Illum se naqsam magħkom xi tagħrif li kont ġbart dwar il-Mellieħa u l-madwar tagħha. Se nagħtu titwila mill-qrib kemm lejn il-pajsaġġ ta’ fuq l-art kif ukoll lejn dak ta’ mal-baħar, u naraw wkoll l-aspett kulturali u toponomastiku ta’ din ir-rokna tal-gżira. Se naraw taħlita ta’ rkejjen imwarrba u bilkemm mittiefsa, u oħrajn li tħassru kważi għal kollox fi żminijet reċenti wara li nħakmu minn firxa bla rażan ta’ bini jew minn interventi oħra li ftit li xejn taw kas tal-ambjent ta’ madwarhom. Xi partijiet tal-inħawi tal-Mellieħa u l-madwar tagħha għadhom s’issa jħaddnu fihom uħud mill-aktar ambjenti verġni, filwaqt li fi bnadi oħra tilfu mhux ftit mill-karattru u l-ġmiel tagħhom matul l-aħħar erbgħin sena. 

Din hi l-ewwel parti  minn artiklu twil miktub minn Alex Camilleri li kien deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 35, Vol. 9 Nru 4, 2011. L-Artiklu jifforma parti minn sensiela li l-awtur kiteb dwar it-toponomastika ta’ Malta. In-numri wara l-ismijiet tal-postijiet jindikaw il-pożizzjoni tagħhom fuq il-mappa. L-Ixbihat huma minn Google Maps. 

L-Għadira u madwarha

Il-vjaġġ tagħna jibda taħt it-Torri l-Aħmar fl-inħawi tal-Qammieħ (1), fejn l-artijiet għoljin tal-Aħrax jaqtgħu ħesrem biex flokhom jitfaċċa għonq (isthmus) ta’ art baxxa wara l-Għadira. Is-sinjal tal-ixpakkatura ġeoloġika qawwija ta’ bejn dawn iż-żewġ artijiet jidher sew bħala ħondoq fond imsejjaħ Il-Ħarq tan-Niġes (2) (il-kelma “ħarq” tfisser xaqq, filwaqt li “tan-niġes” huwa laqam ta’ persuna u m’għandux rabta mal-baħar imniġġes li b’kumbinazzjoni hemm fil-qrib minħabba bokka tad-dranaġġ). Meta wieħed iqabbel is-saffi tal-blat fuq iż-żewġ naħat tal-ħarq, jirriżulta li l-forza li refgħet ‘il-Aħrax u għaddset l-artijiet ta’ maġenbu ħolqot ċaqliq m’ogħla bosta sulari tant li is-saff tal-qawwi ta’ fuq f’Ġebel Imbark (3) qiegħed fl-istess livell li fih jinsab iż-żonqor t’isfel man-naħa ta’ Rdum il-Qammieħ (4). Dan iċ-ċaqliq tal-art matul eluf ta’ snin kien fattur ewlieni fit-tiswir tal-Mellieħa u tal-parti ta’ fuq ta’ Malta, minbarra li qata’ lil Għawdex u ‘l Kemmuna minn ma’ Malta. Fi ftit kliem, il-movimenti tal-art qasmu l-medda daqsiex ta’ bejn Ħondoq ir-Rummien u l-Victoria Lines fi blokok kbar, bi xquq (faults) fondi bejniethom. Dawn il-blokok tħaxknu u żżerżqu kontra xulxin, b’mod li uħud minnhom intrefgħu ‘l fuq biex iffurmaw sensiela ta’ għoljiet tawwalin, filwaqt li l-oħrajn ta’ bejniethom tniżżlu ‘l isfel biex saru artijiet baxxi li uħud minnhom sfaw saħansitra mgħaddsa taħt il-baħar. Fost il-meded li għolew naraw Il-Qala (f’Għawdex); Kemmuna; l-Aħrax; il-Bisqra; il-Mellieħa u Selmun; ix-Xemxija u l-Manikata; l-Imġarr u l-Wardija; u x-xifer għoli ta’ bejn Ħal Għargħur u l-Baħrija. U dawk li tbaxxew jinkludu: iż-żewġ fliegi ta’ madwar Kemmuna; Iċ-Ċumnija u l-Għadira; Qasam Barrani u l-Ħofra; il-Miżieb u l-Mistra; il-Pwales u l-Port ta’ San Pawl; u l-witat ta’ Binġemma u Burmarrad. Uħud mill-aktar sinjali ċari tal-qsim innifsu narawhom madwar Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex, fil-Ħarq tan-Niġes, fl-Arġentier (ħdejn il-Manikata), u matul il-Victoria Lines (ngħidu aħna f’San Ġużepp tat-Tarġa ħdejn il-Mosta).

Il-Qammieħ

Minn Ġebel Imbark, l-art tinżel qisha żurżieqa wieqfa (Il-Mejjieli)(5) lejn Iċ-Ċumnija (6), għar tond nofsu sfrundat li llum jidher bħala ħofra kemmxejn fonda qisha borma. Iċ-Ċumnija ħadet isimha minħabba li meta l-baħar qawwi mill-punent kien iħabbat għal ġo fiha, ir-raxx fin kien jiżbroffa ‘l fuq bis-saħħa minn ġo toqba fis-saqaf, qisu duħħan. L-istess effett fil-maltemp, kif ukoll l-istess tixbiħ, narawhom ukoll fin-naħa t’isfel ta’ Malta, sewwasew f’Għar id-Daħħân qrib ix-Xgħajra. Fl-inħawi taċ-Ċumnija, xi kitbiet qodma isemmu wkoll għar b’isem stramb: Abela jniżżlu bħala “Ghar tal-Bettieus” bla ma jgħid wisq dwaru, filwaqt li l-mappa ta’ Ciantar turina bejn wieħed u ieħor fejn jinsab u ssemmih “Ghar Betticus”. Kittieba oħra bħal Aquilina u Bezzina nterpretaw dan il-ħjiel bħala “Għar Bettiewes(7), iżda għandi dubju dwar kemm hija korretta din il-konklużjoni. Skond ma kienu qaluli xi Melliħin bla ma kienu aktar preċiżi, x’imkien fil-viċin hemm post li jsibuh bħala L-Imbidjuż; u din naraha tixbaħ wisq lill-kelma “tal-Bettieus” li jsemmi Abela. Milli stajt nifhem dan huwa l-għar imdaqqas li jinsab maqrus bejn iċ-Ċumnija u Ġebel Imbark, ġo daħla ħelwa bil-ġnub weqfin, għalkemm dan huwa biss wieħed minn xi sitt għerien li hemm mal-baħar madwar iċ-Ċumnija. Tassew ħasra li f’post sabiħ bħal dan kienet infetħet mhux biss bokka tad-dranaġġ ewlenija, iżda wkoll miżbla mdaqqsa; suppost li s-sitwazzjoni għandha titjieb xi ftit ġaladarba għadu kemm inbena impjant għat-tisfija tad-dranaġġ, u suppost li kellhom isiru xi tħejjijiet biex titneħħa l-miżbla. Iż-żmien jagħtina parir.

