Wirt l-Islam fil-gżejjer Maltin.

Kitba ta’ Dr. C. J. Jaccarini MD, FRCP, DCh. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara 7(2002)1 Nru. 26

Hawn min jgħid li minbarra l-lingwa, l-Għarab kienu daħħlu f’pajjiżna t-tqassim tar-raba’ f’taraġ immewweġ ta’ għelieqi mdawwrin b’ħitan tas-sejjieħ kif ukoll l-użu tas-sienja għat-tisqija tal-uċuħ. Jingħad ukoll li kienu huma l-ewwel li ħawwlu f’Malta s-siġar taċ-ċitru. Iżda dan kollu mhux la kemm wieħed jasal biex jipprovah. Lanqas wieħed jista’ jkun fiż-żgur jekk il-bixra arkitettonika ta’ l-irziezet Maltin, bi kmamar ċatti mibnijin dawramejt ma’ bitħa żgħira, u dik ta’ l-irħula, bit-toroq dojoq u sqaqien li jserrpu u jidħlu ġo xulxin bla ma jsegwu pjan fiss, humiex ukoll influwenza ta’ l-Għarab. Kull ma nistgħu ngħidu hu biss li għad fadal fostna tliet elementi mhux komuni, jiġifieri l-isqifa – passaġġ imsaqqaf li jieħu dritt għal ġo razzett, ir-roundels ġebliet kbar u tondi ngastati ġol-ħitan u mnaqqxin b’disinji dekorattivi, u l-muxrabija huma tipiċi tal-kultura Islamika1.

F’din il-kitba se nagħti xi tagħrif fil-qosor dwar din ta’ l-aħħar (bil-Għarbi mushrabiya), li għalkemm illum qajla għadna nisimgħu biha, kienet qiegħdha f’ħalq il-poplu fi żminijiet oħra u kienet saħansitra msemmija minn Temi Zammit f’waħda mill-istejjer qosra tiegħu2.

Il-Muxrabija hi bħal paraventu jew skrin dekorattiv ta’ l-injam li kien jinħadem bl-idejn jew bit-torn f’għamla ta’ kannizzata u kien jgħatti l-fetħa ta’ tieqa. B’hekk wieħed seta’ jittawwal ‘il barra minn ġot-tieqa bla ma jidher. Dan hu element interessanti tal-kultura tradizzjonali Islamika fejn is-soċjetà kienet minn dejjem iddominata mill-irġiel u fejn fl-imgħoddi n-nisa ma tantx kellhom kuntatti diretti mad-dinja ta’ barra. Għalhekk fil-waqt li l-irġiel setgħu joħorġu ‘l barra kull meta fettlilhom, in-nisa kienu jibqgħu misturin f’darhom u setgħu biss jaraw x’kien qed jiġri madwarhom billi jittawlu minn wara l-muxrabija.

Għalkemm l-użu tal-muxrabija issa ilu sew li nqata’ minn pajjiżna, dan l-oġġett xorta għadu jqajjem interess fost l-istudjużi ta’ l-etnografija, ta’ l-antropoloġija u ta’ l-arkitettura għaliex jixħet dawl partikulari fuq id-drawwiet ta’ l-imgħoddi u l-ħajja domestika ta’ missirijietna. Jingħad li l-iktar muxrabija antiki fid-dinja li nafu bihom s’issa huma dawk tas-seklu IX.

Aquilina jiddefinixxi l-muxrabija bħala “a roofed balcony or projecting oriel window3, imma fil-fehma tiegħi din id-definizzjoni hi xi ftit xotta u ma tkoprix il-bosta forom ta’ muxrabija li għadhom jeżistu fil-gżejjer Maltin. Ta’ min jinnota wkoll li hawn xi wħud li minflok il-kelma muxrabija jużaw muxrafija, kelma li sa fejn naf jien ma tinstab f’ebda dizzjunarju Malti4. Kultant għadna nisimgħu ‘il xi xiħ raħli li jirreferi għaliha bħala n-nemmiesa, waqt li hemm oħrajn li jsibuha bħala x-xerriefa. Il-muxrabija qadima li hemm fir-Rabat, Għawdex, isejħulha l-kixxiefa jew inkella l-kixxifija5. Fl-aħħarnett hemm il-ġlusija jew ġelusija6, persjana f’apertura ta’ tieqa li tinfetaħ ‘il fuq minflok lejn il-ġenb, li tista’ titqies ukoll bħala varjazzjoni tal-muxrabija.

