Bosta mill-qwiel huma marbutin ma’ xi festa tal-knisja jew tal-pajjiż. Għaliex il-festi kienu jfakkru d-data tal-kalendarju u ngħataw bħala ismijiet lix-xhur mill-bidwi, min-nassab, mis-sajjied u x’naf jien. U l-Milied ġmielu bħal ħafna festi oħra ħalla ismu f’bosta mill-qwiel tagħna. Għidt bosta għax il-Milied hi festa kbira għal kulħadd, kbar u żgħar.


L-ewwelnett il-Milied hu sinjal tat-tempijiet. U fejn it-tagħlim tal-meteoroloġija għadu ma qalax barra l-għerf ta’ missirijietna fossillizzat fil-qwiel, għadek tisma’ lil Kanġu ta’ Stwiel jgħid fuq iz-zuntier: “Sal-Milied la bard u lanqas ksieħ”. Iżda daż-żmien in-nies saret temmen wisq fl-almanakki u pronostki, u jaħasra bosta qwiel ta’ din ix-xorta qed jintesew. Imnalla, għandek tgħid, kien hawn min ħarqitu qalbu u beda jiġborhom. Għandna qwiel oħrajn ta’ dix-xorta: “Meta l-Milied taħt il-bejt, il-Għid fuq il-bejt”, u sieħbu “Meta l-Milied fuq il-bejt, il-Għid taħt il-bejt”. Fuq il-bejt u taħtu jiġifieri temp tajjeb jew ħażin, bnazzi jew maltemp.

Il-kaċċatur għandu ukoll il-qawl tiegħu. Tistagħġeb tarah inaddaflek is-senter, jgħattih b’biċċa ċarruta, jew idaħħlu fil-qarnuna, u jwarrbu. Jekk tistaqsih għaliex, it-tweġiba fuq fommu: “La jiġi l-Milied, arfa’ xkubettietek fuq il-farxa tal-bieb!”. Il-farxa hi l-ixkaffa. Dari l-bibien kienu jinbnew hekk: kwadri minn barra, u ħnejja fuq ġewwa. Għadni niftakar in-nanna kellha wieħed bħal dawn, flok fejn illum għandha l-persjana. Il-kaċċatur għandu raġun, għax la joqrob il-Milied l-għasafar ma tpassix aktar.

Il-bidwi ukoll ifajjarlek tiegħu: “Bejn il-Qala u l-Milied, arfa’ l-moħriet minn ħalq il-wied.” Jarfagħlek il-moħriet għax l-art tkun kollha tajn u l-miżergħa jmissha ilha miżrugħa minn Sant’Indrija (30 ta’ Novembru), anzi “Meta jasal San Xmun iżra niexef jew miblul” (28 ta’ Ottubru), u “F’San Anard, iżra f’kull art” (Novembru 7).

Iżda aħjar ingħidu xi ħaġa li għandha x’taqsam aktar mal-festa tal-Milied. Il-Milied hu wieħed mill-aqwa għidien tal-Knisja. Tħejjina għalih mill-bogħod u mill-qrib. L-Avvent fih erbat iħdud, tifkira tal-4000 sena li d-dinja baqgħet tistenna l-Messija. Dan iż-żmien ta’ tħejjija hu żmien ta’ penitenza, u bejn l-aħħar żewġt iħdud jiġu tlitt ijiem sawm ta’ l-Erbat Iżmna. Tħejjija aktar qrib: lejlet il-Milied. Dak in-nhar ukoll hemm is-sawm. Kulħadd isum għax hekk tgħallem fid-dutrina. U kienu jisimgħu l-barba jgħid: “Min ma jsumx lejlet il-Milied, imut bħal klieb”. Għal niesna, nies li kellhom il-Fidi magħġuna f’imġibithom u f’għemilhom, dan kien għajb kbir. U jissokta l-barba: “Bħall-klieb miet Grezzju ta’ Budellek, il-ħali waqa’ l-baħar u għereq waqt li kien tiela’ fuq skuna ta’ l-inbid qrib il-Menqa tal-Marsa”.

“Il-Milied taż-żina, il-Għid fil-kċina”. Issa jmissna naraw kif niesna dari kienu jgħaddu l-Milied. Il-Karatteristika tal-Milied, kif jisher mill-qawl, hi t-tiżjin. Il-Milied hu l-festa taż-żina. Iċ-ċentru tad-dar huwa l-presepju, kbir, imdaqqas jew żgħir. Iżda min ma jistax jarmah, jew m’għandux tfal li jiddilettaw bih, minfloku jqiegħed xi bambin fuq blata, minn dawk li jtellgħu bix-xorti ma’ tul in-novena. Naħseb li minn hawn ġiet l-idjoma “mill-Milied sa San Stiefnu” (sa l-għada tal-Milied), għax fid-djar fejn kienet tinġama’ t-tfal il-bambin ma kienx ikollu ħajja twila. Għadni niftakar qisu l-bieraħ, il-bambin li kellu Toni l-Brimbi, Alla jagħtih il-ġenna, kien bambin li għal bosta snin ra l-ħâra kollha tiġi tittawwallu. Il-presepju u l-bambin kulħadd iżejjinhom mill-aħjar, bil-qamħ, bil-ġulbiena, bl-iskalora… jixgħelu wkoll ġo fihom lampi taż-żejt ħomor, sofor, ħodor, koħol… L-għaġeb tan-nies jikber meta xi ħadd jirnexxilu jarma bil-pasturi jitħarrku. Għal-lejl tal-Milied, il-qraba u l-ħbieb kienu jiltaqgħu flimkien u jgħaddu l-ħin sal-quddiesa ta’ nofs il-lejl imqajmin. Jinġabru kmieni wara l-ikel. Min għandu xi strument tad-daqq iġibu, u hekk jinġabru aktar nies madwar taż-żaqq, tal-kastanjoli, tal-kitarra, u t-tfal bil-ġlieġel tal-bhejjem: u min jaf, jgħanni. Jibdew bil-għanja li jaf kulħadd u li hi għal qalb kulħadd:

“Ninni li tibkix iżjed,
Ninni Ġesu Bambin,
Ħallih għalina l-biki
Għax aħna midinbin.”