Ġebel Imbark

Peress li hija maqrusa bejn artijiet ogħla minnha, kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar (fejn tinsab l-għolja xagħrija tal-Bisqra (8)), iċ-Ċumnija hija wkoll il-bidu ta’ wied qasir u wiesa’ (Il-Wied tal-Qammieħ (9)) li għandu qlib ħafif lejn il-grieg il-lvant, dovut għal ċaqliq ieħor li xaqleb il-gżira ta’ Malta kollha kemm hi. Għaldaqstant, l-ilma li jilqa’ fih dan il-wied jinġabar qrib il-bokka tiegħu, fejn joħloq għadira kbira salmastra li tat isimha lill-inħawi ta’ madwarha – appuntu L-Għadira (10). Din tiġbed lejha bosta għasafar tal-ilma u għaldaqstant hija mħarsa bħala riserva naturali. Qabel ma sarulha xi interventi fis-snin ’80, kienet tinxef kważi għal kollox fis-sajf, u kien jibqa’ l-melħ f’wiċċ il-ħamrija. Għaldaqstant, fil-medjuevu kienet isservi bħala salina (jew mellieħa) kbira, u ħafna jaħsbu li minn hawn tnissel isem ir-raħal tal-Mellieħa. L-użu tagħha għal dan il-għan naqas meta l-Kavallieri bnew kumpless ġdid (Is-Salini) ħdejn Burmarrad. Huwa għalhekk li f’ħafna mapep qodma l-Għadira tidher immarkata bħala Saline Vecchie, biex tingħaraf mill-oħrajn (Saline Nuove). Quddiem l-Għadira tiftaħ l-akbar bajja fil-Gżejjer Maltin (Il-Qala tal-Mellieħa), imfittxija ferm għar-ramla twila li fiha. Ir-ramla nnifisha jgħidulha Ir-Ramla tal-Mellieħa (11), iżda ħafna nies jirreferu għaliha bħala “L-Għadira”. Propjament hemm żewġ ramliet, mifrudin minn plajja qasira ta’ blat imsejħa Tan-Nofs (12), li mhix għajr it-tarf sporġut tal-għolja tal-Bisqra. Hemm min igħid li l-lok fejn kien seħħ in-nawfraġju ta’ San Pawl jinsab ‘l hawnhekk, aktarx fil-punt imsejjaħ L-Iskoll (13) (illum immarkat b’arblu li jixref minn wiċċ l-ilma), fejn f’nofs ta’ baħar il-qiegħ jerġa’ jitbaxxa mhux ftit tant li miegħu ġieli nkaljaw xi dgħajjes. Dwar il-post fejn tkisser il-ġifen ta’ San Pawl hemm kontroversja sħiħa, iżda dwar din nitkellmu aktar ‘il quddiem.

L-Irziezet tal-Għadira

Inqas magħrufa huma L-Irziezet tal-Għadira (14), misturin mal-ġenb ta’ wied żgħir (fergħa tal-Wied tal-Qammieħ) imrekken taħt il-Bisqra, mhux wisq ‘il bogħod mill-kumpless turistiku Daniż. Hawnhekk hawn binja qadima li għad għandha arma ta’ \mien il-Kavallieri fuq il-faċċata tagħha, u qribha hemm ukoll mina ta’ l-ilma u bir b’sienja miegħu; dawn jieħdu l-ilma minn taħt il-Bisqra. Qalb l-għelieqi ta’ ġol-Wied tal-Qammieħ kien hemm xi swieni oħra, kif ukoll għadd ta’ ġwiebi qodma, bjar u ħwat, mentri fil-parti tal-wied li hija eqreb lejn l-Għadira jinsabu l-artijiet ta’ Il-Ħamra (15) (li tingħaraf mill-palma li tinsab ħdejha), L-Aħdar (16) (jew Ta’ l-Aħdar) u Is-Sontina (17) (qrib il-mogħdija li ddaħħlek ġo l-Għadira). Aktar ‘il fuq, viċin taċ-Ċumnija, hemm ukoll xi fdalijiet ta’ ħamrija ffossillizzata (depożiti Kwaternarji) sewwasew fejn mal-Wied tal-Qammieħ jingħaqad wied ieħor baxx li jserrep ‘l isfel minn bejn l-għoljiet tal-Bisqra u Il-Gudja (18). Din tal-aħħar isimha magħha, peress li bħalma rajna f’artikli oħra l-kelma “gudja“ tfisser għolja.