Il-muxrabiji li għad fadal Malta nsibuhom l-iktar f’xi razzett jew f’xi dar qadima fejn jidhru maħruġin kemxejn ‘il barra mit-tieqa ewlenija fl-ewwel sular li tħares għal fuq il-bieb ta’ barra. L-iktar għamla komuni hi dik ta’ kaxxa ċatta li fiha għadd ta’ toqob żgħar fil-faċċata u toqba jew tnejn kemxejn ikbar fil-ġnub u fin-naħa ta’ taħt. Ximindaqqiet minflok it-toqob tal-faċċata jidhru serje ta’ xquq bħal dawk tal-persjani.

Minħabba fin-nuqqas ta’ siġar f’pajjiżna, l-ewwel muxrabija x’aktarx li kienu jsiru tal-ġebel iżda dawn ftit li xejn għad fadal minnhom u llum l-iżjed li nsibu huma dawk maħdumin fl-injam.

Fil-kantuniera tal-bejt ta’ razzett ġieli naraw kamra żgħira fuq quddiem b’daqxejn ta’ rewwieħa li minnha wieħed kien jista’ jgħarrex madwaru. Din tfakkarna fil-gardjola (sentry box jew vedette) li hemm fil-kantunieri ta’ xi wħud mis-swar tagħna li minnhom kienet issir l-għassa għall-għadu. U la qed inseemu l-fortizzi, hawn ta’ min jinnota li s-swar Islamiċi kellhom ukoll il-mushrabiya tagħhom, għalkemm kienet ta’ bixra u funzjoni differenti minn dik tal-bini domestiku. Teknikament din isibuha bħala box machicoulis jew drop box u kienet bħal gallarija żgħira tal-ġebel mingħajr qiegħ li tisporġi ‘l barra mill-faċċata tal-bejt fuq il-bieb ewlieni tal-forti. Barra minn ħarsithom, mill-għoli tas-sur, l-għassiesa setgħu jitfgħu fuq l-għadu xita ta’ misħun u qatran jaħraq.7

Waħda mill-aktar għamliet strambi fost il-ftit muxrabija tal-ġebel hi dik li għad hemm mal-faċċata ta’ dar qadima fi Triq il-Karmnu, ġol-Mandraġġ, il-kwartier Għarbi tar-Rabat, Għawdex (ara ill. A). Din m’hix ħlief toqba mdaqqsa li tinfed mill-ħajt ta’ fuq is-soll tat-toeqa u tgħaddi ‘l isfel fuq ix-xellug minn wara l-blata tal-ħarriġiet. Minn hawn tinżel f’għamla ta’ gandott dejjaq li jibqa’ jitwessa’ bil-ftit il-ftit sa ma jispiċċa ċatt mal-ħajt qisu mrewħa magħluqa. Jingħad li din hi l-iktar muxrabija qadima li hawn f’pajjiżna u l-uniku waħda ta’ din l-għamla.

Forma oħra interessanti ta’ muxrabija tal-ġebel għandha l-wiċċ imżerżaq ‘il barra, għat-tond, qisha ħarrieġa rasha ‘l isfel, b’għadd ta’ toqob żgħar ġo fiha li minnhom wieħed seta’ jnemmes ‘il barra. (ill. B) Oħrajn huma bħal kaxxa ċatta tal-ġebel ingassata fil-ħajt bil-faċċata tmil xi ftit ‘l barra min-naħa t’isfel (ill. C). Żewġ muxrabija ta’ dan it-tip għadna nistgħu narawhom mal-bini magħruf bħala ta’ Monita, Marsaskal (ill. I).

Muxrabija maħduma fil-ġebel b’bixra dekorattiva m’hix tas-soltu hi dik li hemm fuq il-bejt ta’ 84 Triq Santu Rokku, Birkirkara – id-dar, kif jingħad, kien jgħammar fiha l-patrijott Ċensu Borg (Braret) fi żmien il-ħakma tal-Franċiżi. (ill. D).

