Ħafna mil-logħob li jintlagħab fil-Gżejjer Maltin jaf l-oriġini tiegħu għal żmien il-Kavallieri. Ngħidu aħna, għalkemm il-logħba tal-boċċi tagħna għandha r-regoli tagħha, nafu li tixbaħ lill-boule li jilagħbu ġewwa Provenza fi Franza. Logħba li tidħer li daħlet fi żmien l-Ingliżi hija x-xixu. Aħna nafu li l-cricket bħala sport huwa popolari ħafna f’xi eks-kolonji tal-Imperu Brittaniku, bħall-Indja, l-Afrika t’Isfel, l-Awstralja u l-Gżejjer tal-Karibew u naturalment fir-Renju Unit. Għalkemm bdiet tintlagħab f’pajjiżna aktar minn mitt sena ilu, baqgħet popolari bejn l-Ingliżi li kienu jservu mas-servizzi. Tant li Malta saret membru fl-International Cricket Council fl-1998. Il-popolin minflok addatta l-logħba tax-xixu.

Kitba u diżinji  ta’ Steve Borg. Dan L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9(2010) Nru 3. (L-Ixbieha ewlenija ta’ dan l-artiklu li turi t-tfal jilagħbu x-xixu meħuda minn kalendarju li kien ħareġ il-Bank of Valletta dwar logħob tradizzjonali Malti.)

Jiena tkellimt ma’ għadd ta’ nies minn diversi postijiet biex niddokumenta xi varjanti tagħha, qabel ma jkun tard wisq, aktar u aktar issa li Malta nbniet u ftit huma dawk it-tfal li tara jilagħbu barra bħal dari.

Ċensu Zahra, Tal-Griega mill-Belt Valletta trabba id-Due Balli, ħdejn il-Fossa. “Nannti, Lela Zahra, kienet Maltija ta’ Korfu. Kienet taf titkellem bil-Malti, bl-Ingliż u bil-Grieg.  Kellha l-Bing Crosby Bar id-Due Balli stess. Dan kien magħruf għall-iswed li kien ikanta hemm. Ma kien ħadd ħlief zijuwi Nenu Tal-Griega, li kien jinżebagħ u jitla’ fuq il-palk tal-ħanut waqt li n-nannu Pietru Pawl idoqq il-mużika ta’ Al Johnson fuq il-pjanu Wurlizter.”

“Ix-xixu kienet logħba li nagħmlu għaliha ħafna, għaliex trid tiċċaqlaq, mhux tibqa’ wieqaf. Insibu xi kaxxa tal-merkanzija u naqilgħu maxxella, injama li jużawha wkoll il-kuntratturi meta jkunu se jagħtu l-konkos. Taqbad ix-xixu u tmiddu mal-art. Sieħbi Ċensu Ta’ Ġanna kien jaf imidd idejh sabiex jaħdem ix-xixu u l-paletta. Aħna lilu konna ngħidu sabiex jagħmlilna sett. Ommu kellha ħanut tar-ravjul u tat-tè il-Belt. Dejjem bin-nies.  Kien hemm min minflok paletta kien juża zokk ta’ siġra, iżda paletta aħjar għaliex għandha wiċċha ċatt. Bil-paletta trid toqros ix-xixu li jkun mindud mal-art sabiex dan jogħla u hekk kif ikun maqtugħ tagħtih daqqa b’kemm għandek saħħa bin-naħa ċ-ċatta tal-paletta, ħalli tbiegħdu kemm jista’ jkun ‘l bogħod mis-sinjal. Dan is-sinjal inkunu għamilnieh b’biċċa ġebla mal-art u kull min ikun se jilgħab ix-xixu jrid jilgħab minn mal-istess sinjal. Ix-xixu jista’ jaħbatlek mal-ħajt u jerġa’ lura u jweġgħek. Hekk kif tolqtu trid tara fejn ikun mar, taqbad il-paletta u tibda tgħodd b’tulha mis-sinjal sa fejn ikun strah ix-xixu.  U tgħid:

“Għandi erbgħin qies.”

Qatt ma jkun aktar minn xixu wieħed li qed jilgħab. Hekk kif jinġabar ix-xixu, min imissu jmur mas-sinjal ħalli joqros ix-xixu u jagħti d-daqqa hu. Min iwasslu l-aktar jirbaħ. Tispiċċa l-logħba u sid ix-xixu jiġbru u u jiġbor il-paletta u jżommhom miegħu għal logħba oħra. Kulħadd kellu xixu d-dar.

