Tista’ tgħid li l-Insara kollha jinħassu l-aktar miġbuda lejn Ġesu, Il-Feddej, minn dak li tgħallimna l-Knisja Mqaddsa fuq it-twelid tiegħu, fil-faqar u f’rokna ta’ għar imwarrab ta’ Betlehem. In-nies aktar lemħet il-qdusija ta’ Ġesu, mita ried jidher fqir fi twelidu, milli meta wera ruħu bħala mgħallem tal-ġnus, meta xerred it-twemmin tal-ħajja l-ġdida minn kulfejn għadda, meta għamel l-akbar għeġubijiet, meta fixkel il-għerf tas-sinagogi u mita ta’ ruħu f’idejn l-għedewwa li qerduh. Il-Milied jiġbor fih il-kobor kollu ta’ Sifna Ġesu, għax kulħadd jifhem li s-sultan tal-ħlejjaq kollha ried jitwieled f’maqjel, biex juri l-imħabba tiegħu u jfisser li l-faqar m’hux la dnub u l-anqas għar.Kulħadd fehem dan, hekk il-għorrief kemm in-nies it-twajba u ta’ qalbhom safja għax tarbija mibgħuta mis-sema riedet titwieled fuq qabda ħuxlief mita setgħet titwieled f’palazz qalb il-ġid u kulma trodd id-dinja.

Għalhekk l-akbar pitturi fittxew iħozzu t-twelid ta’ Ġesu fil-għar ta’ Betlehem fl-aħjar kwadri tagħhom li l-lum jinsabu fl-aqwa palazzi u l-aqwa mużej tad-dinja. It-twelid ta’ Ġesu, il-Milied Imqaddes, b’ommu Marija u San Ġużepp, u r-ragħajja u l-bhejjem tagħhom xerrdu ma’ kullimkien il-ġrajja miktuba fil-kotba mqaddsa.

Barra mix-xogħol tal-pitturi fid-djar ta’ l-għonja, il-poplu għaraf ifakkar lit-tfal u lin-nies ta’ moħħhom qasir billi juri kull sena t-twelid ta’ Kristu fil-presepju maħdum, tista’ tgħid, bla ebda sengħa iżda li jiswa daqs l-aqwa pittura ta’ l-akbar artist li qatt deher.

U għall-presepju jitħajjar kulħadd, il-fqir u l-għani, it-tifel u r-raġel, ix-xebba u l-miżżewġa. Kien hemm xi żmien illi presepji l-aktar sbieħ u għonja, li kienu jiswew flejjes kbar kienu jsiru u jinżammu biex in-nies tarahom. Il-lum ma jintilfux wisq flus fiż-żina imma presepji jsiru u n-nies dejjem tħobb tarahom daqs mita kienu jsiru sbieħ kif għidna.

Kemm tfal il-lum malli joqrob Diċembru jaħsbu għall-presepju! X’aktarx l-ewwel xewqa jkun qatagħha t-tifel meta ommu tixtrilu bambin żgħir tax-xama’, ikun għadu bilkemm telaq jimxi. Dak ikun merfugħ f’kaxxa u s-sena ta’ wara jerġa’ joħroġ u ommu tkun tħajru inibbet quddiemu f’bieqja, platt jew sjun, qabda xgħir fuq ftit tajjar niedi miżmum fid-dlam biex jibqa’ abjad u ma jiħdarx bid-dawl tax-xemx. Sena wara, it-tifel ikun irid il-grotta, il-għar ta’ Betlehem, biex fih iqiegħed lill-bambin u jixgħel quddiemu xemgħa jew musbieħ. Is-sena ta’ wara jkun irid jgħammar il-għar, San Ġużepp u l-Madonna l-ewwel nies, imbagħad jaħseb biex ikabbar il-grotta u jwassa’ l-blat biex jimla’ kaxxa kbira li ssir quddiem presepju suret in-nies. U hekk dejjem sar malli t-tifel beda jisma’ l-priedki u jaqra l-kotba tal-Knisja u jifhem x’għid kbir kien dak li fih twieled Iben Alla u kif kulħadd u kollox qam ferħan dak in-nhar għax il-bniedem sab min jaqbeż għalih biex jeħilsu mill-jasar tad-dnub ewlieni ta’ Adam maħluq bla ħtija.

