Din hi t-tieni  parti  minn artiklu twil miktub minn Alex Camilleri li kien deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 35, Vol. 9 Nru 4, 2011. L-Artiklu jifforma parti minn sensiela li l-awtur kiteb dwar it-toponomastika ta’ Malta. In-numri wara l-ismijiet tal-postijiet jindikaw il-pożizzjoni tagħhom fuq il-mappa. L-Ixbihat huma minn Google Maps. 

L-irdumijiet tal-punent

Ras il-Prajjet

Hekk kif tħalli ċ-Ċumnija, ix-xatt jogħla u l-ġenb wieqaf tal-Gudja jagħti għal fuq il-baħar bħala rdum għoli b’xi tirxien u tifrik tal-blat taħtu; dawn jintlaħqu minn ġo kunsentura mal-faċċata tal-irdum li sservi bħala minżel. Iżda hawnhekk wieħed irid joqgħod attent meta jkun qed jittarraf jew jixxabbat, għax il-blat ta’ dan L-Irdum l-Ikrah (37) jitfarrak mix-xejn. Madwar għoxrin sena ilu, niftakar lil ħabib tiegħi jaqa’ m’ogħla żewġ sulari wara li tqaċċat bih xifer ta’ blata x’imkien taħt il-minżel li semmejt. Ġietu tajba għax ħelisha ħafif, iżda xorta weġġa’ sew u ħadna battikata ġmielha biex tellajnieh lura ‘l fuq. X’aktarx li isem l-irdum għandu x’jaqsam man-natura perikoluża tiegħu pjuttost milli ma’ nuqqas ta’ sbuħija. Ftit ‘il bogħod, mill-Irdum l-Ikrah toħroġ ‘il barra Ras in-Niexfa (38), ponta għolja u rqieqa (isimha magħha) li mhix wisq inqas perikoluża biex tixxabbat magħha, tant li anke hawn smajt li kien hemm min iċċaqlaq xi blat bih. Il-veduta panoramika mill-inħawi ta’ Ras il-Qammieħ u t-Torri l-Aħmar għal fuq l-Irdum l-Ikrah, Ras in-Niexfa u l-irdumijiet ta’ warajhom hija tassew sabiħa u tidher spiss fil-pubblikazzjonijiet turistiċi. Xi mapep u kitbiet qodma jgħidulna wkoll li x’imkien ‘l hawn (aktarx lejn iċ-Ċumnija) hemm ukoll Irdum Stas, iżda dan ma rnexxilix insib eżatt fejn huwa, u forsi mhux għajr isem ieħor għall-Irdum l-Ikrah. Hekk kif iddur ma’ Ras in-Niexfa, l-irdum jersaq lura ħesrem lejn il-lvant u jibdel ismu għal Irdum l-Ixquq (39), isem li f’kitbiet u mapep qodma narawh miktub bħala “Rdum l-Ixqaq”, “Irdum Xaqqa” u diversi tagħwiġiet tagħhom. Dan l-irdum ikennen taħtu daħla tawwalija ta’ baħar b’ramla ċkejkna fuq ġewwanett. Din jisimha Il-Prajjet (40) (diminuttiv ta’ “port”) jew Il-Għant (minħabba l-forma tawwalija tagħha qisha għant ta’ sikkina jew xabla), għalkemm donnu li l-Melliħin aktar jirreferu għad-daħla bl-istess isem ta’ l-irdum (Ix-Xquq)(41). Dwar il-kelma “Prajjet”, ta’ min igħid li d-dizzjunarju t’Aquilina jipprova jagħti tifsira abbażi tal-kelma Taljana “prato”, iżda jidher li din hija żbaljata. Interessanti wkoll li din hija waħda mill-ftit bajjiet imdaqqsin li ma ffurmatx bħala bokka ta’ wied, u fil-fatt m’għandha ebda wied naturali li jagħti għaliha; hawnhekk l-elementi wessgħu t-tarf tal-qasma geoloġika li tifred il-Bisqra minn Qasam Barrani. Għall-istess raġuni, iż-żewġ ġnub tal-bajja huma differenti minn xulxin għax filwaqt li l-art ta’ taħt Irdum l-Ixquq hija taflija u miksija b’tirxien kbar li waqgħu għal isfel, il-ġenb l-ieħor huwa sies wieqaf li jaqta’ dritt għal ġol-baħar. Dan is-sies ġie sfigurat għal kollox fis-sebgħinijiet meta, biex inħadem il-film “Popeye”, inbena moll kbir u ċċarrtet biċċa sew mis-sies biex tgħaddi triq dritta għal isfel. Anke l-bajja tilfet nofs il-bixra naturali tagħha, peress li l-istrutturi u l-binjiet supppost temporanji li kienu saru għal waqt il-ħdim tal-film mhux biss baqgħu ma tneħħew qatt minn fuq il-post, anzi saru aktar interventi li xejn ma jaqblu mal-ambjent ta’ madwarhom.

it-Torri ta’ Ciantar (jew it-torri ta’ Għajn Żnuber)

Rdum id-Delli u X-Xagħra l-Ħamra

Is-sies li għadna kemm semmejna jispiċċa f’ponta dejqa magħrufa bħala Ras il-Prajjet (42) jew Il-Ponta ta’ Bunaħħâla (43). Din hija waħda mit-tliet ponot li joħorġu mit-tarf tal-qortin wiesa’ ta’ Bunaħħâla, li jisporġi minn ħdejn l-aktar tarf imbiegħed ta’ Qasam Barrani għal fuq il-baħar miftuħ. Dan l-isem narawh f’għadd ta’ mapep qodma (normalment f’xi forma Taljanizzata bħal “Buno Cala”, “Bunochala”, eċċ.) u għadu ħaj fuq fomm in-nies tal-inħawi. Iżda hemm dubju dwar jekk tnissilx minn xi trobbija tan-naħal fl-imgħoddi jew inkella minn xi siġar tal-palm li setgħu kienu jikbru fil-qrib, ġaladarba bl-Għarbi l-palma wkoll jgħidulha “nala” (jiġifieri bil-“ħ” aktar qawwija, bl-ittraخ  minflok l-ittra ح li tixbaħ lill-“ħ” normali tagħna) u jidher li din il-kelma kienet ukoll tintuża fil-Malti semitiku ta’ dari għalkemm illum intilfet. Mad-daqqa t’għajn, it-tagħwiġiet li jidhru fil-mapep jagħtuk x’tifhem li t-tieni tifsira hija dik korretta. Il-qortin għandu ġnub weqfin mad-dawra kollha, u fil-faċċata tiegħu għandu xi erba’ għierien mal-livell tal-baħar. L-akbar wieħed fosthom igħidulu L-Għar ta’ Bunaħħâla (44), u l-istess isem ġieli nsibuh estiż għall-għerien kollha magħdudin flimkien, jiġifieri L-Għerien ta’ Bunaħħâla (45). Eżatt fuq dawn l-għerien, Il-Wied ta’ Rdum (46) iwaddab ilmijietu minn fuq is-sies għal isfel; dan il-wied imdaqqas huwa l-uniku wieħed fost il-widien li jinżlu mill-Mellieħa li jaqleb lejn l-irdumijiet tal-punent. Hawnhekk stess kienet saret il-bokka tad-dranaġġ ta’ Ras il-Prajjet li suppost għandha titneħħa biex b’hekk tibqa’ biss l-oħra akbar li hemm fiċ-Ċumnija. It-tieni ponta li toħroġ minn Bunaħħâla hija matnazza u maqtugħa minn taħt, u isimha (Il-Poppa tal-Ġifen (47)) jixirqilha tassew; max-xifer tagħha kienet inbniet rifle range ta’ Żmien l-Ingliżi. Hemm imbagħad it-tielet ponta (ma nafx x’jgħidulha), minfuda minn tieqa naturali żgħira mal-baħar, li tħares lejn id-daħla mdaqqsa u pittoreska ta’ L-Għawseġ (48). B’xorti tajba, din id-daħla mwarrba għadha mhux mittiefsa, għall-kuntrarju ta’ uħud mill-postijiet fil-qrib li dari kienu daqstant ieħor sbieħ. Hawnhekk għadha tikber kotrana x-xitla xewwikija tal-għawseġ (box thorn bl-Ingliż, jew spina santa bit-Taljan), li hija kemmxejn rari fil-kumplament tal-Gżejjer Maltin. L-istess bħall-Prajjet, din id-daħla għandha sies wieqaf fuq il-ġenb li jmiss ma’ Bunaħħâla mentri minn taħt l-irdum li jdawrilha l-ġnub l-oħra tagħha (Irdum il-Għawseġ (49)) jixref talut tafli b’ħafna tirxien li waqgħu għal fuqu. U propju fejn jiltaqgħu s-sies u l-irdum tinsab ferqa baxxa b’passaġġ dejjaq li jinżel għal isfel minn qalb it-tafal. Id-dizzjunarju ta’ Aquilina l-ewwel isemmi l-kelma “għawseġ” bħala isem ta’ xitla u jindikaha bħala toponimu ta’ post mhux identifikat, imbagħad isemmi separatament lil “Rdum il-Għawseħ” (aktarx żball) bħala post fil-limiti tal-Mellieħa u għalih jagħti spjegazzjoni għal kollox differenti u kemmxejn imqanżħa. Issa wasalna mat-tarf tal-għolja tal-Mellieħa, sewwasew taħt l-artijiet tal-Mansab (50)  (jew Iċ-Ċens tal-Mansab), Ta’ Ciantar (51) u ta’ Għajn Żnuber (52). Dwar tal-aħħar se nitkellmu aktar ‘il quddiem. F’nofs dawn l-artijiet jinsab It-Torri ta’ Ciantar (jew It-Torri ta’ Għajn Żnuber(53)) li jittawwal lura għal fuq l-irdum; jintlaħaq direttament mit-triq li tgħaqqad il-Mellieħa mal-Manikata, sewwasew fejn it-triq tikser f’daqqa qisha minkeb. Mill-ftit ħjiel li sibt, jidher li dan it-torri nbena lejn il-bidu ta’ Żmien l-Ingliżi, iżda daqshekk naf dwaru. Illum jinsab fi stat ħażin, kemm minħabba t-telqa u l-vandaliżmu li ħakmuh matul is-snin, kif ukoll (skond ma jgħidu) minħabba li kien intlaqat minn sajjetta. Skond il-mapep ta’ Żmien il-Kavallieri, x’imkien fil-viċin kien jinsab Censo dei Falconi, aktarx traduzzjoni bit-Taljan ta’ xi toponimu Malti li ma wasalx għandi, sakemm mhuwiex ħaġa waħda maċ-Ċens tal-Mansab.

