Din hi t-tielet parti  minn artiklu twil miktub minn Alex Camilleri li kien deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 35, Vol. 9 Nru 4, 2011. L-Artiklu jifforma parti minn sensiela li l-awtur kiteb dwar it-toponomastika ta’ Malta. In-numri wara l-ismijiet tal-postijiet jindikaw il-pożizzjoni tagħhom fuq il-mappa. L-Ixbihat huma minn Google Maps. 

Il-Mellieħa

Dan ir-raħal għandu storja twila marbuta mal-Madonna tal-Mellieħa (81), li huwa fost l-aktar santwarji meqjuma fil-Gżejjer Maltin. Il-knisja nnifisha hija antika ferm u nofsha maqtugħa fil-blat, għalkemm aktar tard (fis-Sekli XVI-XIX) tkabbret u nbnewlha wkoll kampnar, misraħ b’xi loġoġ u kmamar għall-pellegrini, u rixtellu monumentali. Ir-raħal kif nafuh illum dam ma ħa r-ruħ minħabba li kien maħkum wisq mill-furbani, u għaldaqstant beda jiżviluppa biss għall-ħabta ta’ l-1840 meta reġa’ sar parroċċa u ftit wara nbnietlu l-knisja parrokkjali ġdida tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mis-santwarju. Iċ-ċentru l-qadim kiber bil-mod fuq l-istess qortin fejn inbniet il-knisja, jiġifieri dak maqrus bejn Il-Wied ta’ Ġnien Ingraw u l-Wied ta’ Santa Marija (82) (li ġieli jsejħulu wkoll Il-Wied tal-Mellieħa, Il-Wied tal-Madonna, jew Il-Wied ta’ Ruman), u minn hemm kompla jinfirex lejn Ta’ Snajjin (83) (qrib Is-Salib tal-Pellegrini (84) u l-mitħna l-qadima ta’ ħdejh) u lejn Il-Fortizza tal-Mellieħa (85) (jew Il-Fortizza tas-Salib) li kienet inbniet bħala stabbiliment militari mill-Ingliżi fuq l-ogħla quċċata tax-Xagħra tal-Mellieħa (86). Ħafna mill-bini (inkluża l-istess knisja) nbena mhux bil-knaten tal-franka bħal fi rħula oħra iżda b’ġebel maqtugħ minn saff artab tal-qawwi ta’ fuq, u b’hekk ta karattru partikolari lill-qalba tar-raħal. Ħdejn l-Armier għadha tidher Il-Barriera tal-Knisja (jew Il-Barriera tal-Aħrax) li tlaqqmet hekk minħabba din il-ġrajja.

L-Għar tal-Madonna

Fost l-irkejjen interessanti tal-Wied ta’ Ruman hemm L-Għar tal-Madonna (87) (jew L-Għar ta’ l-Ilma), kappella ġo għar li tintlaħaq minn taraġ wieqaf bi dritt is-Santwarju; ismu miegħu għax fih nixxiegħa qrib l-istatwa tal-Madonna tal-Għar). Aktar ‘l isfel ħdejn Ta’ Skrajda (88) (taħt it-tisripa tat-triq il-qadima li tagħti għall-Għadira) hemm L-Għajn tal-Mellieħa (89), għajn tal-ħasselin li ġiet irrestawrata fis-snin disgħin. Fil-għoli faċċata tagħha tispikka L-Għarukaża (90) (jew L-Għarkaża), isimha magħha għax kienet dar ġo għar qabel ma ntelqet fl-aħħar ftit snin. Taħtha hemm ukoll sitt għerien oħra aktar moħbijin mal-ġenb wieqaf tal-wied. Minħabba statwa kbira ta’ San Pawl li tinsab fil-quċċata ta’ blata għolja ħdejha, L-Għarukaża hemm min isejħilha Għar San Pawl jew Id-Dar ta’ San Pawl; l-artijiet ta’ fuqha kienu jsibuhom bħala Fuq San Pawl (91) jew Tat-Tramblett.

