Din hi l-ħames parti minn artiklu twil miktub minn Alex Camilleri li kien deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 35, Vol. 9 Nru 4, 2011. L-Artiklu jifforma parti minn sensiela li l-awtur kiteb dwar it-toponomastika ta’ Malta. In-numri wara l-ismijiet tal-postijiet jindikaw il-pożizzjoni tagħhom fuq il-mappa. L-Ixbihat huma minn Google Maps.

Ix-Xemxija, il-Pwales u l-Manikata

Biex tasal sal-Mellieħa, triq bilfors taqsam Il-Wied tal-Pwales [226] (jew Wied il-Pwales), billi dan il-foss naturali wiesa’ li jinsab bejn Għajn Tuffieħa u San Pawl il-Baħar jaqtagħha mill-bqija ta’ Malta. Bħalma rajna fil-bidu ta’ dan l-artiklu, din il-medda ta’ art baxxa bejn żewġ għoljiet issawret permezz taċ-ċaqliq tal-art aktar milli bħala wied minqux mill-ilma ġieri, iżda fil-fatt għandha wkoll pendil ħafif (l-istess bħalma rajna fil-każ tal-Wied tal-Qammieħ u ta’ Qasam Barrani) u għaldaqstant l-ilma li jinġabar fiha jistagħdar f’tarfha, bejn ir-raba’ tal-Pwales [227] u dik Ta’ Rkuplu [228]. B’hekk inħolqot għadira salmastra mdaqqsa ħdejn il-baħar, magħrufa bħala Is-Simar [229] minħabba l-ħaxix iebes u ippuntat li jikber f’dan it-tip ta’ ambjent u li dari kien jintuża biex minnu jinħadmu qfief u tagħmir ieħor minsuġ. Din l-għadira tiġbed lejha bosta għasafar tal-ilma tant li llum hija mħarsa. Hemm teoriji differenti dwar l-isem Pwales. Ħafna jaħsbu li hija verżjoni Semitika ta’ l-isem “Pawlu” (jew tal-plural tiegħu) jew taħsira tal-isem Latin “Paulus”, aktarx b’rabta ma’ waħda mit-tradizzjonijiet popolari dwar il-miġja ta’ San Pawl jew inkella minħabba xi mqades qodma li seta’ kien hawn iddedikati lilu. Iżda skond id-dizzjunarju ta’ Aquilina hemm ukoll min isostni li dan l-isem antik iktar għandu x’jaqsam mas-Simar stess, u huwa mnissel mill-kelma Latina għal dan it-tip ta’ art mifqugħa bl-ilma (“palus”, li minnha tnisslet ukoll il-kelma Taljana “palude”). L-ilmijiet tax-xaba’ tal-Wied tal-Pwales u tas-Simar ifuru għal ġol baħar sewwasew fejn hemm ramla żgħira (Ir-Ramla tal-Pwales [230]) fil-parti l-ġewwenija nett ta’ waħda mill-akbar qaliet tal-gżejjer Maltin, magħrufa bħala Il-Port ta’ San Pawl [231], Il-Qala ta’ San Pawl, jew Il-Qala ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Qala ta’ San Pawl il-Baħar, Ix-Xemxija, Is-Simar u l-bidu tal-Pwales.

 

Matul ix-xtut ta’ dan il-port naturali maż-żmien żviluppa r-raħal kbir ta’ San Pawl il-Baħar. Ir-Ramla tal-Pwales dari kienet akbar milli hi llum, u billi setgħet toffri post komdu għall-iżbark tal-għadu, fl-1716 ġiet imħarsa minn żewġ batteriji armati bil-kanuni, waħda fuq kull tarf tar-ramla. Minħabba li waħda kienet tara aktar xemx mill-oħra (minħabba li din tal-aħħar kellha għolja lejn in-nofsinhar tagħha), in-nies kienet issejħilhom It-Trunċiera x-Xemxija [232] u It-Trunċiera d-Dellija [233]. Ix-xemxija għadha hemm sal-lum u tintuża bħala ristorant, filwaqt li d-dellija kienu ħattewha biex fetħu triq, u fil-post għadhom jidhru biss il-kopji ta’ l-istemmi li kellha mal-faċċata tagħha. Aktarx li dawn iż-żewġ trunċieri maż-żmien taw isimhom liċ-ċentri abitati ta’ madwarhom, appuntu Ix-Xemxija [234] u t-tarf ta’ San Pawl il-Baħar li għadu s’issa magħruf bħala Id-Dellija [235]. It-triq ewlenija li mir-Ramla tal-Pwales twassal għal fuq il-Mistra wkoll isibuha bħala It-Telgħa tax-Xemxija [236], filwaqt li l-quċcata ta’ l-għolja li tħares għal fuqha tissejjaħ Ix-Xagħra tax-Xemxija [237]. Din ix-xagħra tidher sew mit-triq tal-Mellieħa u dari kienet toffri xena li tpaxxi l-għajn; iżda fl-aħħar tletin sena, tilfet is-sbuħija tagħha minħabba l-bini għoli u ikrah li tħalla jinfirex għal fuqha u llum għandek dehra li tweġġa’. Max-xifer tax-xagħra għadhom jidhru xi fdalijiet arkeoloġiċi importanti, fosthom oqbra preistoriċi, kalati, il-fdal ta’ tempju megalitiku fix-Xagħra ta’ Żminka [238], u L-Għar ta’ Berbaħ [239] li aktarx dari kien abitat. Minn ħdejn dan l-għar b’saqaf baxx tgħaddi trejqa antika ċċangata li tgħaddi minn max-Xagħra ta’ Żejżu [240] u tieħdok lura lejn it-trunċiera; matulha hemm sensiela ta’ għerien oħra maqtugħin fil-blat, u fi 3 minnhom għadek tista’ tara l-imġiebaħ qodma tan-naħal mibnijin b’ċerta sengħa.

Il-Kappella ta’ Sant’Anna ġewwa l-Pwales

Ftit ‘il ġewwa mis-Simar tinsab il-kappella qadima (1672) ta’ Sant’Anna tal-Pwales [241], maqrusa mal-ġenb tal-Wied tal-Pwales u mkennija taħt il-ġenb kemmxejn għoli tax-Xagħra tal-Għansar [242] (jew sempliċement Tal-Għansar) li tittawwal għal fuqha. Aktarx li x-xagħra ħadet isimha mix-xitla tal-għansar li hawnhekk tikber kotrana u li tispikka minħabba l-basal kbir tagħha li spiss jixref fil-wiċċ. Ħdejn il-kappella hemm mina qadima tal-ilma kif ukoll shelter u xi għerien oħra żgħar. Hemm ukoll wied ċkejken li jiġbor ilmijietu mix-Xagħra tal-Għansar u jinżel bi qlib wieqaf minn ħdejn il-kappella, qabel ma jferra’ fil-Wied tal-Pwales; s’issa ma rnexxilix nitkixxef x’jismu. X’imkien fl-inħawi tissemma wkoll il-kappella medjevali ta’ Santa Marija tal-Pwales li llum m’għadhiex teżisti. Ftit aktar ‘il ġewwa hemm ukoll wied ieħor akbar, Il-Wied ta’ Manna [243], li jinżel minn taħt ġemgħa ta’ djar f’L-Imbordin [244] qabel ma huwa wkoll jingħaqad mal-Wied tal-Pwales. Minn ġo dan il-wied tgħaddi t-triq li tieħu lejn il-Miżieb u l-Mellieħa, filwaqt li fil-blat ta’ madwaru jinsabu xi għerien, kalati u oqbra antiki; isem dan il-wied jissemma wkoll fil-katalogu arkeoloġiku li kien ħejja l-istudjuż Inġliż J.D. Evans fl-1971. Il-Wied ta’ Manna jifred ix-Xagħra tal-Għansar mid-Dar il-Bajda [245] (jew Ix-Xagħra tad-Dar il-Bajda), quċċata għolja li aktarx issemmiet hekk minħabba xi binja solitarja li kienet tispikka f’dawn l-inħawi fl-imgħoddi. B’xorti ħażina, xi kittieba (aktarx fis-snin ’50) qabdu u kissru dan l-isem biex dawruh f’“Bajda Ridge” (isem ivvintat, b’nofs Malti u nofs Ingliż) u b’hekk ħolqu żball li baqa’ jiġi kkupjat sal-lum, l-istess bħalma kienu għamlu b’daqqa ta’ pinna fil-każ ta’ l-Aħrax tal-Mellieħa li għalih ivvintaw l-isem falz “Marfa Ridge”. Il-Wied tal-Pwales jilqa’ fih ukoll l-ilmijiet li jinżlu minn tliet widien kbar li jinżlu mill-inħawi tal-Imġarr u l-Wardija: Il-Wied ta’ Għoxx il-Ħida [246], Il-Wied ta’ San Martin [247] u wied kemmxejn iqsar iżda wiesa’ li jibda minn ħdejn Għajn Ballut [248] fil-Wardija. Dwar dawn il-widien forsi nitkellmu xi darb’oħra, inkella nitbiegħdu żżejjed mill-inħawi tal-Mellieħa u x-Xemxija.

Ir-Razzett tal-Qasam ġewwa l-limiti tal-Manikata qabel ma ġie restawrat

Jekk nibqgħu mexjin mat-tul ta’ Wied il-Pwales, bi dritt l-egħlieqi f’Ta’ Ġannaru [249], Tal-Imbordin [250], u Il-Wilġa [251], naslu f’Tal-Arġentier [252] (jew sempliċement L-Arġentier), mnejn tgħaddi trejqa qadima li ttellgħek lura lejn ix-xagħriet għoljin tad-Dar il-Bajda u tal-Għansar. Fl-inħawi tal-Arġentier, il-ġenb tal-wied jieħu l-forma ta’ sies għoli u wieqaf li mhux għajr il-ħjiel ta’ wa]da mill-qasmiet ġeoloġiċi li diġà semmejna. F’daħla mal-ġenb ta’ dan is-sies hemm għadd ta’ għerien kbar li aktarx kienu abitati fl-imgħoddi, tant li uħud minnhom saħansitra għandhom xi bini ġo fihom; hemm ukoll xi bini ieħor eżatt magħhom. Għerien oħra bħalhom narawhom ukoll ftit ‘il bogħod taħt Tal-Qargħa [253] (jew Ix-Xagħra tal-Qargħa) mat-tarf tal-Manikata [254], għalkemm hawnhekk huma aktar mheddin minħabba l-bini ġdid u t-tqattiegħ ta’ blat li għaddej f’dawn l-aħħar snin. Qrajt li wieħed mill-għerien ta’ ħdejn il-Manikata, L-Għar ta’ Mezzjettu [255], kien jintuża min-nies tal-Manikata bħala kenn mill-ħbit tal-għadu waqt it-Tieni Gwerra. U b’hekk wasalna f’ras il-Wied tal-Pwales li tinsab bejn wieħed u ieħor fejn hemm l-artijiet maħduma ta’ Ta’ Tabuni [256], Ħabel Ċillaq [257], Il-Ħabel il-Kbir [258] u Il-Ħabel l-Iswed [259]. Hawnhekk, il-kelma “ħabel” tindika għalqa tawwalija, bħalma wieħed kien għadu jara qabel ma seħħ ħafna qsim tar-raba’ fi mkatar iżgħar. Wasalna wkoll il-Manikata, illum raħal imdaqqas li jittawwal għal fuq dan ir-raba’. Il-bini tal-Manikata tista’ tgħid jaqta’ x-Xagħra tad-Dar il-Bajda mix-Xagħra l-Ħamra.

Hawn ta’ min ifakkar li x-xagħriet li għadna kemm semmejna (kif ukoll Ix-Xagħra ta’ Għajn Tuffieħa u x-Xagħra tal-Majjiesa li jinsabu aktar lejn il-punent) ikomplu ma’ xulxin u flimkien jiffurmaw il-quċċata tal-istess għolja tawwalija li twassal mill-Mistra sa Ras il-Waħx. Mat-tarf tal-Manikata hemm Ir-Razzett tal-Qasam [260], kumpless qadim ta’ mqawel b’ħafna għerien żgħar madwaru, fosthom mina tal-ilma. Jinsab imrekken f’wied ċkejken li jaqleb lejn l-artijiet tal-Bajjâd [261] (mad-daħla tal-barracks tal-Kamp ta’ Għajn Tuffieħa [262]) qabel ma jiġi fix-xejn fil-Qasam ta’ Għajn Tuffieħa [263], l-art watja fuq ir-riħ tar-Ramla tal-Mixquqa. X’imkien f’dawn l-inħawi jissemmew Għar Keteb u Għar Nifus (it-tnejn marbutin mal-kunjomijiet ta’ xi Lhud li jissemmew fil-kitbiet ta’ l-1417, għalkemm mhux ċar għal kollox jekk dawn iż-żewġ għerien jinsabux ħdejn ir-Razzett tal-Qasam jew inkella aktar lejn il-Manikata jew l-Arġentier. Minn ħdejn dan il-qasam agrikolu, kif ukoll minn mal-egħlieqi tal-Wilġa [264], tgħaddi triq li titla’ lura lejn il-Manikata wara li tilwi mar-razzett solitarju Tas-Sold [265]. Aktar ‘il fuq fil-qalba ċkejkna tar-raħal, din it-triq tikser f’daqqa lejn It-Telgħa tal-Ħorob [266] fejn tinsab il-kappella ta’ San Ġużepp (mibnija fl-1920) u minn hemm tibqa’ tiela’ f’żigużajg kemmxejn wieqaf li fl-aħħar iwassal lejn il-knisja parrokkjali aktar moderna tas-sittinijiet li tiddomina r-raħal minn fuq il-quċċata tal-għolja.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri