Din hi r-raba’ parti minn artiklu twil miktub minn Alex Camilleri li kien deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 35, Vol. 9 Nru 4, 2011. L-Artiklu jifforma parti minn sensiela li l-awtur kiteb dwar it-toponomastika ta’ Malta. In-numri wara l-ismijiet tal-postijiet jindikaw il-pożizzjoni tagħhom fuq il-mappa. L-Ixbihat huma minn Google Maps.

Selmun u x-xtut tal-lvant

Il-Bajja u l-Wied tal-Imġiebaħ

Malli taqbeż l-Imxaxa fl-aħħar jerġa’ jitfaċċa ambjent miftuħ fl-inħawi ta’ Taħt il-Palma [126], b’nixxiegħa li l-ilma tagħha jibqa’ jgelgel sal-baħar ħdejn tnaqqira fix-xatt imsejħa il-Kopp [127]. Ftit aktar ‘il quddiem, naslu ma’ L-Irdum tal-Griebeġ [128], fejn il-blat ta’ max-xatt jogħla xi ftit u jerġa’ jieħu bixra salvaġġa u mxaqqa’. Tarfu joħroġ ‘il barra f’Ras il-Griebeġ [129], u b’hekk ħriġna ‘l barra għal kollox mill-Qala tal-Mellieħa. Ma fhimtx jekk dawn l-inħawi (Il-Griebeġ [130]) jgħidulhomx hekk minħabba xi strutturi li kienu jinsabu hawn, jew inkella minħabba l-għamla tal-blat imxaqqa u saħansita msaqqfa li f’xi bnadi forsi tixbaħ lil xi gorboġ. L-inħawi ta’ Taħt il-Palma jieħdu l-ilma tagħhom minn taħt Ix-Xagħra tal-Kurunell [131], jiġifieri l-qortin arjuż li jiftaħ għal fuq il-Griebeġ. Xhieda ta’ dan hemm mina tal-ilma qadima maqtugħa fil-ġenb tal-għolja, li tgħaddi minn taħt tliet spejjer li l-ħereż tagħhom jidhru qrib it-tarf tal-qortin, sewwasew ħdejn razzett qadim u żewġ giren li aktarx kienu lkoll parti mill-istess kumpless. Ix-Xagħra tal-Kurunell hija biss it-tarf ta’ xagħra tawwalija li tagħlaq il-parti l-mibnija tal-Mellieħa min-naħa tal-lvant, u bi dritt il-Qortin ta’ Għajn Żejtuna tibdel isimha għal Xagħret Għekek [132] u mbagħad għax-Xagħra tal-Gardillu [133], aktarx laqmijiet ta’ persuni. Mat-tarf ta’ din ix-xagħra hemm il-fdal ta’ barriera qadima li għadu sal-lum isibuh bħala Il-Latnija [134]  (mit-Taljan “latomia” li tfisser appuntu barriera), għalkemm ix-xjuħ tal-inħawi aktar isemmu Il-Bir tal-Latnija [135] , bir li jinsab hdejha. Qribhom hemm il-ħotba ta’ Ġebel Żnajbar [136], li tagħti għal fuq il-bidu tal-wied twil ta’ L-Imġiebaħ [137]; hawnhekk il-kelma “ġebel” tindika quċċata, l-istess bħal fl-Għarbi. Fil-Malti tal-lum, din it-tifsira ntilfet kważi għal kollox ħlief fit-toponomastika, fejn narawha marbuta ma’ mkejjen għoljin jew sisien weqfin. It-tifsira tat-tieni kelma (“żnajbar”) hija inqas ċara u tista’ tkun sempliċement laqam ta’ persuna, iżda daqstant ieħor tixbaħ lil diminuttiv ta’ “żnuber” u tabilħaqq ftit aktar ‘l isfel f’ras il-wied għad fadal xi siġar xjuħ taż-żnuber li jingħad li huma l-fdal ta’ bosk qadim. Wied l-Imġiebaħ [138] (jew Il-Wied tal-Imġiebaħ) huwa wied twil magħruf għall-ġmiel tiegħu. Jibda minn taħt ir-raba’ tal-Ħawwiexa [139] (fejn hemm xi oqbra li kienu tnaddfu ftit tas-snin ilu, biswit Il-Mogħxa [206] ta’ wara d-djar ta’ Selmun) u Il-Ħawlija [140] (jiġifieri art li xejn ma hi għammiela), u minn hemm iserrep ‘l isfel minn qalb l-egħlieqi mtarrġin u l-ħitan tas-sejjiegħ qodma li jdawruhom. Ħa ismu mill-imġiebaħ qodma tan-naħal li jinsabu f’uħud mill-irkejjen l-aktar mistura tiegħu, u jħaddar mhux ftit minħabba li fih xi nixxigħat tal-ilma. Waħda minn dawn l-egħjun tinsab fejn it-triq dejqa li tinżel mal-wied tikser ħesrem ħdejn razzett qadim f’Tal-Mellieħi [141] Aktar ‘il fuq jinsabu l-artijiet Ta’ Kettu [142], mal-ġenb tax-Xagħra tal-Kurunell; ftit ‘il bogħod għad hemm xi siġar qodma ħafna tal-ballut li huma fdal ieħor ta’ bosk antik. Moħbijin wara dawn is-siġar hemm L-Għerien tal-Imġiebaħ [143], li aktarx kienu abitati fis-sekli l-imgħoddija.