Mis-snin sittin ‘il hawn il-Mellieħa kibret f’daqqa. Ir-raħal innifsu nfirex qabel xejn lejn in-nofsinhar għal fuq Tas-Salib (93), Ta’ Masrija (94) u lejn ix-xlokk għal fuq Ta’ Pennellu, fejn dari kien hemm ċikken kbir imsejjaħ Ta’ Peswella (95) li fih kienu jinżammu l-imrieħel tal-bhejjem (bejn wieħed u ieħor fejn illum hemm il-ground tal-football). Il-bini xtered saħansitra aktar malajr lejn il-lvant għal Fuq San Pawl u għal matul it-triq il-kbira sa fejn jinsabu l-artijiet Tal-Braġ (96) (jew L-Ibraġ) kważi mad-daħla ta’ Selmun. Minn mat-triq, il-bini kompla nfirex lejn it-tramuntana sa ma bela’ għal kollox l-artijiet estensivi tax-Xagħra ta’ Barra (97) (isimha magħha ġaladarba kienet tinsab int u tħalli l-Mellieħa) u l-Qortin ta’ Għajn Żejtuna (98). Magħhom inbnew ukoll l-artijiet Taz-Zoppa (99) u Ta’ Ċangulin (100) (fejn kien jinsab razzett qadim imwaqqa’) li jinsabu bejniethom. Sitwazzjoni kemmxejn tal-biki nsibuha f’Għajn Żejtuna (101), fejn dak li sas-snin sittin kien għadu l-akbar u l-isbaħ fost il-widien tal-Mellieħa ingħata kollu kemm hu għall-kostruzzjoni ta’ vilel u toroq bla ma ngħata l-iċken kas imqar tal-miġra tal-wied jew ta’ l-irdumijiet li jkennuh, biex floku llum hemm il-kruha u t-tħarbit ta’ “Santa Marija Estate”.

L-Għarukaża

Il-Wied ta’ Għajn Żejtuna (102) huwa wied twil, wiesa’ u tafli li minn Fuq il-Qigħan (103) jibqa’ nieżel direttament għal ġol-baħar, fejn jifforma daħla ċkejkna ċagħkija li ġġib l-istess isem (Ir-Ramla ta’ Għajn Żejtuna (104)). Ismu jidher li ġej minn xi siġar taż-żebbuġ, li bil-Malti qadim kienu jissejħu wkoll “żejtun”, u fuq kollox jindika għajn ta’ ilma ġieri. Fil-fatt, għallinqas sa ftit snin ilu, dan il-wied kien fih mill-inqas żewġ nixxigħat, L-Għajn ta’ Fuq (105) li tinsab taħt il-Qortin ta’ Ġħajn Żejtuna u L-Għajn t’Isfel (106) li tgelgel minn mal-ġenb ta’ kisra fonda f’qiegħ il-wied li jsejħulha L-Għonq (107) (ismu miegħu ġaladarba jiftaħ għal ġo parti usa’ u aktar fonda tal-wied, bħal għonq ta’ flixkun). Għaldaqstant, parti mill-qiegħ tiegħu iżżomm l-ilma matul is-sena kollha u matulha kellha xi raba’ saqwi li minnu tista’ tgħid għad fadal biss irqajja’ żgħar bħall-Ħabel it-Twil (108). Fi triqtu, il-wied jgħaddi minn bejn żewġ qraten kbar u għoljin (Il-Qortin (92) jew Fuq San Pawl; u l-Qortin ta’ Għajn Żejtuna) li jittawlu għal fuqu minn fuq irdumijiet ftit jew wisq għoljin, b’xi għerien fil-għoli u xi blat imqaċċat li waqa’ għal fuq it-tafal. Fl-irdum man-naħa tal-punent hemm għar kbir (L-Għar tal-Bajjadan (109)) u għar ieħor iżgħar nofsu magħluq b’ħajt antik tas-sejjiegħ; dawn jinsabu qrib ħafna tal-Ħarq (110), xaqq fond li jifred il-faċċata tal-irdum minn blata dejqa m’ogħla bosta sulari li tqaċċtet qisha galletta minn miegħu. Nistagħġeb kif issib min jitħajjar jibni daru fuq it-tafal bi blata bħal din tistrieħ ma’ djulu! Aktar ‘il ġewwa fejn l-irdum għoli jiġi fix-xejn, għad fadal miġbħa qadima ġo għar żgħir qrib tat-triq li sserrep lura ‘l isfel lejn il-wied. L-irdum man-naħa tal-lvant, jiġifieri taħt il-Qortin ta’ Għajn Żejtuna, igħidulu Ix-Xerrieqa (111), u anke dan huwa mhedded mill-bini dejjem riesaq għal fuqu. Fuq ix-xaqliba ta’ man-nofsinhar tal-qortin, l-irdum jitbaxxa u jidħol ‘il ġewwa lejn fergħa baxxa tal-Wied ta’ Għajn Żejtuna fejn jinsabu L-Għerien (112) (isimhom magħhom) li dari kienu abitati. Anke dan il-ħjiel ta’ wied messitu l-istess xorti bħall-bqija ta’ l-inħawi, u l-għerien infushom s’issa ħelsuha bi żbrixx imma tilfu nofs il-preġju tagħhom billi jinsabu kalzrati f’feles art imdawwar bill-bini minn kullimkien. L-irdum idur madwar il-qortin man-naħa li tħares lejn l-Aħrax ukoll, fejn jispikka L-Għar tat-Tramuntana (113), għar kbir u ismu miegħu. Taħtu, il-bini kompla ħonoq l-artijiet immejlin ta’ L-Imxaxa (114) (aktarx plural ta’ moxa, għalkemm ma sibthiex fid-dizzjunarju) u saħansitra naqqar nofs il-wied li jagħlaq il-Qortin ta’ Għajn Żejtuna mill-lvant. Isem dan il-wied (Wied Ballut (115)) jagħtik x’tifhem li l-bosk żgħir li għadu jeżisti mhux wisq ‘il bogħod f’Wied l-Imġiebaħ aktarx kien iwassal s’hawn fl-imgħoddi qabel ma nqered mill-id tal-bniedem. Ma’ xatt il-baħar f’Taħt l-Imxaxa (116), bejn il-bokka ta’ dan il-wied u dik tal-Wied ta’ Għajn Żejtuna, hemm roqgħa msejħa Il-Ġebliet (117) u skond xi arkeoloġi l-ġabra ta’ ħaġar li tatha isimha mhi xejn inqas mill-fdal ta’ tempju megalitiku.