M’hemmx għalfejn jaslu
“Lam… O għana tas-sema;
Lam … O Ġesu ħanin;
Lam… O hena tad-dinja;
Lam… O Ġesu Bambin.”

Għax it-trabi jkunu ġa raqdu. U jibqgħu sejrin hekk, jerġgħu dawk li l-aktar jingħoġbu, u x’ħin il-qiegħa tkun saħnet sewwa u ma jkunx hemm ġdid aktar x’tgħanni jagħżlu oħrajn ta’ festi oħra. Bejn dan il-għana u l-kliem li jintiseġ bejn waħda u oħra, il-ħin kien jidħol ġmielu. Imbagħad x’ħin joqrob il-ħin tal-Quddiesa ta’ nofs il-lejl jitleffu sewwa f’xi ġlekk jew xi kapott, u jerħulha għall-knisja. Mill-knisja ħadd ma kien jonqos. L-interess kien jikber ħafna bil-priedka tat-tifel.

Il-Milied fuq kollox hu festa taż-żina. Iżda għalkemm il-Għid hu msemmi għall-kċina, madankollu ż-żaqquqa ma tonqosx li ssib raġunijiet biex tiekol tajjeb. Lejlet il-Milied ma jkun hemm l-ebda tisjir speċjali: għax in-nies sajma u trid titqarben. Titlesta biss xi stanjata Kafè jew kokotina għall-għatx u għall-bard. L-għada l-mara toqtollok xi ħasi ta’ l-imwaħħaw u ssajjarhulek b’mitt gost. Timlieh u tagħmlu brodu, tixwih fil-forn, tgħallih u tixwih fuq il-kenur, tagħmlu stuffat jew torti u qassatat. Issajjarlek xi biċċa mill-barri li biegħu, jew xi fenek li jinżillek għasel moqli b’tewma għal xi d-disgħa. Il-mejda tgħabbiha b’kull xorta ta’ frott, tin imqadded u mdaħħal fil-qasab jew fi ħnienaq, ċapep maħżun, għeneb imqadded, rummien aħmar aħmar, inbejjed ġodda. Iżda l-festa hija msemmija l-aktar għall-kagħak tal-qastanija.

Nhar il-Milied l-irġiel u l-ġuvintur li bdew idaħħlu xi sold fil-but kienu jduru mat-toroq tar-raħal jew jinġabru f’xi ħanut tal-misraħ. U hekk kienu jgħaddu l-aħjar tal-jum jgħannu u jixxalaw. It-tfal ma kinux jersqu lejhom għajr biex jixorbu xi ħaġa minn fuqhom jew jitkesksu għal xi erba’ sittiet. Kienu jinġabru fis-sqaq ta’ wara l-knisja, jilagħbu, jaqbżu, jgħajjtu u jinbxu lix-xemx għaddejja. Iżda malli jidher fosthom it-tifel ta’ Kola tan-Nagħal, bil-barnuża ta’ missieru f’rasu, idoqq iż-żummara:

“Ninu, ninu tal-Milied,
Ommi għamliet il-kagħkiet,
Għamlithom tal-qastanija,
Santu Rokku tat-tiġrija;
Għaddew il-festi kollha,
Tlabtu waħda, tagħni mija,..”

Sħabu jkomplu miegħu, waqt li Mattew, it-tifel ta’ Indrija l-Vopa, jitħajjar u jiġri lejn id-dar, qisu għafrit, barra minn fuqu u s-siegħa ta’ dal-ħin. Fis tarah ġej, nifsu maqtugħ, bil-flawt skartat ta’ missieru. Għajta ta’ ferħ iżżarżar mas-sema u jerġgħu mill-ġdid:

Ninu, Ninu tal-Milied...”

Xtaqt nagħlaq b’xi strofi meħudin minn poeżija, jew aħjar, taqbila devozzjonali. Smajtha tingħad minn mara xwejħa fil-knisja ċkejkna tal-Wardija matul in-novena tal-Milied. Qaltli li ilha tgħidha sa minn żgħira u tiftakar ix-xjuħ tagħha jgħiduha wkoll. Għalxejn fittixt biex nara hix xi kurunella, bħal ħafna li għandna, frott ta’ xi moħħ li jaf ftit ta’ skola. Għoġbitni ħafna u ktibtha, kif għoġbot ukoll lil kull min urejtha. U ser inġib xi siltiet minnha għax naf li hi għal qalb il-poplu:

“Kemm kont imhennija, O Marija,
Meta lejlet il-Milied,
Għax twieled Bambin ċkejken
Fuq erba’ tibniet.

Kemm ksirt qalbek, O Marija,
Rajt lil Ibnek mejjet bil-bard,
Int ħabbejtu, ridt iġġibu
Veru sultan tas-sema u l-art.

***
Il-bwieb tas-sema miftuħa,
L-anġli telgħin u neżlin,
San Ġużepp ġo bieb l-għawajjar,
Jadura lil Ġesu Bambin.

Kemm stagħġbu dawk ir-ragħajja,
Meta waslu f’bieb l-għawajjar,
Marru jadurawh ta’ Sultan
U jsibuh liebes ta’ fqajjar.”

Ġ. Ghigo S.J.

Leħen il-Malti
11.11.1948