It-Torri mġarraf ta’ Għajn Ħadid

Wied l-Imġiebaħ jintemm f’ramla ħelwa ta’ lewn dehbi li ġġib l-istess isem, u li tinsab f’qala mdaqqsa bejn Ras il-Griebeġ u Il-Ponta s-Sewda [144]. Din ta’ l-aħħar hija t-tarf ta’ qortin għoli u tifred Ir-Ramla tal-Imġiebaħ [145]  li għadna kemm semmejna minn oħra iżgħar (Ir-Ramla ta’ Għajn Ħadid [146]) li għandha nixxiegħa kważi mal-baħar taħt ġabra ta’ siġar xjuħ tal-bruk. Din in-nixxiegħa tat isimha mhux biss lir-ramla, iżda wkoll lill-inħawi kollha ta’ madwarha (Għajn Ħadid [147]) u b’mod partikolari lill-qortin (Ix-Xagħra ta’ Għajn Ħadid [148]), l-irdum ta’ taħtu (L-Irdum ta’ Għajn Ħadid [149]), u l-artijiet aktar ‘il ġewwa (Iċ-Ċens ta’ Għajn Ħadid [150]). Fl-1658 kien inbena l-ewwel fost it-tlettax-il torri tal-Gran Mastru De Redin (It-Torri ta’ Għajn Ħadid) [151] max-xifer ta’ dan il-qortin, iżda llum fadal biss nofsu wara li s-sular ta’ fuq iġġarraf f’terremot li seħħ fl-1856. Il-qortin ġieli jsibuh ukoll bħala Ix-Xagħra tat-Torri. L-inħawi ta’ Għajn Ħadid jintlaħqu minn triq tal-kampanja li tgħaddi minn ħdejn ix-xagħriet Tal-Lembi [152], Iċ-Ċens tal-Merħla [153] u Iċ-Ċens tal-Bir [207] wara li tofroq minn ma’ triq oħra sewwasew quddiem Il-Palazz ta’ Selmun [154]. Dan il-palazz sabiħ inbena fl-1783 u għadu jsaltan fuq l-inħawi ta’ madwaru għalkemm f’dal-każ jidher ċar li l-palazz ha ismu mill-post (Selmun [155]) u mhux il-kontra. Il-Bir tal-Ħnejja [156] li hemm quddiem il-palazz inbena fl-istess żmien biswit ċikken qadim fejn kienu jinżammu l-bhejjem.