It-Trunċiera

Il-bini bl-addoċċ kerrah ukoll mhux ftit l-ambjent f’Tas-Sellum (118) (jew Is-Sellum, fil-parti t’isfel tal-Wied ta’ Ruman) fejn saħansitra kien beda jitnaqqar il-ġenb tal-irdum bl-inġenji biex jagħmel il-wisa’ għal aktar appartamenti. Fit-toponomastika Maltija, il-kelma “sellum” tindika sensiela ta’ għelieqi mtarrġin fuq art kemmxejn wieqfa ma’ ġenb ta’ għolja, bħalma tabilħaqq kont tara hawn qabel ma daħlu l-gafef. Taħt tas-Sellum, jiġifieri matul ix-xtut baxxi tat-Tunnara (119), Ta’ Gerbulin (120) (fejn hemm għar żgħir sfrundat mal-baħar) u Tal-Ġrieden (121) li minn tarf ir-Ramla tal-Mellieħa jaslu sar-Ramla ta’ Għajn Żejtuna, il-bini resaq sa mal-baħar għajr għal żigarella dejqa ta’ blat maqrusa bejn it-tul tat-triq u wiċċ l-ilma. Tista’ tgħid li l-uniku spazju li għad fadallu x’tara matul din il-kosta mħarbta hija Ix-Xagħra tat-Tunnara (122), roqgħa żgħira ta’ blat li tinsab madwar It-Trunċiera (123) (jew It-Trunċiera tal-Mellieħa). Din il-batterija kienet saret fl-1716 biex tħares ix-xtut mill-iżbark tal-għadu, iżda mbagħad għamlet żmien twil tintuża bħala maħżen għat-tagħmir tat-tunnara, u dan l-aħħar infetħet bħala mużew dwar dan il-metodu ta’ sajd għat-tonn li kien fost it-tradizzjonijiet l-aktar famużi tal-Mellieħa. Il-ħjiel ta’ nofs ċirku fejn kienu jintramaw il-kanuni għadu jidher maqtugħ fil-blat ta’ madwar il-kamra qadima tat-Trunċiera, sewwasew fuq għar żgħir fil-baħar (L-Għar tat-Trunċiera (124)) u r-rokna żgħira bir-ramel u ċ-ċagħaq (Iċ-Ċagħqija (125)) ta’ biswitu.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri