Din hi s-sitt u l-aħħar parti minn artiklu twil miktub minn Alex Camilleri li kien deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 35, Vol. 9 Nru 4, 2011. L-Artiklu jifforma parti minn sensiela li l-awtur kiteb dwar it-toponomastika ta’ Malta. In-numri wara l-ismijiet tal-postijiet jindikaw il-pożizzjoni tagħhom fuq il-mappa. 

Il-Miżieb u l-Wied tal-Kalkara

Il-Miżieb

L-istess bħalma l-għolja dejqa ta’ bejn ix-Xemxija u l-Manikata tixref għal fuq il-Wied tal-Pwales fuq naħa, daqstant ieħor taqleb lejn l-artijiet baxxi tal-Miżieb [267] fuq in-naħa l-oħra. Il-Miżieb huwa gandott naturali kbir u wiesa’ li jifred l-għolja ta’ bejn il-Manikata u x-Xemxija minn dik tal-Mellieħa, u fforma bl-istess mod bħall-Wied tal-Pwales meta l-art fejn jinsab sfat imbuttata ‘l isfel minħabba li nqarset bejn l-artijiet tal-Mellieħa u l-Manikata li ntrefgħu ‘l fuq. Jidher li l-għamla tiegħu issaħħaħ l-effett tal-irjieħ li jonfħu għal ġo fih, u b’hekk ġieli jsibuh ukoll bħala Miżieb ir-Riħ. Fil-qiegħ tiegħu jgħaddi wied twil (Il-Wied tal-Kalkara [268]) li jibda minn post imsejjaħ Il-Għonq [269] (ismu miegħu, bħalma rajna fil-Wied ta’ Għajn Żejtuna) u jibqa’ sejjer sal-Mistra. L-inħawi ta’ madwar l-Għonq jgħidulhom Għajn Żnuber  minħabba li sal-bidu tas-Seklu XX kien għad fadlilhom il-fdalijiet ta’ bosk qadim magħmul minn siġar taż-żnuber (jigifieri tal-prinjoli) biswit nixxiegħa tal-ilma, u fil-fatt l-ewwel parti tal-Wied tal-Kalkara ġieli jsejħulha wkoll Il-Wied ta’ Għajn Żnuber [270],. Hawnhekk l-art tinżel bi qlib kemmxejn qawwi mill-Għonq lejn ir-raba’ aktar baxx f’Tax-Xatba [271] (jew Ix-Xatba), mnejn ħadu isimhom l-artijiet tal-madwar (Fuq ix-Xatba [272]) kif ukoll ir-razzett qadim (Ir-Razzett tax-Xatba [273]) li jinsab fil-qrib. Madwar Tax-Xatba nsibu l-artijiet ogħla Tal-Qortin [274] u Il-Mejjieli [275] (ismu miegħu, għax imil lejn ġenb il-wied) man-naħa tal-Manikata, u dawk Ta’ Ciantar u Tat-Tomna man-naħa tal-Mellieħa. Minn taħt Ta’ Ciantar jinżel ukoll Il-Wied l-Abjad [276], wied ċkejken b’xi egħlieqi mtarrġin ġo fih li jingħaqad mal-Wied ta’ Għajn Żnuber sewwasew ħdejn l-Għonq. Il-Wied l-Abjad huwa biss wieħed minn sensiela ta’ widien qosra li jibdew minn max-xifer tal-għolja tal-Mellieħa u jċarċru bi qlib qawwi lejn il-Wied tal-Kalkara. Fil-fatt, qrib ħafna ta’ xulxin fl-inħawi tal-pumping station tal-Miżieb hemm Il-Wied ta’ Sufa [277], Il-Wied tax-Xaqrani [278] (jew Il-Wied tar-Rabti) u Wied il-Miżieb [279] (li minnu tgħaddi t-triq sekondarja li mill-Imbordin twassal lejn il-Mellieħa). Xi ħbieb Melliħin kienu qaluli li “ta’ Sufa” u “tax-Xaqrani” huma laqmijiet ta’ familji li għadhom magħrufin sal-lum f’raħalhom; il-kelma “xaqrani” hija kelma qadima li tindika lil xi ħadd b’karnaġjon ruxxan. Fuq l-artijiet ta’ madwar dawn it-tliet widien, li jsibuhom bħala Fuq il-Miżieb [280], għadha tikber fl-istat naturali s-siġra kemmxejn rari tal-għargħar, illum meqjusa bħala s-siġra nazzjonali Maltija. U madwar l-irjus ta’ dawn il-widien hemm ukoll ġabra ta’ madwar għoxrin għar, fosthom L-Għar tal-Miżieb [281] (li minn taħt Ix-Xifer tal-Miżieb [282] u l-art għolja Ta’ Masrija jittawwal għall-fuq il-wied li jġib l-istess isem) kif ukoll miġbħa u xi oqbra fuq Il-Wied tax-Xaqrani. Jekk fhimt sew, huma propja dawn l-għerien li jissemmew minn Borg bħala L-Għerien ta’ Fuq ir-Raff [283]  f’artiklu li kien kiteb fl-1995. Fil-parti t’isfel tal-Wied ta’ Sufa hemm ukoll xi Depożiti Kwaternarji li jidhru bħala roqgħa ta’ blat skur magħmul minn ħamrija ffossillizzata; il-ġebel ittundjat li jinsab ingastat fiha juri li din il-ħamrija nġabret hawn wara li nġarret mill-wied. F’Wied il-Miżieb hemm ukoll mina tal-ilma, kif ukoll (aktar ‘l isfel ma’ ġenb it-triq) vaska li donnha kienet tiġbor l-ilma ġieri u tintuża bħala għajn, għalkemm illum tinsab nofsha mirduma bl-imbarazz. Aktar lejn il-lvant, mix-Xagħra tal-Ħawlija [284] (ħdejn ir-roundabout mad-daħla tal-Mellieħa) jinżel ukoll Il-Wied tax-Xemgħa [285] (jew Il-Wied tal-Għansar), li jgħaddi minn ħdejn l-artijiet weqfin Tax-Xemgħa [286] u Il-Migduma [287] qabel ma jingħaqad huwa wkoll mal-Wied tal-Kalkara fl-inħawi ta’ Taħt il-Migduma [288], sewwasew bi dritt ix-Xagħra tal-Għansar li diġà ltqajna magħha qabel.

Il-Wied ta’ Għajn Żnuber

Minn mal-Wied tax-Xemgħa tgħaddi wkoll mogħdija qadima li kienet tinżel mill-Mellieħa, taqsam il-Wied tal-Kalkara (fejn hemm anke xi turġien maqtuġħin fil-blat), u tibqa’ tiela’ lejn ix-Xemxija minn maġenb l-art immejla tas-Sagħtrija [289] li aktarx tissejjaħ hekk minħabba li miżgħuda bix-xtieli tas-sagħtar kif wieħed jistenna f’dan it-tip ta’ ambjent. L-istess mogħdija għandha fergħa oħra li tingħaqad maċ-Ċangar [290], kif kienet tissejjaħ it-triq il-qadima li titla’ mal-Mejjieli tal-Ibraġ [291] (l-artijiet imżerżqin bejn Tal-Braġ u l-wied) u tieħu lejn Selmun. Minn hawn ‘il quddiem, il-kanal dejjaq tal-Wied tal-Kalkara jieħu s-sura ta’ ħondoq baxx u mserrep, u fil-ġnub tiegħu nsibu għaxar għerien żgħar (fosthom tlieta li kienu jintużaw fl-imgħoddi bħala mġiebaħ, u tnejn oħra li aktarx kienu oqbra antiki). Imbagħad, sewwasew taħt Tal-Ħanċ [292] (fejn tilwi t-telgħa tal-Mellieħa), il-wied jerġa’ jitwessa’, jaqsam minn taħt it-triq, u jibdel ismu għal Wied il-Mistra li jibqa’ nieżel lejn il-baħar. It-tarf tax-Xagħra tax-Xemxija li jagħti għal fuq Wied il-Mistra fih irdum wieqaf u pjuttost inaċċessibbli, minħabba s-siġar u għollieq folti li jikbru fih. Jidher sew mit-triq ewlenija, eżatt wara binja żgħira (Ir-Rixtellu [294]) li nbniet fi Żmien il-Kavallieri b’rabta mal-Monte della Redenzione degli Schiavi. Dawn l-inħawi jsibuhom bħala Il-Ġnien tal-Kalkara [293]. Mal-faċċata tal-irdum hemm żewġ għerien imdaqqsin, li wieħed minnhom fil-fatt għandu żewġ livelli fuq ġewwa u jerġa’ jitfaċċa bħal tieqa maqtugħa fl-għoli; jidher li kien jintuża bħala gunpost, peress li qiegħed f’pożizzjoni tassew strateġika u fl-istess waqt moħbija. Mhux wisq ‘il bogħod, u tista’ tgħid imiss mal-bini tax-Xemxija, hemm ukoll rixtellu li mhux għajr id-daħla ta’ mitħna taħt l-art; din kienet inbniet fis-snin ’50 bħala parti mit-tħejjijiet għall-Gwerra l-Bierda.

 

It-toponomastika ta’ taħt il-baħar

Fl-artklu li kont ktibt għal “L-Imnara” fl-2005 dwar l-Aħrax tal-Mellieħa, kont semmejt xi ħaġa fil-qosor dwar qiegħ il-baħar madwar il-Mellieħa, b’mod partikolari dwar Is-Sikka l-Bajda. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, ksibt aktar tagħrif toponomastiku mingħand xi sajjieda, u xtaqt naqsmu magħkom. Billi s-Sikka l-Bajda hija daqstant mifruxa, ix-xaqlibiet differenti tagħha għandhom ukoll il-laqmijiet tagħhom. Il-ġenb li jħares lejn it-tramuntana (bi dritt il-Ponta ta’ l-Aħrax) isibuh bħala Ix-Xifer ta’ Barra [296]. Aktar ‘il fuq minnu, aktarx bi dritt Kemmuna, hemm ħofra fil-qiegħ wiesgħa xi 400 metru li tissejjaħ Il-Qrolla jew Il-Qrolla tas-Sikka l-Bajda [297]. Hemm ukoll Ix-Xifer ta’ Ġewwa [298], li jinsab bejn wieħed u ieħor bi dritt il-Madonna ta’ l-Aħrax u jaqleb lejn in-nofsinhar. Is-sena l-oħra nżilt nogħdos bejn ix-Xifer ta’ Ġewwa u l-Gżejjer, fejn hemm sikka oħra sabiħa f’għamla ta’ tumbata mdaqqsa tal-qawwi li tisporġi mill-qiegħ; il-ġnub li jħarsu lejn il-lvant jaqilbu bil-mod lejn xifer baxx li mbagħad jagħti għal fuq qiegħ ċatt u ramli. Ngħid għalija t-tarf tagħha rajtu jixbaħ xi ftit lix-xtut ta’ Bejn il-Kmiemen, bid-differenza li hawn kollox jinsab mistur taħt wiċċ l-ilma. L-istess sikka fiha wkoll sensiela ta’ widien baxxi iżda tawwalin, u lejn il-quċċata tagħha għandha ħofra baxxa iżda wiesgħa li aktarx hija l-fdal ta’ għar kbir sfrundat (l-istess bħall-Maqluba fil-Qrendi, u l-Latnija u d-Dragunara fil-Mellieħa). Semmewli wkoll Is-Sikka tal-Qanpiena [299], li tinsab bejn Is-Sikka l-Bajda u l-post fejn jinsab mgħarraq is-sottomarin HMS Stubborn, iżda dwar din ma nafx wisq aktar. Hemm imbagħad Il-Banka [300], sikka oħra aktar fil-fond li qiegħda xi 26 mil lejn il-grigal tal-Gżejjer ta’ San Pawl. Aktar qrib l-art, madwar nofs triq bejn Il-Gżejjer u Buġibba, hemm sikka oħra żgħira (L-Iskolji [295]) fejn qiegħ il-baħar jtbaxxa sa madwar 11-il metru.

Egħluq

F’dan l-artiklu ppruvajt naqsam magħkom xi informazzjoni li ġbart matul is-snin dwar it-toponomastika Melliħija, kemm minn għadd ta’ kitbiet imxerrdin, kif ukoll direttament minn fomm xi nies tal-inħawi, fosthom xjuħ li ma nafx jekk minn dakinhar ‘l hawn għadhomx magħna. Nittama li b’dan il-mod għent xi ftit biex dan il-tagħrif ġeografiku ma jintilifx, kif ukoll li forsi rnexxieli nqanqal xi naqra interess f’dan il-qasam tal-wirt kulturali Malti. Fil-każ tal-Mellieħa għandi ngħid li sibt minjieri sħaħ ta’ tag]rif fi ktieb mill-isbaħ li kien ħareġ il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fl-2002 bil-kontribut ta’ diversi awturi, kif ukoll fil-kitbiet varji ta’ Paul P. Borg speċjalment dwar Selmun. U ma nistax ma nsemmix l-għajnuna kbira li kienu tawni l-Melliħin David Muscat u Ernest Vella f’dan l-istħarriġ matul is-snin ’90. Minkejja li b’dan il-mod ksibt kwantità kbira ta’ dettalji, joħroġ ċar li għad hemm ferm aktar x’jinġabar qabel ma jkun tard wisq. Ngħidu aħna, f’dan l-artiklu stess aċċennajt għal numru kbir ta’ għerien (kemm fuq l-art kif ukoll mal-baħar) bla ma stajt ngħidilkom x’igħidulhom, u daqstant ieħor semmejt postijiet li naf b’isimhom iżda għadni ma fhimtx fejn jinsabu eżatt. Ma’ dawn ta’ l-aħħar inżid ukoll Il-Wied ta’ Psiepes [311], Wied il-Ħarrub [312] u l-Wied id-Delli [313] li jinsabu x’imkien fl-inħawi tal-Mellieħa, iżda s’hemm naf. U, mhemmx xi ngħidu, dwar it-toponomastika ta’ qiegħ il-baħar qbadt biss tarf żgħir ta’ dak li, żgur mhux forsi, jkunu jafu bih is-sajjieda tal-mestier. Għaldaqstant, f’każ li xi ħadd mill-qarrejja ta’ L-Imnara jaf xi ħaġa aktar dwar dan is-suġġett, napprezza jekk ikellimni jew, saħansitra aħjar, jekk jogħġbu jikteb dwarha sabiex b’hekk dan it-tagħrif ma jintesiex. Qabel nagħlaq nixtieq inrodd ħajr ukoll lill-Mapping Unit tal-MEPA li pprovdewli l-mappa li fuqha stajt nimmarka d-dettalji toponomastiċi għal ma’ dan l-artiklu.

Riferenzi

  1. Abela, Gio. Francesco (1647): Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano con le sue Antichità ed Altre Notitie (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1984).
  2. Anonima ? (c. 1733-1787): Vue du Plan General des Isles de Malte, du Cumin, et du Goze. Mappa tal-Gżejjer Maltin, riprodotta fil-kalendarju tal-Bank of Valletta għall-1999.
  3. Anonima (2009): L-Inħawi ta’ Selmun. Artiklu f’In-Nota (fuljett ta’ l-Għaqda Korali u Orkestrali “Maria Bambina”, Mellieħa), Ħarġa nru. 26, Settembru 2009.
  4. Aquilina, Joseph (1987): Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.
  5. Atti notarili dwar artijiet ħdejn Daħlet il-Fekruna [Nutar Francis Micallef 21.04.1965; Nutar Tonio Spiteri 14.03.1989].
  6. Bonniċi Calì, Rafel (1994): Il-Mellieħa post ta’ folklor u storja. “L-Imnara” Vol. 4 nru. 4 [Ħarġa nru. 17].
  7. Bezzina, John (bla data). Toponomastika tal-Mellieħa.
  8. Borg, Paul P. (1989). Selmun u l-Inħawi. Bugelli Publications.
  9. Borg, Paul P. (1995). Artiklu fil-gazzetta “It-Torċa” (29.10.1995)
  10. Borg, Paul P. (1996). Selmun: A Story of Love.
  11. Borg, Paul P. (2002): Selmun. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
  12. Cardona, Mario (2002): Għajn Tuffieħa and Manikata. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
  13. Cardona, Mario (2008): Manikata and its Rural Aspects. Artiklu f’Il-Majjistral Nature and History Park. Nature Trust (Malta) Publications.
  14. Castagna, Pietro Paolo (1866): Lis Storia ta Malta Bil Gzejer Tahha (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1985).
  15. Ciantar, Giovannantonio (1772): Malta colle sue città, fortificazioni, terre, villaggi, valloni e luoghi alpestri, con le sue isole adiacenti. Malta, 1772. [mappa meħuda mill-ktieb ta’ l-istess awtur Malta Illustrata], riprodotta f’Ganado (2002).
  16. De Fer, Nicholas & Scutter, Georg Mattheus (1730): Melite vulgo Malta cum vicinis Goza, quae olim Gaulos, et Comino insulis. Augsburg, 1730. [mappa riprodotta f’Ganado (2002) ].
  17. De Rossi, Gio. Giacomo (1686): Isola di Malta, Gozzo, Comino e Cominotto. Ruma, 1686. [mappa riprodotta f’Ganado (2002)].
  18. Du Val, Pierre (1667): Les Isles de Malthe, Goze, Comin, Cominot, etc. Pariġi, 1667. [mappa riprodotta f’Ganado (2002)].
  19. Evans, John D. (1971): The Prehistoric Antiquities of the Maltese Islands: A Survey. Athlone Press.
  20. Falzon, Annalise (2008): Nature Walks at Il-Majjistral Nature and History Park. Artiklu f’Il-Majjistral Nature and History Park. Nature Trust (Malta) Publications.
  21. Ganado, Albert (2002): Mellieħa on Maps of the 16th to early 19th Centuries. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  22. Geographical Section General Staff, War Office (1940): Malta Sheets I-X. GSGS No. 3852. [Printed at Ordnance Survey Office, Southampton, 1911-1940]
  23. Gervais de Palmeus, A.F. (fils) & Lattre, Jean (1752): Carte générale de le Principauté Souveraine des Isles de Malte et du Gozo dressé sur les memoires des grand officiers de l’Ordre. Pariġi, 1752. [mappa riprodotta f’Ganado (2002)].
  24. Għaqda Ex-Studenti Liċeo: Il-Kappella ta’ Sant’Anna. [kif deher fuq il-paġna ta’ l-Internet http://www.alpsmalta.com/civics/stanabooklet.pdf, nhar l-1 t’Ottubru 2011]
  25. Jaccarini, Carol (2002): Giren and Imġiebaħ of Mellieħa. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  26. Kunsill Lokali tal-Mellieħa: Il-Bir tal-Ħnejja – Il-Bir tal-Ħnejja f’Selmun. [kif deher fuq il-paġna ta’ l-Internet http://www.mellieha.gov.mt/?module=content&id=511, nhar l-1 t’Ottubru 2011]
  27. Michelot, Henri & Bremond, Laurens (1718): Nouvelle carte de Lisle de Malthe. Pariġi, 1718. [mappa riprodotta f’Ganado (2002)].
  28. Mifsud-Circop, Ġorġ (2002): A look at some legends. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  29. Muscat, David (2002): Mellieħa in the First half of the 19th Century. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  30. Muscat, David: Il-Mellieħa 2,500 Q.K. – 870 W.K. Minn Żmien il-Bronz sa tmiem l-Imperu Ruman (2,500 Q.K. – 870 W.K.) [kif deher fuq il-paġna ta’ l-Internet tal-Kunsill Lokali Mellieħa http://www.mellieha.gov.mt/?module=content&id=505, nhar l-1 t’Ottubru 2011]
  31. Muscat, Jimmy (2002): Inhabited Areas and Street Names. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  32. Records tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet (avviżi dwar esproprijazzjoni ta’ art fir-Ramla tal-Mellieħa)
  33. Saliba, Raymond (2002): The Sanctuary at Mellieħa. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  34. Spiteri, Stephen C. (1994). Fortresses of the Cross. Heritage Interpretation Services.
  35. Spiteri, Stephen C. (1996). British Military Architecture in Malta.
  36. Teuma, Eugene P. (2003). San Pawl il-Baħar: A Guide. Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar.
  37. Vella, Alfred (2002): Mellieħa in the 20th Century. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  38. Vella, David (2010): Home Cave Home – Peek into the Għar u Casa. Ħarga nru. 3 tar-rivista “Vida” (Marzu 2010).
  39. Vella, Ernest (2002): The Archaeological Legacy. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  40. Wettinger, Godfrey (2002): Mellieħa in the Middle Ages. F’ Catania, J (ed.) Mellieħa Through the Tides of Time. Kunsill Lokali Mellieħa.
  41. Zingarelli, Nicola (2003). Vocabolario della Lingua Italiana. Zanichelli Editore.

 

Komunikazzjonijiet personali:

  1. Dun Alwiġ Deguara (Mġarr), 1993
  2. Charles Vella (mill-Mellieħa), 1997
  3. David Muscat (mill-Mellieħa), 1995
  4. Ernest Vella (mill-Mellieħa), 1995
  5. Ġamri Vella (mill-Mellieħa), 1995
  6. Ġanni Debono (mill-Mellieħa), 1995
  7. Gilbert Cutajar, 2000
  8. Joseph Cachia (mill-Mellieħa), 2001
  9. Paul P. Borg (mill-Mellieħa), 1995
  10. Sammy Vella (ex-Sindku tal-Mellieħa), 1998
  11. Bdiewa (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: Il-Wied tal-Qammieħ (1994); Il-Wied tax-Xaqrani (1994 & 1997); Rdum Majjiesa (1997); Il-Wied tax-Xemgħa (1998).
  12. Gwardjan tar-riserva ta’ l-Għadira (anonimu), 1994
  13. Kaċċaturi (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: Bunaħħâla (1990)
  14. Barklor (anonimu), 2008

(C) Alex Camilleri