Fid-djar li ma kellhomx muxrabija kien ikun hemm xi rkejjen oħra minn fejn wieħed seta’ jgħarrex il barra mingħajr ma ħadd jarah. Per eżempju, jekk niflu sew it-tieqa karatteristika li tagħti għal fuq il-bieb ta’ barra ta’ bosta rziezet (magħrufa bħala t-tieqa taż-żewġ ħarriġiet) għandna nindunaw li l-blata tas-soll mhux dejjem hija mħaxkna sew mal-faċċata tad-dar. Hekk kien jitħalla xaqq li minnu kienu jgħarrxu ‘l isfel ħalli jaraw min ikun ġie. (ill. E). Barra minn hekk, xi galleriji antiki, kemm dawk tal-ġebel kif ukoll ta’ l-injam, kienu jservu sabiex wieħed seta’ jħares ‘il barra mingħajr ma jixref. Fost il-galleriji miftuħin tal-ġebel, jispikkaw dawk li huma mżejnin b’lavur mill-isbaħ u ddekorati b’toqob żgħar minquxin f’sensiela ta’ rożetti, flieli tal-qamar jew bid-disinn tal-furdulis. Xi wħud insibulhom ringiela balavostri u kien jintużaw għall-istess ħaġa. Hemm ukoll xi galleriji ta’ l-injam b’numru ta’ toqob żgħar taħt it-tieqa tal-ġenb jew xquq fil-panewwi, imma ħdejn il-galleriji bill-persjani jew bil-ħsajjar tal-qasab mat-twieqi dawn huma rari.

F’razzett antik ħdejn il-kappella ta’ San Publju, f’Ta’ Għammar, Għawdex, għad hemm muxrabija interessanti tal-ġebel li sa fejn naf jien m’hawnx oħra bħala fil-gżejjer tagħna. Fuq il-blata tas-soll, tistrieħ immejla ‘l ġewwa mal-ħajt ta’ fuq it-tieqa, naraw ċangatura kbira, u fl-istess blata fetħa maqtugħa rettangolari b’tavla fuqha li wieħed kien iressaq biex seta’ jħares ‘l isfel minn ġo fiha (ill.F).

Fil-kunvent tal-patrijiet Kapuċċini tal-Furjana nsibu verżjoni oħra, din id-darba f’għamla ta’ toqba mdaqqsa ġos-saqaf tal-portiku ewlieni. Din it-toqba kwadra jew spy hole qiegħdha fil-għoli fejn ma tagħtix fil-għajn u tinfed għal ġol kuritur ta’ l-ewwel sular permezz ta’ toqba oħra fl-art.  Fiż-Żejtun fid-dar numru 92 Triq il-Kbira hemm spy hole oħra li tixbaħha, għalkemm din qiegħdha fil-baxx, livell mas-soll tat-tieqa, tħares lejn il-ġenb tal-bieb ta’ barra8.

Il-muxrabija ta’ l-injam hi wisq iktar komuni minn dik tal-ġebel u nistgħu narawha mxerrda ‘l hawn u ‘l hinn fl-irħula. Hemm minnha wkoll fl-Imdina u fix-xaqliba l-qadima tar-Rabat ta’ Malta. L-iktar komuni hi f’għamla ta’ kaxxa ċatta, b’numru ta’ toqob żgħar fil-faċċata, fil-ġnub u fin-naħa t’isfel tagħha, li tagħti l-fetħa tat-tieqa ta’ fuq il-bieb ewlieni. (ill. G). Fuq quddiem, minflok toqob, ġieli jkun hemm screen tal-wiremash. Jezistu wkoll xi kaxex b’żewġ purtelli tal-ħġieġ imtappan biex dak li jkun ma jagħtix fil-għajn (ill. H). Oħrajn għandhom il-persjana mal-faċċata, bħal dik li nsibu ħdejn in-niċċa ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn.

Għalkemm il-bixra tal-muxrabija Maltija ta’ l-injam hi waħda sempliċi u ma fihiex ix-xogħol elaborat bit-torn jew bl-arkett li naraw f’dawk li hemm bil-gzuz ġol-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq u f’tal-Lvant Nofsani (ill. J.K.L), hi xorta waħda tixbahhom. L-istess nistgħu ngħidu għall-galleriji ta’ l-injam li barra l-pajjiżi li għadna kif semmejna nsibuhom fil-parti t’isfel ta’ Spanja li damet wisq aktar minna taħt il-ħakma ta’ l-Islam.