Ras il-Waħx

Il-Minżel tal-Mejjiesa

Ir-Ramla t’Għajn Tuffieħa

Malli taqbeż l-Għawseġ, l-irdum jieħu bixra ferm aktar salvaġġa kollha blat imqaċċat, tant li hemm fejn tintilef ġo fih. L-ewwel parti jsibuha bħala L-Irdum ta’ Beċċuna(54), u tintlaħaq mix-Xagħra ta’ Għajn Żnuber (55) permezz ta’ taraġ kbir u qadim (Il-Minżel (56)) li kien inbena b’sengħa liema bħalha mal-faċċata ta’ l-irdum fl-imgħoddi. Dan it-taraġ iwassal ukoll għal qala ħelwa li tinsab taħt ir-riħ tal-irdum, hekk kif dan jikser ‘il barra lejn il-punent u jibdel ismu għal l-Irdum id-Delli (57). Dan l-isem ġej mill-fatt li hawnhekk l-irdum iħares lejn it-tramuntana u għaldaqstant jara inqas xemx. Uħud mill-bosta blatiet kbar li waqgħu għal taħt dan l-irdum sabu ruħhom nofshom mgħaddsin taħt l-ilma, u għaldaqstant jidhru bħala skollijiet imdawrin bil-baħar; fost dawn insibu L-Iskoll ta’ l-Għasafar (58) u Dahar il-Ħmar (59). L-Irdum id-Delli huwa l-ġenb ta’ qortin kbir u għoli (Il-Qortin ta’ Għajn Tuffieħa (60)) li jibqa’ ħiereġ ‘il barra sew, sa ma jsib it-tarf tiegħu f’Ras il-Waħx (61). Jidher li din tal-aħħar ħadet isimha mill-fattizzi ta’ blata oħra maqtugħa minn max-xatt, li jsibuha bħala L-Iskoll tal-Waħx (62) jew Ras il-Mewt. Minn hawn ‘il quddiem, l-irdum jerġa’ jibdel ismu għal Irdum Majjiesa(64) (jew L-Irdum tal-Mejjiesa, għalkemm ġieli jsibuh sempliċement bħala Il-Mejjiesa jew L-Irdum), u anke r-ras innifisha ġieli jsejħulha Il-Ponta tal-Mejjiesa minflok Ras il-Waħx. It-tifsira tal-kelma “majjiesa” jew “mejjiesa” mhix ċara, u daqshekk ieħor ma stajtx naqbad art fejn kien jinsab sewwasew Irdum Fossa li jidher imħarbex (suppost x’imkien f’dawn l-inħawi) fuq xi mapep qodma. L-art għolja ta’ fuq l-irdum ukoll jgħidulha Ix-Xagħra tal-Majjiesa (63) jew inkella Ix-Xagħra tal-Qortin. Taħt l-irdum jinsabu wkoll tliet daħliet ċagħkin b’nixxiegħa ta’ l-ilma mhux wisq ‘il bogħod minnhom. Dawn jintlaħqu permezz ta’ mogħdija (Il-Minżel tal-Majjiesa(65)) li tinfed minn ġo tnaqqira baxxa fix-xifer tax-xagħra sewwasew ħdejn ir-rifle ranges qodma tan-Naħlija (66) u tibqa’ nieżla kważi sa max-xatt. Dak li għedna dwar it-tnissil tal-kelma “Bunaħħâla” jgħodd daqstant ieħor għal dan l-isem li f’xi mapep reċenti jidher mgħawweġ għal “In-Naħħalija”. Fuq l-art għolja ta’ ħdejn il-minżel hemm wied żgħir (Il-Wied tan-Naħlija (67)), li jifred ix-Xagħra tal-Qortin mix-Xagħra ta’ Għajn Tuffieħa(68) (li ġieli tissejjaħ ukoll Il-Moxa ta’ Għajn Tuffieħa) u mix-Xagħra l-Ħamra (69) li