Is-Salini ħdejn il-Blata l-Bajda

Jekk nerġħu lura lejn Għajn Ħadid u nkomplu mexjin lejn il-lvant, l-irdum isir aktar imfellel u għalhekk igħidulu It-Taqtigħat [157]. Taħtu tinsab id-daħla ċkejkna u ċagħqija Ta’ Rumini [158], marsusa bejnu u l-art għal kollox differenti f’Tal-Blata [159], ġaladarba hawn tinsab qasma oħra ġeoloġika qawwija. F’Tal-Blata ma narawx aktar blat imqaċċat, u minn taħt it-tafal jixref is-saff tal-franka; dan jibqa’ ħiereġ ‘il barra fuq il-baħar bħala ponta rqiqa (Il-Blata l-Bajda [160], jew Il-Blata) li tat isimha lill-inħawi. Din il-ras tkompli wkoll taħt wiċċ l-ilma bħala sikka kemmxejn twila –Is-Sikka tal-Blata [161]. Għall-irdoss tagħha hemm Bugazzin [162], daħla żgħira fil-baħar, iżda ma nafx aktar dwar mnejn seta’ ġie dan l-isem. Billi fuq ix-xatt baxx tal-franka madwar il-Blata kienu saru għadd ta’ salini għall-produzzjoni tal-melħ, isibuh bħala Is-Salini [163].

It-Trunċiera (batterija) tal-Mistra

Matulu jinsabu wkoll żewġ ħnejjiet naturali żgħar; waħda minnhom qiegħda taħt il-baħar iżda tintlaħaq bin-nifs minn ġo toqba (blowhole) max-xatt, filwaqt li l-oħra tidher sew quddiem wieħed miż-żewġ għerien żgħar li hemm bi dritt Il-Gżejjer. Hawnhekk jitfaċċa xaqq ġeoloġiku ieħor ħdejn Il-Ħerrieqa  [164] (l-eqreb ras lejn il-Gżejjer) li jerġa’ jibdel l-għamla tax-xatt: igħib ix-xatt tal-franka u jibda Rdum il-Bies [165], sies wieqaf magħmul għal kollox mill-blat tal-qawwi. Għall-ħabta ta’ Żmien il-Gwerra, kienet inbniet posta tal-għassa (It-Trunċiera [166]) fuq il-Ħerrieqa. Kienet tħaffret ukoll spiera li mix-xagħri ta’ fuq Irdum il-Bies tinżel għal ġo fetħa fis-sies, sewwasew fejn jinsabu sitt għerien mal-baħar, wieħed minnhom pjuttost kbir u msejjaħ L-Għar ta’ Rdum il-Bies [167]. U, fuq kollox, kienet inbniet Il-Fortizza ta’ Selmun [168] (jew Il-Fortizza ta’ Campbell) fil-quċċata strateġika tax-Xagħra tal-Bur tal-Ħarruba [208] li tħares għal fuq ix-xtut kollha ta’ bejn Għajn Ħadid u l-Mistra, fejn diġà kien jinsab Ir-Razzett tal-Blata [169].  Minn bejn din il-fortizza u Rdum il-Bies tgħaddi l-istess qasma ġeoloġika li semmejna ftit ilu, u hekk ħolqot art baxxa bejn żewġ għoljiet li tfakkrek ftit fil-forma ta’ sarġ (saddle) tant li jsibuha bħala Is-Sarġ [170] jew Tas-Sarġ. Minn hawn ‘il quddiem, Rdum il-Bies jieħu l-forma ta’ daħla kennija u s-sies iċedi postu għal irdum daqstant ieħor wieqaf iżda b’ħafna blat imqaċċat taħtu. Hawnhekk jilħaq ukoll l-ogħla quċċata tiegħu, f’Ġebel it-Tork [171], iżda wara ftit jitbaxxa għal kollox u jinżel kważi sal-livell tal-baħar fil-ponta dejqa ta’ Ras il-Miġnuna [172]; f’nofs it-triq (maġenb posta oħra ta’ Żmien il-Gwerra) hemm minżel li jwassal għal passaġġ qalb it-tirxien ta’ taħt l-irdum. Ras il-Miġnuna għandha għamla ta’ qarn imdawwar lejn il-grigal, u flimkien max-xtut ta’ madwarha (Tal-Miġnuna [173]) ħadet isimha mill-ħsejjes tal-mewġ li jħabbat fl-għerien li hemm qribha. Hemm mill-inqas tliet għerien żgħar madwar Ras il-Miġnuna nnifisha (u kultant aktar ma jkunu żgħar aktar jagħmlu storbju!), u erba’ oħra aktar fondi taħt Ix-Xagħra tat-Trunċiera [174] li tinsab ftit passi ‘l bogħod. Jekk fhimt sew, dawn huma l-għerien li Borg jidentifika bħala L-Għar ta’ Bazzu [175], L-Għar ta’ Marozz [176], L-Għar tal-Furbani [177] u L-Għar ta’ San Pawl [178], filwaqt li Aquilina jsemmi Il-Ħalq tal-Klieb [179]. Ix-Xagħra tat-Trunċiera ħadet isimha mit-Trunċiera tal-Mistra [180] (jew It-Trunċiera għad-dritt), batterija li kienet inbniet għall-ħabta ta’ l-1716 mill-Kavallieri u armata bil-kanuni; aktar ‘il ġewwa lejn moll li hemm fil-qrib kienu semmewli wkoll post li jsibuh bħala Il-Gardjola [181]. Hemm imbagħad L-Għar ta’ Ġebel it-Tork [182], mal-ġenb ta’ l-għolja li ġġib l-istess isem.

Il-Bajja u l-Wied tal-Mistra

Ġebel it-Tork u x-Xagħra tat-Trunċiera (b’Ras il-Miġnuna b’kollox) huma parti minn promontorju maħruġ għal fuq il-baħar (Qortin Simber [209]) li jifred lil Irdum il-Bies mill-Qala tal-Mistra [183] (jew kif jafuha ħafna, Il-Mistra). Din id-daħla tonda b’ramla dejqa fuq ġewwa tinsab f’ħalq wied twil (Wied il-Mistra [184]) u hija tassew pittoreska, imdawra kif inhi bl-għelieqi mtarrġin tal-Bajjâd [185], Il-Ħbula l-Bojod [186], u dawk aktar watja tal-Wilġa jew L-Ulieġi [188] (din ta’ l-aħħar hija plural ieħor ta’ “wilġa”, użata minflok il-forma aktar komuni “wileġ”). L-ewwel żewġ ismijiet għandhom x’jaqsmu mal-ħamrija ta’ lewn ċar li naraw madwar il-Mistra, u l-istess nistgħu ngħidu għall-Isqaq tal-Bajjâd [191] li jinżel dritt u wieqaf mill-artijiet għoljin taċ-Ċens [210] (wara l-kappella l-ġdida ta’ Selmun) u dawk tal-Ġnien [211] (eżatt taħthom). L-artijiet tas-Sarġ, Il-Bur (jew Il-Bur tal-Ħarruba [187]), Il-Ġdida [189] u Ix-Xifer [190] jinsabu aktar ‘il fuq, u x-Xifer jirreferi għat-tarf tax-Xagħra ta’ Selmun [192] li ddawwar il-palazz. Ir-raba’ ta’ taħtu huwa magħmul minn ħbula dojoq għall-aħħar, fosthom Il-Ħabel ta’ Demel [212], Ir-Ranċis [213], u Id-Dukkiena [214]. U skont Jaccarini, f’dawn l-inħawi hemm ukoll xi mġiebaħ integrati fl-istruttura ta’ uħud mill-ħitan tas-sejjiegħ ħoxnin, fl-artijiet ta’ Taħt il-Ħanin, Ta’ Kullatu u Taħt il-Palazz li ma rnexxilix insib fejn jinsabu eżatt (għalkemm wieħed mill-ismijiet jagħtina xi ħjiel żgħir). Minn ħdejn il-kappella jinżel ukoll Wied Għarbiel [193], wied tant baxx li bilkemm tinduna bih kieku ma kienx għas-sinjali ta’ tagħwir li jħalli warajh l-ilma jċarċar għan-niżla lejn Wied il-Mistra. L-għelieqi ta’ madwaru jġibu ismu (Iċ-Ċens ta’ Wied Għarbiel [194]), filwaqt li dawk ta’ taħtu jsibuhom bħala L-Imgħalaq [195] jew Il-Magħlaq. F’xi mapep uffiċċjali dan l-isem safa mdawwar f’”L-Imgħallaq”, iżda dan huwa biss żball għax hawnhekk kulma hawn artijiet magħluqin bil-ħitan tas-sejjiegħ u mhux nies imdendlin minn għonqhom! Ħdejn il-fdal ta’ barriera żdingata fl-Imgħalaq kien hemm għar li dari kien jintuża bħala maqjel, b’sienja miegħu. Aktar ‘il ġewwa fejn tilwi t-telgħa