F’dawn l-aħħar ħamsin sena ħallasna prezz qares għall-iżvilupp ta’ pajjiżna, u issa qisna ntbaħna li tul il-mixja tal-‘progress’ għamilna ħerba sħiħa mill-patrimonju Malti. B’ħasra kbira wieħed jinnota li bil-ftit il-ftit, flimkien ma’ l-irziezet u d-djar qodma, qed inkomplu nnaqru l-bosta fdalijiet żgħar, xempji ta’ l-arkitettura vernakulari li fasslu missirijietna. Wisq agħar minn hekk, issa spiċċajna biex għarraqna wkoll il-maqdes ta’ L-Imnajdra! Ħaġa tal-mistħija, il-lezzjoni aħna donna ma nitgħallmuha qatt!

Irridu nifhmu li minkejja ċ-ċokon u s-sempliċità tagħhom il-muxrabija u xi ntietef oħra – li ħdejn il-patrimonju grandjuż tan-Nies tal-Qedem, tal-Kavallieri u tal-Knisja jistgħu jidhru li m’għandhom l-ebda valur – huma parti mill-istorja etnika u folkloristiku ta’ pajjiżna. Għaldaqstant, jeħtieġ li kull wieħed u waħda minna jaħdem bla heda, l-aktar fost it-tfal u ż-żgħażagħ, biex ikun hawn aktar apprezzament u għożża ta’ dak kollu li ħallewlna missirijietna.

 

  1. Mhux magħruf jekk dawn kinux iddaħħlu dirett mill-Għarab ta’ l-Afrika ta’ Fuq, jew indirettament minn nies ta’ Sqallija jew ta’ Spanja. Għal iktar dettalji u ritratti ta’ l-isqifa u r-roundels li għandna f’pajjiżna, ara M. Buhagiar u S. Fiorini, Mdina: The Cathedral City of Malta, Central Bank of Malta, 1996, vol i, pp-55-60, 61,64 u 66; u C.J.Jaccarini, Ir-Razzett: The Maltese Farmhouse, Malta, 1998, pp, 80-82, 102, 107-108.
  2. Din jisimha ‘Lejla Bint Ħassan’, u ġiet mitbugħa f’Nies bla Sabar u Stejjer Oħra, miġburin minn Toni Cortis, Merlin Library Ltd, 1987, pp. 62-65.
  3. Aquilina, Maltese-English Dictionary, 1990, Vol ii, p.874.
  4. Il-Prof Aquilina jagħti l-kelma xiref bħala “To look/lean out of a window generally to see what is going on outside”, iżda n-nom ta’ dal-verb huwa mixref jew mixraf (li jfisser post fil-għoli jew belvedere). Aquilina, ii, 1990, 1574. Il-Miklem Malti ta’ E. Serracino Inglott il-kelma muxrabija ma jġibhiex.
  5. Ara A.F. Attard, Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi: Tagħrif Folkloristiku minn Għawdex, Vol. i. Gozo, 1991, 84. Il-kelma kixxifija hija l-femminil ta’ kixxiefi. Aquilina, 1987, vol.i 657, taħt il-kelma kixef.
  6. Kelma li ġejja mill-Franċis, jalousie. Aquilina, Vol i, 384.
  7. Għal din ir-raġuni l-Maltin kienu jsibu dawn it-torrijiet bil-machicoulis bħala “torrijiet tal-misħun”. Ara S.C.Spiteri , Fortresses of the Cross, 994, pp. 474, 476, 645, 646. Wieħed jista’ jara numru ġmielu ta’ dawn it-tip ta’ drop boxes fit-Torri Gauċi u fit-Torri tal-Kaptan li qegħdin qrib xulxin f’San Pawl tat-Tarġa, kif ukoll fir-Torri Kavallier fil-Qrendi. It-torri ta’ Gourgion fix-Xewkija, Għawdex, li kien inħatt fi żmien l-aħħar gwerra, kellu bosta mibnijin dawra mejt mal-ħitan.
  8. Tagħrif mogħti lili minn Joseph Tanti, Zejtun, 1.5.2002