjeġ!… kemm!

It-tfal tagħna, għorrief kollha,

ma jħallux il-Għerf jintemm!

 

Tixtieq taf kif bdiet id-dinja?..

X’sar fl-ibgħad żminijiet?…

Kemm li miet ilu l-Imħammet?

Kif jitqassmu l-artijiet?…

 

Trid taf kemm hu għoli s-sema?…

Fond il-baħar?… Kbira l-art?…

Għax jiġġieldu ix-xemx u l-qamar?

Mniex il-għomma?… Mnejn il-bard?

 

Jew kif għandek tgħix fid-dinja?…

Jew (jekk int) ma tibqax fqir?…

Sa fejn jasal moħħ il-bniedem?…

Jew il-brandi kif isir?…

 

Jew… x’naf jiena!… Kollox, kollox,

jgħidulek u malajr,

b’ilsna qodma, b’ilsna ġodod,

bil-latin, bil-grieg, bil-qwajr.

 

X’jaqta lsienek, Alla jbierek!

(ħabat jisħon il-Klamar):

Isbaħ x’hemm mn’ulied il-Kokka?

Jien missier , ma nara ċar.

 

Kolla sbieħ! kollha għorrief!…

Iva, Pinn… tajbin ilkoll!

Ħilek int tinfixel bl-oħxon,

u hekk infxilt il-lejla wkoll!

 

Għandna x’erba’ galantomi,

li tassew jagħmlulna unur,

imma bona grazzja tiegħek,

l-aqwa fosthom mhux sigur!

 

Għandna z-zopop, għandna l-għomi,

għandna il-muti u t-turxien;

Għadna wkoll il-boloħ sewwa,

li mnejn ħarġu ma nafx jien!

 

Għandna mbagħad, partita oħra,

illi jgħidu ftit, jew xejn;

Għandna oħrajn li jtawwlu qamar,

dak li tista’ tgħid f’sagħtejn!

 

Jekk trid int titħaddet sewwa;

Il-wisq minnhom tfaħħarhomx;

Jekk imbagħad, trid tħobbhom, ħobbhom!

Jien għalija, ma nħobbhomx!

 

Kien hemm darba Sultan għarbi,

(da mn’uliedna nafu jien)

li sab ġemgħa tfal minn tagħna

u xeħithom ġon-nirien.

 

Xi ħadd għela; u qallu: “Sidi,

għala sidi?… maħruqin?”

Is-Sultan refagħlu spalltu:

“Ħija,” wieġbu, “battalin!”

 

X’għaqal kellu dak il-Għarbi!

il-battal jixħtu fin-nar.

Illi tfal kelln’aħna inqas,

kieku d-dinja tmur aħjar.

 

Xejn tinkorla!… xejn la tagħdab!…

x’fhimt li huma da t-tfal tiegħek?…

Jiġi waqt, Mulej aħfirli,

nidgħi s-siegħa li ltqajt miegħek!

 

Prof Don G. Vassallo