tal-Mellieħa hemm ukoll l-artijiet magħrufin bħala Il-Forn [196]. Il-ġenb l-ieħor ta’ Wied il-Mistra (fejn xi mapep jindikaw Il-Kalkara [215]) huwa aktar wieqaf u ftit huma l-għelieqi mtarrġin li jifirdu qiegħ il-wied mix-Xagħra tal-Qortin [197] (jew Tal-Qortin) li tinsab aktar fil-għoli. Dan l-isem jagħti deskrizzjoni xierqa tal-post, ġaladarba din hija xagħra mikxufa mperrċa fuq promontorju li jġib il-Qala tal-Mistra taħtu. Max-xifer tal-qortin (f’post indikat bħala Stoppin [216]) għadha tidher sal-lum il-ġerħa li ħalliet waħda mill-barrieri li kien hawn madwar il-Mistra għall-ħabta ta’ l-1900 meta kien qed jinqata’ l-blat biex jinbena l-ilqugħ li jħares il-Port il-Kbir mill-maltemp. Ix-xagħra taqta’ ħesrem lejn il-lvant, u l-għoli tagħha jidher sew bħala faċċata ta’ rdum li fil-mapep huwa mmarkat bħala Rdum Irxaw [198].  Mill-ħjiel li ġbart mingħand xi Melliħin, donnu li dan l-isem aktar jintuża għall-parti l-ġewwenija tal-irdum (fejn hemm l-artijiet taflin magħrufin bħala Ta’ Rxaw [199], jew Ta’ Rdum Irxaw, inkella Ta’ Għar Fekruna) milli għall-biċċa li tmiss mal-Mistra peress li din isibuha bħala L-Irdum ta’ Coleiro [200]. Dan tal-aħħar għandu bixra pjuttost salvaġġa u mimli blat imqaċċat. Sa ftit ilu kien jintlaħaq minn ġo kamra max-xifer bi slielem għoljin tal-ħadid li jagħtu għal isfel; din kienet tgħaqqad stabbiliment tal-BP (li għad hemm il-fdal ikrah tiegħu fuq ix-xagħra) mal-katusi tiegħu li jibqgħu ħerġin għal ma’ qiegħ il-baħar. Il-bqija tal-irdum isibuha bħala Rdum Stoppin [201], isem li fil-mapep jidher imċaqlaq aktar lejn ix-Xemxija, aktarx bi żball għax ma jaqbilx mal-għamla tal-art t’hemm. Aktar ‘il ġewwa tinsab Daħlet il-Fekruna [202] (jew Dar il-Fekruna), qala tassew ħelwa magħluqa bejn l-irdum u ras dejqa (Il-Ponta tal-Fekruna [203] jew Ras Irxaw) li tifridha mill-moll tax-Xemxija fejn sas-snin tmenin ġieli kien jitrakka l-vapur t’Għawdex meta l-maltemp kien ikun jaqbel wisq fiċ-Ċirkewwa. Fuq ġewwa tal-ponta hemm għar żgħir mal-baħar (Għar Fekruna [204]), u bi drittu man-naħa taflija ta’ Rdum Stoppin jidher li kien hemm nixxiegħa bl-istess isem (Għajn Fekruna [205]). Minn hawn ‘il quddiem jibda l-bini tax-Xemxija.

