In-nies tal-Isla jgħidulhom ta’ ĊaĊu. Iż-Żwieten għandhom saqajhom ċatta; waqt li l-Karkariżi għandhom ‘wara’ ċatt. Il-Qriema huma rġiel sa nofsinhar. Rabti u Żebbuġi jagħmlu Lhudi. Fuq kulħadd hemm xi għidut, imma t-Tarxiniżi jintrabtu l-aktar jew mal-ġebel (ta’ ġebla ratba) jew mal-mogħoż (tar-redus). Il-mogħża   ħalliet marka kbira fuq il-wirt tal-poplu Tarxiniż. Tant hu hekk li l-pjanura li hemm bejn Ħal Tarxien u ż-Żejtun hija magħrufa bħala Buleben. Skont l-istudjuż tal-folklor il-Kavallier Rafel Bonnici Calỉ, Ġann Franġisk Abela, missier l-Istorja ta’ Malta, kiteb li l-isem Bu Leben tfisser missier il-ħalib (1).  Min jaf, forsi minħabba li hemm kienu jinġabru mijiet ta’ mogħoż?

Kitba ta’ Joseph C. Camilleri. Dan l-artiklu deher l-ewwel darba fl-Imnara 2014 nru 39.

Wara l-Assedju l-Kbir (1565) il-bliet tal-Kottonera – L-Isla, Bormla u l-Birgu – żdiedu bil-bosta fil-popolazzjoni. Aktar nies, aktar domanda għall-ħalib. Biex jaqdu lil tal-Kottonera kien hemm il-merħliet f’Ħaż-Żabbar u f’Ħal Tarxien. Ir-ragħajja Tarxiniżi kienu l-aktar magħrufa għall-produzzjoni tal-ħalib. Wieħed mill-qwiel Maltin jgħid: Belt bla ħalib bħal bir bla ilma. Ma jistgħux jgħexu n-nies mingħajr sors ta’ ħalib.

Tant kien hemm mogħoż f’Ħal Tarxien li r-raħal kien jinqasam f’erba żoni fejn jidħlu l-mogħoż. Il-qalba ta’ din l-industrija kienet iż-żona madwar il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, dik ta’ Marija Annunzjata. Kien hemm WARA L-KNISJA, TRIQ XINTILL, BIR BIXKILLA u WARA L-BJUT. Skont il-kittieb Bonnici Calỉ, l-aktar żona qadima fl-industrija tal-ħalib kienet Wara l-Bjut. Il-kelma “Wara l-Bjut” tfisser “wara d-djar” – post imwarrab wara l-bini tal-poplu (2).

Ċertu żoni kienu magħrufa għal xi ragħajja partikulari. Wara l-Knisja kien hemm Tan-Naxxari, Ta’ Rotin, Johnny Calleja tal-Koxx, Tal-Ġoni, Tal-Pudina, Tal-Beżiż, Ta’ Peppi s-siġar, Taz-Zann u Tal-Qiċċa. In-Naxxari u Ta’ Rotin kienu qrib il-misraħ biswit il-knisja parrokkjali. Ta’ Pudina, Tal-Biżiż, Ta’ Peppi s-siġar, Taz-Zann u Tal-Qiċċa kienu kollha fl-istess triq, triq dejqa dejqa li kienet tgħaqqad iż-żona ta’ quddiem il-knisja mat-triq li kienet tagħti għall-Gudja. Johnny Calleja Tal-Koxx kien iżomm il-merħla tiegħu fi Sqaq Nru 2 ta’ Triq Brittannja, waqt li Tal-Ġoni kien joqgħod flimkien mal-merħla fi Sqaq Nru 3 tat-Triq Brittanja (3). Kull ragħaj ta’ din iż-żona kien jinżel lejn l-għelieqi fil-post fejn illum hemm  Santa Luċija.

Żona oħra importanti għall-merħliet tal-mogħoż kienet Bir Bixkilla – żona mimlija sqaqien. Hawn konna nsibu Ta’ Mona, li kellhom post ieħor fi Triq il-Gudja, barra mill-qalba tar-raħal, f’żona magħrufa bħala Tal-Barrani.

Triq Xintill kienet żona oħra. Din kienet triq qasira bl-isqaqien. Hawn konna nsibu lil Tal-iskoċċ, Tal-Gidi, Ġanni r-Roħu, Salvu ta’ Dumink u Tas-Suffara. Ġanni r-Roħu kien iżomm il-merħla f’wieħed mill-isqaqien ta’ din it-triq (4). Jekk wieħed jikkonsidra ċ-ċokon ta’ din it-triq, kif kienet fl-imgħoddi, wieħed issib li kien hawn ħafna merħliet fuq xulxin f’din żona.