tkompli magħha aktar lejn il-lvant. Din tal-aħħar, aktarx imsemmija hekk minħabba l-lewn tal-blat u tal-ħamrija tagħha, hija interessanti minħabba l-giren qodma li jinsabu mxerrdin fiha. Misturin madwar il-Wied tan-Naħlija hemm għadd ta’ fdalijiet arkeoloġiċi, fosthom oqbra, ġwiebi qodma maqtugħin fil-blat, u razzett qadim b’xi ġebliet kbar ġo fih li hemm min jaħseb li huma ta’ Żmien ir-Rumani. Il-wied innifsu jiftaħ għal fuq ħarrieġa ta’ l-irdum (Il-Ponta tal-Mixquqa (70)) li tinsab eżatt magenb il-lukanda daqsiex li nbniet max-xifer b’mod li tiddomina r-ramla kbira u ferm popolari li hemm taħtha, Ir-Ramla tal-Mixquqa (71). Bil-mod il-mod, dan l-isem Malti qed jintesa ġaladarba anke t-tabelli tat-toroq juru biss it-tikketta eżotika ta’ “Golden Bay” li kienet inħolqot għall-ħabta tas-snin sittin bħala parti mill-kummerċjalizzazzjoni tal-post għal għanijiet turistiċi. Fuq ġewwanett tar-ramla jiftaħ ħondoq żgħir bi ġnub weqfin u mimli qasab, li fil-fatt huwa t-tarf ta’ wied ferm itwal (Il-Wied ta’ Għajn Tuffieħa (73)) li jibda mill-Imġarr u li ħa ismu mill-istess għajn li kienet tisqi l-banjijiet Rumani. Mal-bokka tal-ħondoq kien hemm nixxiegħa oħra (Għajn Mixquqa (72)), filwaqt li jittawlu għal fuqha għad hemm il-fdalijiet ta’ żewġ trunċieri (f’dal-każ, pjuttost żewġ ħitan baxxi) tas-Seklu XVIII – waħda fuq kull naħa tal-ħondoq. F’kitba dwar dawn it-trunċieri tidher ukoll riferenza għall-Qala tal-Mixquqa (74) bħala l-isem tad-daħla fejn tinsab ir-ramla. Il-Wita tat-Torri (73) (jew Tat-Torri, fil-qosor) tagħlaq il-qala min-naħa tan-nofsinhar; isimha magħha peress li hija medda ta’ art għolja u ċatta li f’tarfha għadu jittarraf It-Torri ta’ Għajn Tuffieħa (76) (jew It-Torri ta’ Għajn Mixquqa), mibni mill-Gran Mastru Lascaris fl-1637 fuq il-post imsejjaħ Il-Borġ ta’ Għajn Tuffieħa (77) aktarx minħabba xi struttura eqdem li kienet tinsab hawn. Minn hawn tista’ titgawda veduta tassew sabiħa tal-bajja li jmiss (Il-Qala ta’ Għajn Tuffieħa (78)) bir-ramla tagħha (Ir-Ramla ta’ Għajn Tuffieħa (79) jew inkella Ir-Ramla tar-Rdum) u l-ponta tassew partikolari ta’ faċċata (Ras il-Qarraba (80)) li dwarha nitkellmu xi dab’oħra. F’żewg mapep qodma, x’imkien qrib it-torri jidhru Il-Ponta tal-Vas u Il-Ponta ta’ Għajn Tuffieħa, u jista’ jkun li dan kien isem ir-ras li fuqha nbena t-torri, iżda dwar dan ma naħlifx peress li l-preċiżjoni ta’ dawn il-mapep hija waħda baxxa.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri

It-Torri ta’ Għajn Tuffieħa