Man-naħa l-oħra tal-Bisqra hemm ukoll wied ieħor baxx bl-għelieqi fih u madwaru; fl-għamla tiegħu jixbaħ lill-Wied tal-Qammieħ u fil-fatt ifforma bl-istess mod bħalu. Anke dan għandu għadira salmastra mdaqqsa (f’dal-każ Il-Ħofra (19)) sewwasew fejn l-aktar parti baxxa tiegħu tiftaħ għal mal-baħar. Dan il-qasam agrikolu kbir jinsab max-xaqliba ta’ barra nett tal-Mellieħa u jsibuh bħala Qasam Barrani (20).  Għal ġo fih jaqilbu għadd ta’ widien imdaqqsin u fondi li jinżlu minn fuq l-għolja tal-Mellieħa, fosthom Il-Wied tal-Ħanżira (21) li jibda minn wara l-barriera f’Tat-Tomna (22), u Il-Wied tal-Għajn (23) li jgħaddi biswit il-liwja qisha “S” tat-triq ewlenija li tinżel minn Ta’ Pennellu (24) lejn Ir-Ramla tal-Mellieħa. Bejn dawn iż-żewg widien jinsabu l-artijiet weqfin Tal-Għajn (25), bir-Razzett tax-Xjaten (26) jittawwal għal fuqhom. Aktar milli razzett li jsegwi t-tifsila tradizzjonali, dan tal-aħħar huwa bini għoli, tawwali u riġmentat fit-tqassim tiegħu minn ġewwa, tant li jagħtik x’tifhem li aktarx kien fih xi stalel importanti ta’ Żmien l-Ordni jew tal-bidu ta’ Żmien l-Ingliżi, l-istess bħall-Kavallerizza f’Marsaxlokk. Mad-daqqa t’għajn jidher li seta’ tlaqqam hekk minħabba li t-tronob tat-turġien weqfin li jagħtu għal fuq il-bjut jidhru qishom par qrun, għalkemm maż-żmien nibtet leġġenda lokali li skontha dawn l-istalel inbnew mix-xitan f’lejl wieħed! L-Għar ta’ Żamberat (27) jinsab imrekken wara r-razzett u jiftaħ għal fuq ħofra mdaqqsa (aktarx oħra bħall-Maqluba) li tħaddan fiha r-roqgħa ta’ egħlieqi Ta’ Randa (28). Skond x-xeħta naturali tal-art, il-Wied tal-Ħanżira u l-Wied tal-Għajn kienu jaqilbu lejn Qasam Barrani, iżda llum it-tnejn li huma jferrgħu għal ġo kanal artifiċjali dejjaq (aktarx tas-Seklu XIX) li jdawwar ilmijiethom lejn Il-Prajjet.

Ir-Razzett tax-Xjaten (magħruf ukoll bħala r-Razzett tax-Xitan)

In-naħa l-ġewwenija tat-triq tħares għal fuq Il-Ħalqun (29), isem li mhux spjegat fid-dizzjunarju iżda li kemm hawnhekk kif ukoll lejn il-Ġnejna (Il-Ħalqun, jew Wied il-Ħalqun) narawh assoċjat ma’ wied bi ġnub għoljin. U tabilħaqq hawn għandna ħondoq fond fir-ras ta’ Wied San Niklaw (30). Wieħed mis-sensiela ta’ aktar minn sitt għerien li għandu fuq ġenbu kien ġie kkonvertit f’kappella medjevali (San Niklaw, jew L-Għar ta’ San Niklaw (31)) li tagħha għad fadal xi ħjiel minqux mal-ġewwieni ta’ l-għar. Ir-raba’ għammiel ta’ Ġnien San Niklaw (32) qiegħed f’qiegħ il-wied, misqi minn nixxiegħa li tgelgel minn taħt għar ieħor daqsiex b’razzett qadim mibni ġo fih. F’dan it-tip ta’ isem, il-kelma “ġnien” għandha tinftiehem bħala ort fejn jitkabbru s-siġar f’xi wied kenni u mogħni b’xi għajn ta’ ilma naturali. Madwaru hemm ukoll xi oqbra qodma ma’ ġenb it-triq, kif ukoll żewġ trunċieri żgħar ta’ Żmien l-Ingliżi (1903) mperrċin fl-għoli max-xfar tal-qraten li jagħtu għal fuq il-ħondoq. L-artijiet ta’ Bejn il-Ġonna (33) jifirdu ‘l dan il-ġnien minn ieħor bħalu (Ġnien Ingraw (34)) li jinsab bejnu u l-qalba tal-Mellieħa, f’wied aktar imserrep (Il-Wied ta’ Ġnien Ingraw (35)) li wkoll fih sensiela ta’ għerien u għajn oħra ta’ l-ilma ħelu. Għalkemm dawn iż-żewġ widien jibdew bħala ħniedaq fondi, jispiċċaw kważi fix-xejn f’kanali dojoq li jarmu l-ilma tax-xaba’ direttament għal ġol-baħar ħdejn l-artijiet illum mibnija taċ-Ċens (36); aktarx li Wied San Niklaw kien jiftaħ għal ġol-Ħofra qabel ma ġie mdawwar artifiċjalment għal ġo gandott maġenbha.

JISSOKTA

(c) Alex Camilleri