 Wara l-Bjut kien jibda mill-kappella ta’ Santa Marija u jibqa’ sejjer sal-għelieqi ta’ bejn iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar. Il-parti ta’ Triq Santa Marija kienet mimlija daqs bajda bl-isqaqien. Magħha kien hemm diversi bini (djar jew irżieżet) inferxin ‘l hawn u ‘l hinn. Fil-qalba ta’ Triq Santa Marija konna nsibu lil Ta’ Ġepputtu, Ta’ Fażolu, Frenċ il-Qastni, il-Qambu, Tax-Xoqqi, Tas-Slejs, Tax-Xaru, Ta’ Kaċċija, Ta’ Parotti u Tal-Gramm, iz-ziju tiegħi. Ta’ Fażolu (Piscopo) kien joqgħod fi Sqaq Nru 4. Fl-istess sqaq kien hemm ukoll Ta’ Xaru. Ta’ Xoqqi  kien biswit il-forn tal-Gramm (5). Ta’ min jgħid li zijuwi (Il-Gramm) beda l-ħidma tiegħu bil-merħla tal-mogħoż u wara kompla x-xogħol taz-zija tiegħu (6).

Biswit iż-żona ta’ Wara l-Bjut kien hemm nies oħra li kellhom l-merħliet. Fi Triq San Tumas kien hemm erbgħa. Dawn kienu Ta’ Gawdora, Matti, Ta’ Ġann Pawl u Tas-Slejs (7).  Triq id-Dejma kien hemm erbgħa. Dawn kienu Tat-Tikki, Tal-Barun, Ta’ Barrieru u Tas-Sigarett (8).

Jekk ir-ragħajja tal-mogħoż kienu miġbura f’dawn l-erba’ żoni kien hemm oħrajn barra miż-żoni li semma l-kavallier Rafel Bonnici Calỉ. Triq Sant’Anna li tgħaqqad Wara l-Bjut mat-triq ta’ quddiem il-knisja parrokkjali kellu ħames raħħala. Numru kbir, għax din it-triq, barra li hija dejqa, hija qasira. Hawn konna nsibu lill-familja ta’ Jokk, Tas-Sieħeb (jew Ta’ Pilatu), Ġorġ u ħuh Tal-Qeqqi, Ta’ Matti u Santo Delia (9). Din it-triq kienet magħrufa għall-familji foqra li kien hawn ir-raħal. Ħafna minnhom kienu tallaba. Biswit din it-triq kien hemm Triq Irjali (illum Triq il-Kbira). Din kienet l-aqwa triq li kellha Ħal Tarxien. Konna nsibu familji tat-tajjeb bħall-familja Lanzon, il-werrieta tal-familja Abela, il-kappillan eċċ. Anke hawn, kien  hemm ir-raħħala. Konna nsibu lill-aħwa ta’ Xabba’ l-Poplu u Pawlu Calleja li kien magħruf bħala Pawlu Mara (10).

Mal-bqija tar-raħal kien hemm xi toroq li kellhom ukoll raħħal. Fi Triq l-Annunzjata kien hemm Tal-Barun (11). Fi Sqaq Sardina (illum il-firxa art wara l-Kunsill Lokali) kien hemm Karmenu l-Għawdxi (12). ‘L bogħod minn kulħadd, fi Sqaq ix-Xewk, iż-żona ta’ fuq iċ-Ċimiterju tal-Addolorata kien hemm Taċ-Ċonu (13). Ir-raħħala kienu jżommu l-mogħoż f’maqjel. Bosta drabi dan kien kamra kbira fl-istess dar. Jekk ir-raħħal kien ikollu merħla kbira kien jikri dar fejn kien iżomm dawn l-annimali. Dar Manduca fi Triq Santa Marija għamlet żmien twil mikrija għand ir-raħħala. Ir-raħħal kien iżomm il-mogħoż fis-sular t’isfel u l-ġwież fis-sular ta ‘ fuq.

 