U sold wara l-ieħor il-pasturi żdiedu, ir-ragħajja, il-bhejjem tagħhom, l-imgħaġġeb għarkubtejh, bil-kappell f’idu u dirgħajh miftuħa, mistagħġeb b’dak li qed jara fil-għar imdawwal bid-dawl safi tas-sema. Il-Għannejja fil-bogħod ifiġġu minn qalb il-blat imgħannqin bħal aħwa għax ir-re tas-Sliem kien twieled, id-daqqaqa taż-żaqq u tat-tabal li ħarġu jnebbħu n-nies b’dak li kien ġara. Il-furnara nieżla mill-mitħna biċ-ċurniena tad-dqieq fuq rasha biex tagħmel il-għaġna li ssawwar il-ftajjar għal dak il-għid, biex it-tfal jifirħu u l-foqra jitfarrġu. U hekk il-presepju jsir mera tal-Fidi Nisranija, imħabba bejn il-ġirien u l-għedewwa bejn il-qraba u għorba.

U l-presepju jiġbed in-nies tal-ħâra kollha: it-tfal jixxabbtu biex jaraw bejn in-nies miġbura; in-nisa għarkubtejhom itawlu għonqhom biex jaraw dik il-ħlewwa ta’ tarbija tax-xama’ donnha se ttir bil-ferħ lejn ħdan ommha. Irġiel bilwieqfa jittawlu qajl qajl u jgħidu f’qalbhom xi talba u baxx baxx inewlu xi sold fil-kannestru għaż-żejt jew għax-xama’ tal-presepju. Ħaġa tal-għaġeb, ftit blat tal-kartapesta, erbat idjar tal-kartun, qabda pasturi ta’ sitt ħabbiet il-wieħed, sitt xemgħat fl-irkejjen, u ftit bċejjeċ tal-ħġieġ il hawn u ‘l hinn. Ħaġa ta’ xejn, iżda kollox flimkien priedka ħelwa ta’ fejda kbira li tidħol fil-qalb u ġġib id-dmugħ fuq xfar il-għajnejn. Ix-xahar kollu tibqa’ n-nies issemmi l-presepju ta’ Salvinu, x’għaqal ta’ tifel, kemm ħaseb għal ħwejjeġ, ma temminx daqxejn ta’ qaswit għadu jmur l-iskola. Kollox fih dak in-nitfa ta’ presepju: u dak il-bambin mnejn kisbu? Xi ħlewwa ta’ tfajjel, x’wiċċ ta’ qdusija dik il-Madonna, fejn sabha? Ftit rajna bħalu dal-prespeju; mindu, Alla jaħfirlu, miet Indri ta’ Valent qatt ma rajna bħalu, presepju bħal dan! Tassew ma mortx tarah, Manann? Bu għalik, mur il-lejla wara l-għasar malli jkun xegħlu, u ħu lil Dedina għax tibqa’ tiftakar, ruħi binti. Ara li ma tonqosx!

Jgħidu li għat-Tre-rè għandu jżid l-iġmla u tliet slaten Magi. Jien żgur narġa’ mmur u narġa’ nieħu lit-tfal għax tilfu għaqalhom fuqu, dal-presepju, u għandhom biex, narġa’ ngħidlek. Idejh imbierka, dak Salvinu, għandu biex jiftaħar missieru, kulma jaraw għajnejh jagħmlu idejh, Alla jħarsu minn kull għajn. Dak saċerdot għad narawh jekk Alla jisilfu l-għomor! Għax minn filgħodu tidher il-ġurnata.

Temi Zammit
Leħen il-Malti
1934