Toni Vella, l-Burqax minn Ħaż-Żabbar jgħidli li “x-xixu logħba ta’ triq kennija. Konna nilagħbuha fis-Snin Ħamsin. Fit-triq tagħna f’Ħaż-Żabbar kien hemm mastrudaxxa, Ċikku l-Piżatur, li konna mmorru għandu ngħidulu “Għandek biċċa njama għax-xixu?”  U jagħtina biċċa njama tal-fagu jew tal-aħmar. Din trid tkun twila ma’ xi erba’ pulzieri.  Xogħolna kien li nittundjawha b’raspa, u nixkatlawha ħalli nillixjaw il-ġnub.  Dan nagħmluh ħalli x-xixu ikun jista’ jinqaras mill-paletta, kif ukoll meta twaddbu mhux biss itir aħjar iżda ma ddaħħalx xi skalda f’idejk. Injam tal-abjad ma kienx tajjeb għaliex dak malajr jispiċċa bid-daqqiet.”

Joe Attard Tabone mix-Xagħra,  qatt ma sema’ b’min lagħab din il-logħba f’Għawdex.

Mill-banda l-oħra, Mario Gauci mill-Belt Valletta jiftakar “meta fil-Liceo tal-Ħamrun bejn l-1970-75 ix-xixu kienet tintlagħab kull filgħodu fit-triq qabel ma nidħlu l-iskola. It-tfal kienu minn Malta kollha.”

Lino Sultana minn Wied il-Għajn jaf regolamenti differenti għax-xixu. “Qabel ma tibda l-logħba nkunu diġa ftehmna b’kemm il-qies wieħed jirbaħ u jagħlaq il-logħba. Meta tolqot ix-xixu u tara fejn ikun wasal xi ħadd jistaqsik: “Kemm se tieħu?” Ikun qed jistaqsik kemm taħseb li għandek tul. Jekk titħanżer u tgħidlu aktar milli jirriżulta li jkun meta jitkejjel, ma tihux qisien, u jekk tgħidlu inqas, bħal ngħidu aħna sebgħa u tletin, meta fil-fatt tkun wasalt ix-xixu erbgħin qies, hemmhekk tieħu kemm tkun iddikjarajt, u allura titlef tlieta u tieħu l-oħrajn (37). Xi drabi jirbaħ min ikun jaf ikejjel sewwa fuq għajnejh għaliex jieħu l-qisien li jkun tefa’.”

Kif jiftakar il-logħba Fredu Pulis Ta’ Pulis minn Wied il-Għajn ukoll hija b’varjant ieħor. “Ix-xixu tintlagħab bil-pari, min jattakka u min jiddefendi. Wieħed minn dawk li jattakkaw ikollu l-galetta li tkun għamla ta’ kaxxa mħażża mal-ħajt. Ta’ kontrik ikollhom ix-xixu. Wieħed minnhom jitfgħu b’idu minn bogħod ta’ xi għoxrin pied sabiex jolqot il-galetta tiegħek, qisha l-lasta li int qiegħed tħares”.  “Int, li jkollok il-paletta, trid toqlot ix-xixu li jkun ġej lejn il-galetta u tbiegħdu kemm tista’ bid-daqqa li tagħtih. Jekk ix-xixu jiġi milqugħ minn ta’ kontrik mingħajr ma dan qabel ikun miss mal-art, mela hemm tinqala’ ‘barra. Jekk ix-xixu jistrieh mal-art, jiġi jilgħab tal-paletta li jkollu d-dritt li joqorsu tliet darbiet, dejjem ibiegħdu kemm jista’ mill-galetta. “Irid joqgħod attent, għaliex meta jkun qaras ix-xixu sabiex jagħtih daqqa bil-paletta, ta’ kontrih għandhom id-dritt li jkunu ħdejh, u faċilment jilqgħu x-xixu li jkun għadu kif inqaras qabel ma dan qala’ daqqa ta’ paletta jew jaqa’ mal-art. Wara t-tielet daqqa nfila, tal-paletta jrid jiddikjara kemm il-qies se jieħu. Jitlob aktar u ma jieħu xejn. Fil-bidu tal-logħba jkunu ftehmu b’kemm il-qies tagħlaq il-logħba. Jekk ma jkollux biżżejjed qisien, ikun imisshom sħabu li jagħtu bil-paletta.

“Dawn jitilfu jekk ikunu kollha nqalgħu għaliex jew kellhom ix-xixu li jkunu tajru bil-paletta li ġie milqugħ, jew inkella l-bejta tagħhom intlaqtet mix-xixu mitfugħ minn ta’ kontrihom, qabel ma leħqu għalqu l-qisien miftiehma.”

Lil Ċensu Zahra tal-Griega, Toni Vella tal-Burqax u Lino Sultana, ilkoll kellimthom fl-1 ta’ Diċembru 2005; lil Joe Attard Tabone u Mario Gauci kellimthom fit-3 ta’ Diċembru 2005 u lil Fredu Pulis fis-7 ta’ Diċembru 2005.

Logħob ieħor tradizzjonali ġewwa Wied il-Għajn

Tkellimt ma’ Salvu Debono minn Wied il-Għajn fit-19 ta’ Novembru u fl-1 u s-7 u 9 ta’ Diċembru 2005.

“Fi tfuliti, fis-Snin Ħamsin tgħidx kemm konna nilagħbu logħob barra. Fit-triq, fl-għelieqi, kullimkien għandna minn fejn nagħżlu. Tal-Kawbojs u l-Indjani, Malta Tagħna, Noli, il-qliba, Gwerra Franċiża, Ġejja l-Mewt Għalik, iċ-ċirku, il-boċċi, ix-xixu jew noħorġu bil-wadab għall- kaċċa tal-gremxul.  Li trid.”

Xi ħadd jgħid:

“Nagħmlu Gwerra Franċiża?”

Gwerra Franċiża

Kif tintlgħab il-Gwerra Franċiża? Ninġabru qaqoċċa. L-aktar li konna nfittxu kienet xi għalqa mbattma lejn iż-Żonqor, inkella il-ftuħ ta’ qrib il-knisja. Qabel tibda l-logħba, tnejn minnha jaqtgħu t-tokk biex jagħżlu l-hekk imsejjħa “suldati” tat-tim tagħhom. Ġieli anki konna tmienja fuq kull naħa.  Nagħmlu żewġ sinjali mal-art, wieħed għal kull tim, imbiegħda aktar minn xi tletin pied, jew daqs bogħod ta’ tefgħa ta’ ġebla, u wara s-sinjali nsejjħulu “il-belt”. Jekk tkun triq nagħmluh minn ħajt sa ħajt. Kemm kienu jgħaddu karozzi?  Xejn.

Mela kull tim għandu l-belt tiegħu, li hi mgħassa mis-sinjal li hemm mal-art. Dan is-sinjal konna nagħmluh bil-ġibs jew b’xi biċċa ġebla miġbura minn ħdejna. Kulħadd jieħu postu wara s-sinjal sabiex tibda l-logħba. Joħroġ wieħed, bħala lixka, sabiex iħajjar xi ħadd mill-għadu biex joħroġ għalih. Min joħroġ l-aħħar jista’ jaqbad lil kull min ħareġ qablu. Allura dan ifisser li min ikun diġa’ ħareġ wara s-sinjal u ġie bejn l-ibliet, ma jistax jaqbad lil min ħareġ warajh.

Biex taqbad suldat kull ma trid tagħmel huwa li tmissu. Dak li tmiss isir priġunier u jkollu jmur fil-ħabs tiegħek. Għaliex fil-bidu tal-logħba, minbarra l-belt, kull tim ikollu l-ħabs tiegħu li fih iqiegħed lill-priġunieri tat-tim ta’ kontrih. Il-ħabsijiet kienu jkunu fil-ġenb, opposti ta’ xulxin u bejn iż-żewġt ibliet, aktar qrib il-belt ta’ min huwa l-ħabs. Il-priġunieri jridu jistennew lil sħabhom sabiex jeħilsuhom. Dan jagħmluh billi joħorġu mill-belt u jmorru jiġru lejn il-ħabs tal-għadu u jmissu lill-priġunieri sħabhom.

Mhux daqshekk ħafif għaliex ikun hemm is-suldati ta’ kontrik qed jistennew toħroġ mill-belt tiegħek u tista’ tispiċċa priġunier int.  Jekk tkun ħriġt mill-belt u ma tkunx tista’ taqbad xi tali li ħareġ warajk, ikollok terġa tidħol fil-belt tiegħek sabiex terġa’ tibda mill-ġdid. Tista’ toħroġ u tidħol fil-belt tiegħek kemm il-darba trid. Il-logħba tintrebaħ meta xi ħadd jidħol fil-belt, wara s-sinjal tal-għadu u b’hekk tintemm.  Mhux daqshekk ħafifa għaliex kull min ikun qiegħed jilgħab, minbarra li jattakka, ikun qed jgħasses lill-belt tiegħu. Ma tgħaddix logħba li ma jixkanax xi ħadd u jinstelaħ biż-żrar. Kien hemm logħbiet li ħadu nofs siegħa. Ikun hemm nuqqas ta’ qbil dwar jekk wieħed intmissx jew le, jew jekk l-ieħor rifisx is-sinjal tal-belt.  Din hija logħba fejn il-ħeffa tiswa aktar mis-saħħa. S’intendi, din ma tapplikax għal meta niġu fl-idejn.

Il-logħba Malta Tagħna konna nilagħbuha mhux biss fl-art imma fil-baħar. Insibu blata naqra maqtugħa mill-art u naqtgħu t-tokk għal min se jkun fuqha l-ewwel. Tkun m’għola dawk l-erba’ filati.  Wieħed biss ikun fuqha filwaqt li l-bqija jridu jitilgħu għalih, wieħed wara l-ieħor u mhux kulħadd f’daqqa. Mela jekk wieħed qiegħed iħarisha, jitla’ wieħed għalih, irid jimbuttah għal isfel u jkun waħdu fuq il-blata. Waqt li tnejn ikunu qed jissieltu, l-oħrajn iridu jistennew li xi ħadd jaqa’ għal isfel ħalli min imissu jibda jissielet ma’ min ikun fuq il-blata. Din logħba skabruża u fiha tista’ tweġġa’. Darba jien kont tlift lil wieħed minn sensih. Fil-baħar tintlagħab ukoll. Aħna konna nilagħbu fuq ħàfa n-naħa taż-Żonqor. Kif taf sew, ħàfa hija blata fil-baħar li tkun ftit taħt il-wiċċ, tant li meta l-baħar ikun fieragħ, din tixref rasha u tiġi tidher.

Imma logħba li nħobbu wisq kienet il-kaċċa bil-wadab. Il-qatgħa ta’ tfal li trabbejt magħhom jien, kollha kellna l-wadab, li kien qisu parti millkit li jrid ikollok biex tkun normali. Kulħadd jagħtih l-istil personali, min bil-maqbad twil u min qasir. Immorru nfittxu xi siġra tal-ħarrub, naqtgħu fergħa b’sega inkella b’idejna u nirranġawha d-dar. Importanti li l-fergħa jkollha għaksa u tiftaħ f’għamla ta’ Y.  Inneħħu l-weraq, inqaxru l-qoxra bil-mus u nillixxaw xi ingroppi fil-maqbad b’ xi biċċa lima jew karta tal-ixkatlar. Wara nħallu l-fergħa tinxef. Aktar ma tinfex aktar tibbies u inqas timmolla. Ikollok bżonn issib il-lasktu ta’ tubu ta’ tajer ta’ karozza. Dan aqwa minn ta’ rota għaliex ikun eħxen, aktar b’saħħtu u jdum aktar biex jispiċċa.  Kont immur għand mekkanik u nitolbu biċċa li minna naqta’ żewġ strixxi li se norbot mal-wadab.  Qed nghid strixxi ta’ xi pied kull waħda, għaliex wieħed ried iqis ukoll it-tul li bih kull strixxa riedet tintrabat. Ikollhom wisa’ ta’ xi tliet kwarti ta’ pulzier jew ftit aktar. Int tkun diġà sibt l-ilsien tal-ġilda ta’ xi żarbun mormi. Trid tkun ġilda ratba għaliex il-ġebla jew x’se tispara bih, tinħakem ħafna aħjar. L-ilsien kien l-aħjar parti, għalkemm ġieli użajna wiċċ ta’ żarbun ukoll. Il-ġilda tinqata’ b’imqass f’għamla ta’ kaxxa tawwalija, u tagħmlilha l-ġnub ittundjati. Mela s’issa għandna l-fergħa f’għamla ta’ Y qed tinxef, u l-istrixxi tal-lasktu u l-ġilda maqtugħin. Wasalna sabiex ingħaqdu kollox flimkien.

L-ewwel trid tgħaqqad l-istrixxi mal-ġilda. Din tkun għamiltilha żewġ qasmiet, ħarira akbar mill-wisa’ tal-lasktu li jkun irid jgħaddi minnhom. Hekk kif tgħaddi l-lastiku minn ġol-qasmiet li għamilt, torbot tarf kull lasktu bi spag irqiq jew ħarir u tagħmel l-għoqiedi. Kien hawm min kien juża l-passaperla. Din biż-żmien tispiċċa ddgħajjef il-lasktu bil-ġbid. Wara torbot il-lasktu mal-wadab, bl-istess spag jew ħarir. Tinsiex li l-ħarir jaqta’.  Ikollok wadab mhux biex tiddandan bih iżda biex tużah. Bih tista’ twaddab xi ġebla żgħira distanza twila, anki mija u ħamsin pied. Nużaw kollox biex nisparaw, mhux biss ġebel: ċagħqiet, boċċi, ball bearings, skorfini u, niftakar lil sieħbi jispara pum taċ-ċeramika. Darba lqat tajra safra waqt li kienet ittir u baqgħet sejra. U darb’ oħra waddabt għal kuda. Jintuża l-aktar għall-għasafar tal-bejt u tal-maltemp, iz-zakak, imma l-aktar waqt il-kaċċa għall-gremxul.

Fis-Sajf żmien il-gremxul. U mmorru nfittxu l-gremxula, il-wiżgħa u x-xaħmet, u jekk tiġina tajba anki xi serp. Il-ġurati wkoll jidħlu fil-mira. Ħadd ma kien jeħlisha. Kull ma jiċċaqlaq infaqqgħu fuqu.Tarahom jilagħqu x-xemx ma’ xi ħajt tas-sejjieħ jew xi biċċa blata, nersqu kemm jista’ jkun qrib u kif naraw li xammitna, nagħtuha tir. Lill-gremxula nsejħulha s-sultan, għaliex hija għandha l-isbaħ ilwien mill-annimali li jitkaxkru. Il-priża niġbruha u nżommuha ġo bott biex naraw min qabad l-aktar. Jekk ma noqtluhiex jew inferuha, li kien rari, nerġgħu noqogħdu għassa għax f’xi ħin se toħroġ. Naqbdu aktar gremxul għaliex aktar abbundanti u aktar ikunu għall-miftuħ. Konna mmorru wkoll il-Magħluq għaliex hemm iżommu l-mazzarelli minħabba li mimli ilma salmastru. Ikunu weqfin fl-arja jew jistrieħu fuq is-simar tal-baħar.  Anki żrinġ ma jaħrabilniex jekk jixref rasu minn xi għadira.  Mhux l-ewwel darba li l-pulizija ħadulna l-wadab, u min jaf kemm il-darba spiċċajna l-għassa. Imma konna għadna żgħar wisq. Jien kelli mat-tnax-il sena. U għalkemm jeħodhielna, kien diġa’ jkollna oħra merfugħa d-dar għal li jista’ jinqala’. U l-għada nerġgħu noħorġu.

Darba nkun qed indur ħdejn kamra fir-raba’ lejn iż-Żonqor u nara bir battal mill-ilma, mimli terrapien.  Qalb il-ġebel deherli li rajt bħal dahar ta’ fekruna. Pront qbadt il-wadab u fajjart tir u ħadtha f’nofsha. Meta rajt li ma tħarkitx, ersaqt u ħarist lejha aktar mill-qrib u f’daqqa waħda ksaħt. Skoprejt li ma kienx hemm waħda iżda ħafna aktar. U ma tħarkux. Iżda minflok fkieren dawn kienu hand grenades tal-gwerra.

Mort niġri l-għassa, sibt pulizija, għidtlu b’kollox u ċempel x’imkien. Wara ftit niżlu żewġ land rovers mimlija suldati Ingliżi, dawru l-post u warrbu n-nies. Xi ħadd minnhom niżel fil-bir u neħħa l-hand grenades.

Tant konna nissugraw li niftakar li jien u sieħbi minn Wied il-Għajn ukoll konna dħalna l-Belt apposta bil-wadab. Ħbejnihom fi ħżiemna u għattejnihom bil-ġersi. Morna ħdejn il-Main Guard, fejn kien hemm is-suldati jagħmlu d-drill, qsamna lejn il-Palazz tal-Gvernatur u dħalna ħdejn l-istatwa tal-Ġgant. Konna sirna nafu li f’dik il-bitħa kien jidħol l-isturnell jorqod qalb is-siġar. Kien hemm qtajja’ ta’ mijiet.  Ħarisna madwarna u meta deherilna li kollox sew, ħriġna l-wadab u bdejna nisparaw.

Illum inħares lura u jiddispjaċini ta’ dak li għamilt, allavolja naf li dak kollu kien bluha tat-tfulija.  Taħqar l-annimali huwa ħażin u issa li mort f’xi riservi naturali, inħares lejn in-natura b’rispett u naħsibha mod ieħor.