IL-ĦAJJA TAR-RAĦĦAL TAL-MOGĦOŻ

Kull raħħal kellu l-għelieqi fejn ta’ kuljum kien joħroġ jirgħa l-mogħoż. Skont l-istudjuż Għawdxi Victor John Galea, r-raħħal kien jieħu l-mogħoż f’erbgħa tipi ta’ postijiet biex jirgħu. Dawn kienu fil-moxa, fil-bwar, fil-widien, u fir-raba’ wara li l-bidwi kien jiġbor l-uċuħ. (14) Galea jkompli jgħidilna li l-aktar uċuħ importanti kienu dawk l-għelieqi li kien ikollhom il-lublieba (pjanta bil-warda bajda). Jekk ir-raħħal kien issib għalqa lublieba u jdaħħal il-merħla fiha, l-għalqa kienet titnaddaf f’kemm ili ngħidlek. Galea jgħidilna ċar u tond kif kienet tiekol il-mogħza: ‘…tqatta’ bi snienha u tibla’ kollox sħiħ.’ (15) Ġieli kont issib xi raħħal makakk, u biex jitma’ l-merħla kien jistenna sa ma jaqa’ d-dlam,  u jdaħħal il-mogħoż tiegħu fl-għalqa mingħajr ħadd ma jinduna. Galea, li jaf sewwa jħaddem il-Malti kiteb hekk: ‘Ir-raħħal kien jistenna jaqa’ d-dlam, ħalli jdaħħalhom fl-għelieqi biex igerrmu l-ġmiemem tas-silla.’ (16) Kien hemm drawwa, fost il-bdiewa, li jekk dawn ma ridux lir-raħħal jidħol bil-merħla tiegħu fl-għelieqi tagħhom, kienu jibnu l-plier, jew borġ x’imkien fejn jidher. Dan kien erba’ ġebliet fuq xulxin, u taħt il-ġebla ta’ fuq kienu jpoġġu ftit lublieba. Dan il-plier jew borġ ma kien xejn ħlief sinjal, li t-tifsira tiegħu kienet magħrufa sew mill-bdiewa u r-raħħala, li l-bidwi ma riedx li l-mogħoż jidħlu fl-għalqa tiegħu, u jekk ir-raħħal idaħħalhom kien se jiġi fl-inkwiet. (17)

Kien hemm diversi raġunijiet għala l-bidwi ma kienx irid l-mogħoż fl-għalqa tiegħu. Il-mogħoż kienu jżarmaw kull ħaġa li jsibu quddiemhom, sew jekk hi bajtrija (siġra tal-bajtar ta’ San Ġwann) u kemm jekk hi siġra oħra. Galea jgħid li waqt li tgħaddi l-merħla: ‘…il-mogħoż ma kienu jħallulha xejn fis-siġra’. (18)

Ir-raħħal tal-mogħoż – f’Malta ta’ żminijiet oħra.  Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg.

Aktarx li l-mogħoż ma kinux joħorġu fi tlett ġranet partikolari – fil-festa tal-Lunzjata, fil-festa tas-Salib (3 ta’ Mejju) u fil-Milied (19). Kull filgħodu l-mogħoż kienu jinħarġu. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija jien kont noqgħod fi Triq Santa Marija u kont nara l-merħliet għaddejjin. Ir-raħħala ta’ Wara l-Bjut kienu jieħdu l-mogħoż tagħhom fl-għelieqi ta’ Sardinja. Għat-Tarxiniżi ta’ dawk iż-żminijiet Sardinja jew aħjar Sqaq Sardinja kienet żona mimlija għelieqi. Għalqa wara għalqa, bil-ħitan tas-sejjieħ u bil-ħsejjes tal-ilma ġieri. Ir-ragħaj kien ikun jaf minn qabel fejn seta’ jieħu l-merħla tiegħu.

Waqt li tkun għaddejja l-merħla, xi mogħża kienet tieqaf biex tipprova tiekol xi karta jew ċarruta li kienet issib fit-triq. Waqt li kienu għaddejjin kienu jħallu warajhom ħafna redus,  bħal żibeġ żgħar suwed.

 IL-BEJJIEGĦA

Ir-raħħal barra li kien jieħdu ħsieb il-mogħoż kien joħroġ bi ftit mogħoż ibiegħ il-ħalib. Niftakar lil ommi tirrakkonta li missierha Franġisk Bezzina, li għamel żmien twil bil-mogħoż, kien jieħu ftit mogħoż kuljum u jiġbed lejn Ħaż-Żabbar. Wara jkompli miexi lejn l-Isla fejn kien ibiegħ il-ħalib. Skont ommi, meta missierha kien jidħol l-Isla, kien isib post fejn kien jorbot il-mogħoż, u jieħu miegħu waħda jew tnejn. Wara jibda jdur u jħabbat il-bibien tan-nies (20).

Il-mara tad-dar kienet toħroġ fil-bieb bil-bott jew skutella. Biex il-mara tkun taf li r-raħħal wasal, dan kien jgħajjat kemm jiflaħ ‘Ħalib’. Ir-raħħal kien jibdel l-għajta tiegħu matul il-jiem tar-Randan. F’dawk il-jiem, kien hemm id-drawwa tas-sawm. Minflok ‘ħalib’ kien jgħajjat ‘Tal-Abjad’, imma kulħadd kien ikun jaf li ġie r-raħħal biex ibiegħ il-ħalib.

Skont il-Malti, l-itjeb ħalib tal-mogħża hu dak tal-aħħar. Għalhekk meta l-ħalib kien se jispiċċa f’sider il-mogħża, ħafna kienu jriduh. Ir-raħħal kien jara li xi darba jew oħra kien jieħu miegħu l-mogħoż kollha. Dan kien fattur importanti għaliex jekk il-mogħża ma tinħalibx, tibda tagħmel inqas u inqas ħalib

 WIRT POPOLIN TAL-MOGĦOŻ

It-tfal ta’ Ħal Tarxien kienu jkantaw taqbila fil-klassijiet tan-Nuna (illum Kindergarten). Din it-taqbila kienet tgħid:

Agħmel xita, agħmel,

Ħalli jikber il-ħaxix,

Il-ħaxix nagħtuh lill-mogħża,

U l-mogħż ttina l-ħalib.

Din it-taqbila ma kienetx marbuta mat-tfal Tarxiniżi biss. Kienet tintqal ukoll minn tfal oħra. Imma għat-tfal ta’ Ħal Tarxien din it-taqbila kienet ħaġa speċjali għaliex kienu jaraw il-mogħoż kuljum malli joħorġu fuq l-għatba tad-djar tagħhom. Il-mogħża, bħal annimal ieħor, kienet tidħol fil-linwaġġ tat-tfal. Mogħża kien jgħidulha geduda.

IR-RELAZZJONI BEJN IR-RAĦĦAL U L-MOGĦOŻ

 Il-mogħża ma tantx tħobb tobdi. Hi tgħix billi ‘…tiekol ix-xewk, l-għollieq, l-ħurrieq u ħxejjex li bhejjem oħra jaħarbuhom’ (21). Dari l-mogħża kienet ferm importanti għall-ekomonija ta’ dawk iż-żiminijiet, billi kienet toffri lill-Malti laħam, ħalib u ġlud.  Ir-raħħal kien isejjaħ lill-mogħoż tiegħu bil-lewn tagħhom. Jekk il-mogħża jkollha aktar minn lewn wieħed kienet tissejjaħ Belqa (jiġifieri bl-ilwien mżewqa).

Ġużi Gatt għamel studju fuq l-ismijiet li r-raħħal kien jagħti lill-mogħoż (22):

Ismijiet ta’ mogħoż skont il-lewn tax-xagħar tagħhom

 Isem Lewn ix-xagħar
Belqa bl-iswed Sewda u bajda
Belqa bl-aħmar Ħamra u bajda
Żunnara Sewda imma b’rasha u widnejha bojod
Xaqra B’suf ħamrani
Għaslija Skont il-ħmura jew is-sfurija tas-suf
Wiżgħija Ittikkjata
Midliela Is-suf twil
Milgħuqa Is-suf qasir ħafna
Tal-Merek Ir-ras sewda b’faxxi sofor taħt għajnejhom tul rasha kollha

Ġużi Gatt jgħid li kienu jeżistu ismijiet ta’ mogħoż ibbażati fuq l-għamliet tal-widnejn u tal-qrun (23).

Ismijiet tal-Mogħoż skont l-għamliet tal-widnejn u tal-qrun

Isem Għamliet
Qarna Mogħża bil-qrun
Fartasa Mogħża bla qrun
Torka B’widnejha kbar u mitnijin minn għonqha sa geddumha
Barżakka B’widnejha sa nofs wiċċha
Garruwa B’widnejha qosra u għall-ponta
Mondija jew Mejxa Widnejha iqsar minn dawk ta’ Garruwa
Widnejha Mżiewed B’widnejha mitnija

 

Gatt sab ukoll l-ismijiet tas-sider tal-mogħoż (24).

Ismijiet tal-Mogħoż skont l-għamla tas-sider

Il-kelma/Kliem L-għamla tas-sider tal-mogħża
Driegħha Rota Sider sabiħ
Driegħha Flixkun Sider ikrah
Qandlija Sider kbir li meta timxi qisa qed terfa’ xi ħaġa tqila
Mxattra Jekk ikollha biżla iqsar mill-oħra
Xiklija Meta timxi tħabbat saqajha ta’ wara ma’ xulxin

Kull mogħża kellha l-ħannieqa biex tinqabad minnha (25). Kultant r-raħħal kien idendel qanpiena (sansirra jew sansarun) ma’ għonq il-mogħża wkoll. Is-sansirra kienet qanpiena b’għamla żengulija. Din kienet tintuża biex il-mogħża tinstab jekk din ifettlilha tħalli l-merħla.

Għar-ragħaj mogħża hija aħjar minn oħra skont id-daqs ta’ sidirha. Sider kbir ifisser aktar ħalib. Lill-mogħża ta’ sider kbir kien jgħidilha ‘dik erħa’ ‘ li tfisser mogħża tajba (26). Billi l-mogħża jkollha bħal żewġ swaba’ imdendlin taħt għonqha, ir-raħħal kien jgħidulhom imsielet tal-laħam (27).

Ir-raħħal kien aktarx bniedem superstizzjuż. Biex jipproteġi lill-annimali tiegħu kien idaħħal biċċa xemgħa tal-kandlora, xemgħa mbierka, f’widna tal-mogħża. Dan kien issir billi kien jorbot ix-xemgħa bix-xagħar tal-mogħża mal-widna (28).

Il-MALTI U L-MOGĦOŻ

 Għall-Malti l-mogħża kienet annimal injorant. Fil-Malti nsibu l-idjoma: ras ta’ mogħża. Din kienet tintqal għal min ma jridx jifhem u rasu iebsa (29). Il-Malti jkompli juża l-mogħża biex ikasbar lill-bniedem. L-idjoma: qatta mogħoż ngħiduha għan-nies li jagħmlu kollox bl-addoġġ (30). Jekk il-Malti kien ikasbar il-mogħża, tant ieħor kien ikażbar lir-raġel tagħha – il-bodbod. Ħadd ma jieħu pje`ir jekk jirreferu għalih bħala bodbod!

Minkejja dab kollu, l-laħam tal-mogħoż kien popolari ferm man-nisa ta’ Ħal Tarxien. Anke l-gidi (iż-żgħir tal-mogħża) kien popolari fil-kċina Tarxiniża. Niftakar sewwa dixx wara dixx kienu jiġu meħuda l-forn bil-patata mqatta’ roti roti, ftit ilma u xaħam (illum żejt), bużbież, bżar, kari, ‘spice’, basal, u ftit tewm. Id-dixx kien ikun miksi b’biċċa karta strazza (31). Dan kien magħruf bħala gidi l-forn jew, a la tarxiniża, ‘gidfurn’.  Ta’ min jgħid li laħam il-mogħoż kien jintuza sewwa waqt it-Tieni Gwerra Dinjija miċ-ċentri tal-ikel magħrufa bħala Victory Kitchen.

IL-PRODOTTI TAL-MOGĦOŻ

Il-mogħża kienet tagħti lir-raħħal il-ħalib, il-laħam u, il-ġlud.  Mil-ħalib tal-mogħża tista’ tagħmel il-ġbejniet ukoll, imma l-ħalib tagħha ma kienx imfittex ħafna għal dan il-għan. Mill-banda l-oħra n-nies kienu jixorbu ħafna ħalib tal-mogħża u jżiduh mat-te jew mal-kafe.  Fl-imgħoddi t-tobba kienu jemmnu ħafna fil-ħalib tal-mogħża. Kienu anke jirrikkomandawh lill-pjazjenti kontra l-mard tat-tiżi u għal min ikun allerġiku għal ħalib ieħor (32). Il-fama tal-ħalib tal-mogħża ħadet daqqa ta’ ħarta meta t-tabib Temi Zammit sab fih il-batterju tad-dini rqiq.  Skont xi kittieba u nies tax-xjenza l-ħmieġ tal-mogħża u n-nuqqas ta’ iġjene welldu l-marda tad-deni rqiq fost il-poplu Malti. Oħrajn kienu tal-fehma li l-marda tibda meta il-mogħża kienet tiekol il-karti mit-toroq. Fl-1907 kien miet Ġużeppi Bonnici, tfajjel ta’ ħdax-il sena. L-ideja tal-karti maħmuġa kompliet tissaħħaħ u l-mogħoż bdew jiġu mlibbsa sarima tax-xibka tal-fildiferru. B’hekk ma kienux jistgħu jieklu karti, craret u ikel ieħor waqt li jkunu jduru fit-toroq (33).

Meta wieħed kien jixrob il-ħalib infettat tal-mogħża kien jimrad bil-marda nsejħa tad-deni rqiq.

Sa hawn il-gvern kolonjali Ingliż ftit qomos. Iżda meta din il-marda daħlet fost is-suldati Ingliżi li kienu stazjonati f’Malta fi żmien il-Gwerra tal-Krimea, l-istorja daħlet f’kapitlu ġdid. Il-mikrobu li kien jikkaġuna din il-marda kien instab mit-tabib skoċċiż, David Bruce fis-sena 1886. Hu kien jistudja waqt l-awtopsija s-sors ewlenija tal-marda. Il-mikrobu ssemma Brucella Melitensis. Kien Bernhard Bang li kompla studja din il-marda. Wara ħafna riċerka ġie ssuspettat il-ħalib. Fl-1905 Temi Zammit, tabib Malti, sab ir-rabta li kien hemm bejn id-deni rqiq u l-ħalib mhux pasturizzat. Tant li d-deni rqiq kien magħruf b’diversi ismijiet – Bang’s disease, Crimean fever, Gibraltar fever, Malta fever, Maltese fever, Mediterranean fever, rock fever u undulant fever.

Id-deni rqiq spiċċa minn fost is-suldati Ingliżi iżda baqa’ fost il-Maltin. Ir-raguni kienet li l-Maltin mhux dejjem kienu jgħallu l-ħalib. Kien fis-sena 1938 li l-gvern introduċa l-pasturizazzjoni tal-ħalib kollu li kien jiġi prodott mir-raħħala Maltin. Barra minn hekk, il-gvern ipprojbixxa wkoll l-bejgħ tal-ħalib dirett mill-merħliet (34).

Barra mill-ħalib pasturizzat il-gvern beda jibgħat spetturi biex jaraw l-indafa tal-maqjel kif ukoll dik tal-mogħoż. Wieħed minn dawn l-ispetturi kien Ninu Cremona. Dan kien studjuż sew tal-istorja kif ukoll tal-folklor. Ninu Cremona dam ħafna jogħod Ħall Tarxien, sewwa sew fi Triq Santa Marija. Iż-żmien li dam hawn welled il-poeżija dwar Wara l-Bjut.

 

SAĦĦA LIR-RAĦĦALA TARXINIŻI

 Fis-snin sittin iż-żoni ta’ Wara l-Bjut u ta’ Buleben ġew fil-mira tan-nies tal-politika. Triq Santa Marija kellha titwessa’ biex minnha jkunu jistgħu jgħaddu l-karozzi tal-linja. Dawn il-karozzi kellhom iwaslu x-xebbiet u tfajliet għall-fabbriki li kelllhom jibnew fiż-żona ta’ Buleben. Anke t-triq bejn Ħal Tarxien u ż-Żejtun tilfet is-sbuħija li kellha. Fi żmien il-merħliet din kienet kollha għelieqi u rżieżet. Illum parti minnha saret kollha siment u ħġieġ – fabbrika wara fabbrika.

Il-merħliet spiċċaw fi tmiem is-snin ħamsin. Dr Coronato Grech jgħid: ‘ Fin-Nadur, sal-bidu tas-sittinijiet, din id-drawwa (tal-merħliet) kienet għada komuni’ (35). Il-ħalib tal-mogħża baqa’ jinbiegħ sas-snin ħamsinijiet/sittinijiet. Il-ħalib kien jittieħed il-fabbrika tal-ħalib fil-Ħamrun fejn kien jiġi pasturizzat u jitpogga fil-fliexken tal-ħġieġ. Kien hemm fliexken tal-ħalib tal-mogħża (tapp abjad), flixkien tal-ħalib tal-baqar (tapp isfar) u ħalib tat-trab (tapp blu).

Fis-snin ħamsin il-gvern Malti kellu pjan biex il-ħalib tal-baqar jieħu post il-ħalib tal-mogħoż. Il-gvern kien lest li jagħti baqra għal kull sitt mogħżiet li kien jagħtih ir-raħħal (36). Din weldet problema għar-raħħal. Post għall-mogħoż kellu iżda għall-baqar ma kellux. Ftit kienu dawk li daħlu l-baqar minflok il-mogħoż. Sa fejn naf jien f’Ħal Tarxien kien hemm tnejn li daħlu dawn l-annimali l-ġodda. Dawn kienu Tat-Tikki li kellu r-razzett tiegħu fit-triq ta’ bejn Ħal Tarxien u l-Fgura, u Ta’ Mona bir-razzett tiegħu fit-triq bejn Ħal Tarxien u l-Gudja fiż-żona Tarxiniża ta’ Tal-Barrani.

 

L-ILSIEN MALTI U L-MOGĦŻA

 Il-mogħża hija marbuta ma’ ħafna kliem li llum ftit li xejn jintuża. Il-mogħża tinħaleb geżż, geżż. Tant li meta x-xerrej ma kienx jaqbel mal-ammont tal-ħalib li kien jiġi mogħti mill-bejjiegħ tal-ħalib kien jgħidlu: ‘U ejja kemm int kiesaħ, għamilli geżż ieħor!’ (37). Ir-raġel tal-mogħża jissejjaħ il-bodbod (ħafna bdabad). Il-ferħ hu gidi (tifel) (ħafna gidien) jew gidja (tifla). Meta l-gidi jkollu sena jgħidulu għens (ħafna għenus) jekk hu maskil  u għaniqa (ħafna għenieq) jekk hi femminili (38).

Fl-imgħoddi r-raħħal kien ilibbes maħanqa jew ħannieqa madwar għonq il-mogħża favorita tiegħu. Din kienet tkun magħmula minn bċejjeċ ta’ ċraret ta’ kull lewn. Għallanqas waħda mill-mogħoż kien ikollha qanpiena jgħidulha ġaras jew sansarun. Din kienet qanpiena tal-landa jew materjal ieħor li kienet tagħmel ħoss (39). Meta l-bodbod jibda jagħti bir-ras jgħidu li qed jintaħ, waqt li meta l-mogħża tgħajjat  jgħidul li qed twetwet.

 

LEĠĠENDI

Grazzi għall-ħidma fil-qasam tal-folklor tal-istudjuż Għawdxi Victor John Galea għandha mniżżlin żewġ leġġendi marbutin mal-mogħoż. It-tnejn huma leġġendi marbutin mat-twelid ta’ Sidna Ġesừ Kristu. Waħda minnhom tgħid: Fl-għar ta’ Betlem, il-baqra u l-ħmara niżlu għarkupptejhom ħdejn il-maxtura biex isaħħnu lil Ġesừ Tarbija. Il-mogħża qagħdet toqmos u taqbeż. Hi laqtet lit-Trabija u weġġegħtha. Ġesừ qam u fil-pront qalilha: ‘Misħuta int u nofs ħalibek’. Din il-leġġenda s-sur Galea ħadha minn fomm ommu. (40)

It-tieni leġġenda li ġabar is-sur Galea titkellem ukoll fuq il-ġrajja tat-Twelid tal-iben t’Alla. Din tgħid hekk: Mogħża daħlet fl-għar fejn kien rieqed Ġesừ Tarbija. Hi baqgħet sejra dritt dritt lejn il-maxtura. Malli rat li fuq it-tiben kien hemm Tarbija bdiet tagħmel il-ħsejjes. it-Tarbija qamet. Kif Ġesừ qam qabad id-denb tagħha. Il-mogħża qabadha ferħ ta’ ġenn u bdiet tgħajjat kemm tiflaħ. Ġennet lil kulħadd u Ġesừ qalilha: ‘Misħuta int u nofs ħalibek’. (41).

Dawn iż-żewġ leġġendi għandhom xi ħwejjeġ komuni. It-tnejn għandhom ambjent ta’ żmien il-Milied. Għalhekk għandhom it-Twelid ta’ Kristu bħala sfond, fihom hemm element uman. Dan juri kemm il-Malti ( jew forsi l-Għawdxi) kien imaqdar il-mogħża. It-Tarbija ta’ Betlem ta’ ftit siegħat qamet u bdiet titkellem. Il-kliem ma tantx juru kliem il-Mulej iżda l-mod ta’ kif il-bniedem kien iħares lejn dan l-annimal.

 

IL-QWIEL

Victor John Galea ġabar ukoll żewġ qwiel marbutin mal-mogħża. Waħda minn dawn il-qwiel tgħid: Fejn tmiss il-mogħża jisħet. Dan il-qawl jikkonferma l-atiduni negativa li kellhom il-Maltin lejn il-mogħża. It-tieni qawl jgħid: Dik il-geżża ma tiġix minn din il-mogħża. Il-Professur Ġuze Aquilina kien tal-fehma li dan il-qawl qed jirreferi għax-xogħol li jġib magħha l-mogħża waqt li Victor John Galea hu tal-fehma li dan il-qawl qed jirreferi għal qerq li ssir waqt il-bejgħ u x-xiri. (42).

L-INGLIŻI U L-MOGĦŻA

L-Ingliżi, li kienu jaħkmu fuq Malta matul is-seklu 19, ma kienux jaħmlu lil dawn il-mogħoż li kienu jiġġerrew mat-toroq tal-Belt Valletta. Wieħed mill-gvernaturi, Sir Thomas Maitland (magħruf bħala King Tom) kien jirreferi għall-Maltin bħala mogħoż. Hu kien jgħid: ‘The Maltese are all goats and I treat them as such’ Il-Maltin huma kollha mogħoż u jien nittratthom t’hekk. Kif fil-fatt kien jagħmel. Mela l-Maltin kollha kienu mogħoż u mhux it-Tarxiniżi biss! (43)

Skont il-Professur Ġużè Aquilina, li kien professur tal-Malti fl-Università ta’ Malta, u li kien għarus ma’ waħda minn Ħal Tarxien, li wara saret il-mara tiegħu, jgħid li l-mogħoż ta’ Ħal Tarxien huma l-aħjar kemm għar-refgħa u kemm għall-ħalib. Hu jkompli jgħid li r-raħħala mill- Munxar, Għawdex, kienu jiġu Ħal Tarxien biex jixtru l-mogħoż minn hemm. Wieħed irid jgħid li l-Professur Ġużè Aquilina kien jaf x’qed jgħid għaliex hu kien mill-Munxar u mhux l-ewwel darba li waqt li kien għand il-familja tal-għarusa tiegħu f’Ħal Tarxien kien jara u jkellem xi raħħal mill-Munxar t’Għawdex.

Ir-raħħal Tarxiniż miet mewta naturali. Il-prodott tiegħu – il-ħalib tal-mogħża nqata’ mis-suq. Il-merħliet spiċċaw mit-toroq ta’ Ħal Tarxien. Triq Santa Marija tilfet parti mis-seħer tagħha ta’ triq twila mimlija sqaqien u djar  li jafu żmien il-kavallieri, jekk mhux qabel ukoll. Iż-żona ta’ Sardinja saret flattijiet, toroq u djar. Parti miż-żona ta’ Buleben saret fabbriki. Il-mogħża spiċċat minn wiċċ Ħal Tarxien.

Tgħid nerġgħu lura għall-ħalib tal-mogħża billi dan fih inqas xaħam minn dak tal-baqra? Tgħid id-domanda għall-ġbejniet magħmulin mil-ħalib tal-mogħża għad tiżdied?  Barra minn Malta, mill-ħalib tal-moħża  jsir ħafna ġobon tajjeb, u ma narax għaliex f’Malta dan m’għandux jiġri wkoll.

Referenzi:-

  1. Bonnici Calỉ Rafel, Il-Ħalib f’Ħal Tarxien, L-Imnara, Ħarġa 18, Vol 5 Nru 1, 1994 p23.
  2. Op cit p 24.
  3. Tagħrif miġbur mis-sur Joseph A Farrugia dwar nies li kellhom merħliet tal-mogħoż wara t-Tieni Gwerra Dinjija f’Ħal Tarxien. Dan it-tagħrif is-sur Farrugia ġabru minn fomm Tarxiniżi ndaħlin fiż-żmien – Ġużeppi Cini, Fredu Randich, Genju Delia u Ċikku Mizzi. (Novembru 2013)
  4. Farrugia op cit
  5. Farrugia op cit
  6. Kommikazzjoni personali ta’ Lorenza Camilleri (1921-2013) li tiġi oħt Carmelo Bezzina l-Gramm. Lorenza u Caremlo kienu 2 minn 14 weld ta’ Franġisk Bezzina u martu Ġużeppa (xebba Farrugia) in-Nuċa.
  7. Farrugia op cit
  8. Farrugia op cit
  9. Farrugia op cit
  10. Farrugia op cit
  11. Farrugia op cit
  12. Farrugia op cit
  13. Farrugia op cit
  14. Galea Victor John, Il-Leġġenda tal-Mogħża tal-Presepju, Luminaria, ħarġa 111, Diċembru 2012. p18.
  15. op cit p 18
  16. op cit p 18
  17. op cit p 18
  18. op cit 18
  19. Kommunikazzjoni personali ma’ Carmelo Bezzina (magħruf bħala l-Gramm) li kien jiġi ħu ommi. Iz-ziju kien darba qalli li r-raħħala tal-mogħoż ma kienux joħorġu l-merħliet tagħhom f’dawn il-granet. Ta’ min jżied li f’jum is-Salib, iz-ziju Karm kien jarma n-‘niċċa’ tas-Salib tad-Dejma. It-tiżjin kien issir billi jipoġġa biċċa damask aħmar madwar il-bażi tas-Salib. Kienu jitpoġġew ukoll xi fjuri u xema fil-fanal ta’ quddiem is-Salib. Fl-imgħoddi qassis mir-raħal kien joħroġ mill-knisja parrokkjali akkumpanjat ma’ abbati. Dawn kienu jmorru biswit is-Salib tad-Dejma biex ibierak l-erba’ irjieħat (il-bierik tal-għelieqi u l-merħliet).
  20. Kommunikazzjoni personali ta’ Lorenza Camilleri (omm l-artikolista).
  21. Gatt Ġużi, Mogħoż u nagħaġ: vokabularju, L-Imnara Vol 6, Numru 4, Ħarġa 25 p138.
  22. Gatt Ġuż, op cit p140
  23. Gatt Ġuż, op cit p140
  24. Gatt Ġużi, op cit p 140
  25. Bonnici Calỉ op cit p 23.
  26. Bonnici Calỉ op cit p 23.
  27. Bonnici Cal ỉop cit p 24.
  28. Bonnici Calỉop cit p 24.
  29. Bonnici Calỉ op cit p 24.
  30. Bonnici Calỉ op cit p 24.
  31. Riċetta mogħtija minn Sunta Camilleri (xebba Farrugia) minn Ħal Tarxien, 14/11/2013.
  32. Gatt op cit p138.
  33. Bonnici Calỉ op cit p 24.
  34. Grech, Coronato Dr, Xi metodi għall-jura tal-mard li kienu jew għadhom jintużaw fin-Nadur (L-Erbgħa u Għoxrin parti), Luminaria, Ħarġa Marzu 1996 p 19.
  35. Grech Corornato op cit p 19.
  36. Kommunikazzjoni personali ta’ Joseph A Farrugia (Novembru 2013)
  37. Gatt Ġużi, op cit p 139.
  38. Gatt Ġużi, op cit p140.
  39. Galea Victor, op cit p 18.
  40. Galea Victor John, op cit p 18.
  41. Galea Victor John, op cit p 19
  42. Galea Victor, op cit p 18
  43. Kommunikazzjoni personali mas-sur Joseph A Farrugia nhar it-Tlieta 19 ta’ Novembru, 2013.

© Joseph C. Camilleri.