Il-Gżejjer ta’ San Pawl

Il-Gżejjer

Fil-limiti tal-Mellieħa tinsab ukoll gżira tawwalija, b’għamla partikolari li tixbaħ lil żewġ skollijiet kbar b’għonq dejjaq ta’ blat baxx li jgħaqqadhom. Għaldaqstant hija magħrufa l-aktar bħala Il-Gżejjer [217], u f’xi mapep saħansitra tintwera b’mod żbaljat bħala żewġ blatiet mifrudin minn xulxin. Jidher li ż-żewġ nofsijiet kellhom l-ismijiet tagħhom: il-“gżira” l-għolja (ta’ ġewwa) kienet tissejjaħ Selmun [218] filwaqt li l-oħra aktar baxxa li tinsab ‘il barra  minnha kienet tissejjaħ Selmunett [219]. Iżda mbagħad xi dokumenti u mapep oħra jħawdu xi ftit il-borma billi jużaw l-ismijiet Il-Gżejjer ta’ Selmun, L-Iskoll ta’ Selmun jew Selmunett biex jirreferu għalihom it-tnejn magħdudin flimkien. U peress li l-isem Selmun jintuża wkoll għax-xaqliba tal-Mellieħa li tħares lejhom, lanqas mhu ċar għal kollox jekk kinux il-Gżejjer li ħadu isimhom mill-artijiet ta’ madwarhom jew inkella ġarax il-kontra bħalma naraw fil-każ tal-Ġżira u “Manoel Island”. L-isem “Selmun” (u miegħu “Selmunett”) huwa taħsira ta’ Salomone, il-kunjom tas-sidien ta’ l-imgħoddi, u dan id-dettall donnu jaqbel mal-ismijiet Taljanizzati li jidhru f’ħafna mapep qodma (Isola Salomone, Isola Salomonetto, eċċ.).

L-istatwa ta’ San Pawl fuq il-gżejjer

Ta’ min isemmi li aktar tard fi Żmien il-Kavallieri, il-Gżejjer għamlu żmien jissejħu Tal-Barba Marku, wara li fl-1576 kienu ngħataw lil ċertu baħħâr Marco de Maria b’rikonoxximent għall-ħila li kien wera meta kien qed jaħrab minn xi furbani Torok. Jingħad li hekk kif dawn kienu waslu biex jilħquh, idderieġa l-bastiment tiegħu għal ġol-fliegu baxx li jifred Il-Gżejjer minn Malta, appuntu msejjaħ Bejn il-Gżejjer [220]. Meta wasal f’baħar qasir, l-ewwel ċaqlaq l-ekwipaġġ kollu lura sabiex b’hekk tintrafa’ l-pruwa u ma tiħux il-qiegħ, imbagħad qaleb kollox bil-kontra sabiex ma tinkaljax il-poppa. Irnexxielu jgħaddi bl-eżatt, filwaqt li t-Torok ma kinux daqstant midħla tal-post u ma qagħdux attenti biżżejjed għall-pixka baxxa, u b’hekk baqgħu mwaħħlin hemm. La qed nitħaddtu dwar Il-Gżejjer, ma nistgħux ma nsemmux it-tradizzjonijiet popolari dwar in-nawfraġju ta’ San Pawl. Ftit li xejn hemm qbil dwar fejn tassew seħħet din il-ġrajja, u hemm teorija tista’ tgħid għal kull fejn instabet xi ankra Rumana f’qiegħ il-baħar jew fejn l-għamla tax-xatt taqbel ftit jew wisq mad-deskrizzjoni mogħtija fl-Atti ta’ l-Appostli. Min jinsisti li l-ġifen inkalja fl-Iskoll li jinsab ftit ‘il barra mir-Ramla tal-Mellieħa, min jipponta lejn Ras il-Qawra jew Ras il-Għallis, min jisħaq fuq L-Iskoll tal-Għażżenin f’San Pawl il-Baħar (kultant anke b’tifsiriet kemmxejn imġebbdin dwar it-tnissil ta’ l-isem tal-post direttament mill-Grieg), min iżeffen lil Ras il-Miġnuna, u min saħansitra jgħid li l-ġifen lanqas biss resaq lejn Malta. Insomma, jidher li fis-Seklu XIX, l-aktar teorija rikonoxxuta kienet tqis Il-Gżejjer bħala l-post tan-nawfraġju, tant li fl-1845 inbniet l-istatwa kbira ta’ San Pawl tal-Gżejjer [221] fil-quċċata tal-“gżira” l-kbira; minn dakinhar ‘il hawn anke l-gżira nnifisha saru jsejħulha Il-Gżejjer ta’ San Pawl. B’kollox, Il-Gżejjer għandhom tul ta’ ftit inqas minn 900 metru meta mkejlin mix-xifer li jagħti għal fuq il-fliegu ta’ Bejn il-Gżejjer sal-ponta baxxa ta’ Ras il-Gżejjer [222]  li tibqa’ ħierġa ‘l barra lejn il-grieg il-lvant bħala sikka taħt wiċċ il-baħar. Bejn wieħed u ieħor fin-nofs jinsab l-għonq ta’ blat li jorbot iż-żewġ partijiet tal-gżira u jkennen il-qala ħelwa ta’ bejniethom, magħrufa bħala Is-Sillat [223] jew Is-Sillat tal-Gżejjer.

Il-Fdalijiet tar-razzett fuq il-gżejjer

Fl-aktar rokna kennija ta’ din id-daħla hemm xtajta ċkejkna ċagħqija, filwaqt eżatt faċċata tagħha (maqtugħa fil-blat man-naħa tal-“gżira” l-baxxa) għadha tidher menqa ċkejkna li tesa’ dgħajsa waħda biss, bi skal qadim maġenbha. Il-bqija tax-xtut tal-Gżejjer huma weqfin u jogħlew bosta sulari ‘l fuq minn wiċċ il-baħar qrib l-istatwa ta’ San Pawl, għalkemm imbagħad jitbaxxew aktar ma tersaq lejn Ras il-Gżejjer. F’dawn is-sisien hemm ukoll sensiela ta’ għerien żgħar, kif ukoll il-fdalijiet ta’ ieħor akbar (illum sfrundat) li kienu jsejħulu L-Għar tal-Gżejjer [224] u tliet mini naturali żgħar li l-isbaħ waħda fosthom tinsab ftit passi biss ‘il bogħod mis-Sillat. Taħt l-istatwa ta’ San Pawl tispikka wkoll qasma ġeoloġika, fejn il-blat tal-qawwi jieqaf ħesrem f’sies lixx inċanat u minfloku tixref l-unika biċċa tafal li tinsab fil-Gżejjer; maqrusa taħthom hemm ukoll daħla ċkejkna b’ċagħqija mrekkna fiha. L-istess qasma (fault) tidher anke fuq in-naħa l-oħra tal-fliegu, f’ġenb il-Ħerrieqa. Għalkemm illum Il-Gżejjer huma diżabitati, għadu jidher il-fdal ta’ razzett qadim biswit l-istatwa. Kien magħmul minn żewġt ikmamar imdaqqsin fuq xulxin u sa xi għoxrin sena ilu kien għadu kważi sħiħ, iżda minn dakinhar ‘l hawn tħalla jiġġarraf kważi għal kollox minħabba t-telqa u l-vandaliżmu li ħakmuh. X’ħasra! Madwar dan ir-razzett naraw ukoll ħjiel tal-ħajja tal-imgħoddi fuq il-gżira: ħitan tas-sejjiegħ li kienu jdawru għelieqi b’ħamrija baxxa, bir (sewwasew nofs triq mir-razzett lejn Bejn il-Gżejjer), għar żgħir li kien jintuża bħala maqjel, u barriera ċkejkna li tittawwal għal fuq Bejn il-Gżejjer. Donnu li sas-seklu l-ieħor ir-raba’ kien jinħadem, u hemm rakkonti dwar raħħâla li kienu jaqsmu l-fliegu minn Malta bil-merħla tagħhom (bl-għawm!) biex jieħdu l-bhejjem jirgħu fuq Il-Gżejjer. Qrib l-egħlieqi hemm ukoll roqgħa magħrufa bħala It-Toqba l-Ħamra [225], li mid-dehra kienet imfittxija għall-kaċċa tal-fniek li kienu jiġġerrew fuq il-gżira.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri