Il-Franċiżi jgħidu li fil-bidunett Alla ħalaq il-bniedem, u meta rah waħdu, qisu ruħ mitlufa, ħalaqlu l-kelb biex iżommlu kumpanija! Il-kelb kien wieħed mill-ewwel annimali li ddomestika l-bniedem, u hu magħruf li l-bniedem kien irabbi l-klieb mill-inqas sa miż-żminijiet Neolitiċi. F’Malta għandna fdalijiet ta’ għadam tal-baqar, mogħoż, nagħaġ, ħnieżer, u x’naf jien, li jmorru lura għaż-żminijiet tat-tempji Neolitiċi. Fdalijiet ta’ l-għadam tal-klieb li jmorru lura għal dawk iż-żminijiet għandna xi ftit ukoll. Fil-bidu tas-snin disgħin instab l-għadam ta’ ġeru midfun f’qabar preistoriku f’Għawdex (Brochtorff Circle). Minn tpinġija u tinqix li nstabu f’oqbra ta’ l-Eġittu tal-qedem u fl-oqbra ta’ l-Imperaturi Ċiniżi tal-qedem, jidher li l-kelb kien jintuża għall-kaċċa, u jidher ċar, mit-tpinġijiet, li l-Eġizzjani u ċ-Ċiniżi kellhom aktar minn razza waħda ta’ klieb. Għandna naħsbu li l-kelb kien jintuża minn kmieni ħafna fl-istorja tal-bniedem biex jagħmel l-għassa fuq ħwejjeġ sidu, u aktar tard mhux biss biex jgħin fil-kaċċa, imma wkoll biex jgħin fit-tmexxija ta’ l-imrieħel.

Dan il-kapitlu deher oriġinarjament bħala parti mill-ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni” ta’ Ġużi Gatt.

Bħal m’għamel f’annimali oħra, bħan-nagħaġ, il-baqar u l-mogħoż, il-bniedem rażżan it-tnissil tagħhom biex ħoloq għamliet ta’ klieb li ma kinux jeżistu fin-natura. L-iżgħar daqs ta’ kelb, il-KELB TAL-BUT (chihuahua), jiżen inqas minn kilo’. Filwaqt li l-KELB TA’ SAN BERNARD (Saint Bernard) jew il-MASTIFF (mastiff) jistgħu jaslu anke sa sebgħin kilo. Jidher li kmieni ħafna fl-istorja, il-bniedem nissel klieb li kellhom denbhom ġej għat-tond, jew IMQAWWAR ‘L FUQ (upcurved tail) għal fuq daharhom. Din issa saret ħaġa komuni fil-klieb li jrabbi l-bniedem, imma ma kinetx teżisti fin-natura. Tendenzi oħra fil-klieb li qabel ma kinux jeżistu fin-natura huma saqajn daqshekk qosra bħal m’għandu ID-DACHSHUND (duchshund) ngħidu aħna, jew il-WIDNEJN BARŻAKKA (drooping ears), widnejn twal u mdendlin ‘l isfel meta n-natura tippreferi widnejn qosra u weqfin. Wiċċ ċatt bħal tal-BULLDOG (bulldog) hu wkoll rari fin-natura.

Il-bniedem lagħab ukoll bl-ilwien u l-għamla ta’ suf il-klieb. Hawn klieb sufhom INNUKKLAT (curly) bħal tal-POODLE (poodle), IMĠIEGĦED (wavy) bħal tal-BORZOJ (borzoi), MIDLIEL (long) bħal tal-KELB MALTI (Maltese), QASIR (short) bħal tal-LABRADOR (labrador), jew IMSEBBEL (wiry) bħal ta’ l-AIREDALE (airedale).

Il-kelb għandu sens ta’ XAMM (smell) u SMIGĦ (hearing) ferm aqwa minn tal-bniedem. Ir-RAJ (sight) jew il-VIŻTA pero’, m’hix tajba daqs tal-bniedem. Il-kelb ma jarax bil-kulur, imma jara kollox iswed u abjad.

Il-KELB hu r-raġel tal-KELBA (bitch). Il-frieħ tagħhom huma l-ĠERU u l-ĠERWA (pl. ġriewi). It-tqala ttul bejn wieħed u ieħor disa’ ġimgħat. Il-BOTON (litter) ikun ta’ minn erbgħa sa sitta; għalkemm klieb ta’ razza ċkejkna jista’ jkollhom boton ta’ wieħed jew tnejn, u klieb ta’ razza goffa ġieli jkollhom għaxra jew iżjed. Ta’ sena, il-ġeru jkun kiber u sar kelb. Il-kelba tista’ TISĦON (be on heat) u titgħammar anke ta’ sitt xhur. Fil-biċċa l-kbira, il-kelba tisħon darbtejn fis-sena, jew darba kull sitt xhur. Il-ġriewi jitwieldu għomja u torox, u għandhom jitħallew jerdgħu minn ommhom għall-inqas sa sitt ġimgħat qabel ma JINFATMU (to be weaned). Ta’ sitta jew tmien ġimgħat, jew ftit iktar, hu żmien tajjeb biex tibda dderri lill-kelb jitgħallem xi jrid minnu l-bniedem.

Meta l-kelb u l-kelba JITGĦAMMRU (to mate), il-kelb jogħla fuq il-kelba minn wara u JBERREK, jiġifieri jġiegħel il-kelba tinżel kokka (makes the bitch squat for copulation), filwaqt li jibda JLIKKEM, jiġifieri jagħti l-iskossi (to thrust). Wara li jitgħammru, il-kelb u l-kelba JEĦLU flimkien (become attached in a copulatory tie) u jistgħu jdumu mwaħħlin anke sa nofs siegħa.

Il-klieb huma diġitigradi. Dil-kelma stramba tfisser li l-klieb jimxu fuq erba’ swaba’. Il-ħames subgħa, li jissejjaħ il-BEHEM (dewclaw) qiegħed ‘l fuq fis-sieq u ma jmissx ma’ l-art. Ħafna razez ta’ klieb m’għandhomx behem fis-saqajn ta’ wara. Il-behem jiġi s-subgħa l-kbir.

Il-kelb hu mnissel mill-lupu u hu ANNIMAL TAL-MERĦLA (social animal). Fis-selvaġġ il-klieb jgħixu dejjem fi gruppi u jagħrfu ‘l wieħed minnhom bħala l-mexxej tal-merħla. Il-klieb li jrabbi l-bniedem jagħrfu lil sidhom bħala l-mexxej, u lill-kumplament tal-familja jqisuha bħala l-bqija tal-merħla! Klieb li sa ma jkollhom erba’ xhur jew iktar jitħallew jagħmluha biss ma’ klieb oħra, jibqgħu ma jidrawx jgħixu komdi mal-bnedmin.

Il-klieb huma ta’ ħafna razez. Meta l-kelb ikun ta’ ċertu għamla magħrufa, għamla li tiddistingwih minn klieb oħra, u din l-għamla tintiret mill-ġriewi li jiled, dan il-kelb jissejjaħ KELB TAR-RAZZA (purebred). Meta r-razza ma tkunx ċara, għax il-kelb ikun ġej minn razez diffrenti, il-kelb jissejjah KELB TA’ RAZZA MĦALLTA (mongrel). Fid-dinja tant hawn razez ta’ klieb, u tant ivarjaw fid-daqs u l-għamla, li l-bniedem ħaseb biex jikklassifikahom fi gruppi. Ħafna pajjiżi għandhom is-sistemi tagħhom, imm’aħna hawn Malta, bħal f’ħafna affarijiet oħra, nimxu fuq is-sistema Ingliża:

1) KLIEB TAL-KAĊĊA (gun dogs/sporting dogs).

L-isem “kelb tal-kaċċa” għandu jiġi użat għal dak il-kelb li l-Ingliżi jsejħulu gun dog jew sporting dog. Anke dawn, pero’, jinqasmu f’iktar minn kategorija waħda:

L-ixkubetti u s-snieter ma kinux jeżistu minn dejjem. Fil-bidu il-bniedem kien iġiegħel il-klieb jiġru wara l-kaċċa biex inaffruha għal ġo xi xibka jew xbiek; jew biex tiġri dritt għal ġo xi ħofra jew nasba; jew biex tersaq qrib fejn ikun hemm il-kaċċatur lest bil-qaws u l-vleġġa, jew bil-lanza, jew bil-wadab (sling). Il-bniedem tgħallem jikkaċċja kullimkien; fil-wita u fl-għoljiet, fid-deżert u fil-ġungli; u qatel kull xorta ta’ kaċċa: fniek, tjur, ċriev, bhejjem ta’ l-ifrat, u annimali oħra kbar u żgħar. Biż-żmien, il-bniedem nissel klieb maħsuba apposta skond f’liema tip ta’ art kien jikkaċċja, u x’tip ta’ kaċċa kienet tinteressah. Minn hawn bdew ir-razez ta’ KLIEB TAL-KAĊĊA (gun dogs/sporting dogs) li nafu llum:

a) KLIEB TAL-FIRMA (pointers/setters):

Xogħol il-KELB TAL-FIRMA (pointer/setter) hu li jiġri fuq medda kbira ta’ art – xagħri jew ġmiem – joqmos b’denbu jferfer u rasu fil-għoli, ixammem r-riħ biex jara jsibx fih ir-riħa tal-kaċċa, u meta jsibha JIFFIRMA (stand on point) biex juru lil sidu il-kaċċa fejn qiegħda. Bl-Ingliż jintużaw żewġ kelmiet (pointer u setter). Hawn klieb li meta jiffirmaw, joqogħdu weqfin dritti b’geddumhom ippuntat lejn il-kaċċa; waqtilli hawn oħrajn li meta jiffirmaw jitbaxxew ‘l isfel (sit/crouch). Meta kelb jitbaxxa, aħna l-Maltin ngħidu li l-kelb JILBET.

b) TAL-BRAKK (retrievers):

L-Ingliżi, kif jammettu huma stess, iħobbu ħafna l-klieb. Ħafna razez ta’ klieb ħolquhom huma, u ħolqu wkoll ħafna mill-ismijiet tal-klieb u ħafna mit-terminoloġija li tintuża fit-trobbija tagħhom. Il-klieb li l-Ingliżi jsejħulhom retrievers, jiġifieri klieb li jġibulek il-priża, ma kinux jeżistu qabel tard fis-seklu tmintax. U dan għaliex kien biss għall-ħabta ta’ dawk iż-żminijiet li l-ixkubetta bdiet issir komuni f’idejn il-kaċċaturi Ingliżi. Qabel ma daħlet sewwa l-ixkubetta, il-kaċċa kienet issir l-aktar bil-klieb tal-firma, li bis-saħħa tagħhom il-kaċċatur kien inaffar il-kaċċa dritt għal xi mansba jew xibka. Issa, bl-ixkubetta, il-kaċċatur beda jispara fuq l-għasafar li bdew jaqgħu mejta fil-bogħod u xi kultant f’xi post daqsxejn waħda skabruż. Il-kelb ma kien iħabbel rasu xejn, kien jiġri għat-tajr l-imwaqqa’, u jġibhom lil sidu. Il-bżonn ta’ klieb bħal dawn kompla jikber meta s-senter ħa post l-ixkubetta.

Il-kelma “brakk” ġejja mit-Taljan bracco. Bil-Malti saret tfiser kelb b’ħalqu kbir u goff, b’xufftejn imdendlin ‘l barra u b’tendenza li jliegħeb. Ħalq kbir hu komdu biex bih il-kelb iġib it-tajr mejjet lil sidu, imqar jekk it-tajr ikun imdaqqas jew fih daqs tiġieġa. Xi klieb tal-brakk huma wkoll għawwiema tajba, u jgħumu fix-xmajjar anke kontra l-kurrent biex iġibu lil sidhom tajr li jkun waqa’ fl-ilma.

Jgħidu li l-KLIEB TAL-BRAKK (retrievers) tnisslu minn razez ta’ klieb li l-Ingliżi kienu sabu fil-kolonji l-ġodda tagħhom fi Newfoundland, il-Kanada. L-iktar kelb magħruf minn dawn hu l-LABRADOR (labrador). Dal-kelb wasal l-Ingilterra fil-bidu tas-seklu dsatax u sa l-1814 kien diġa’ beda jissemma b’ismu fil-letteratura Ingliża. Mill-labrador tnisslu ħafna mill-klieb li xogħolhom hu li jiġru biex jiġbru l-kaċċa li jkun waqqa’ sidhom, tkun fejn tkun, fuq l-art jew fl-ilma, iduru lura biha u jnewluha lil sidhom.

c) KLIEB TA’ L-AĦRAX (flushing breeds/spaniels):

Xogħol il-KELB TA’ L-AĦRAX (flusher/spaniel) hu li jiġri quddiemek; iserrep minn naħa għal oħra; ifittex, ixammem, jiftaqad u jitkixxef kull rokna, arbuxell jew ħofra li fiha jista’ jistaħba t-tajr, u meta jsibha, inaffar it-tajra billi jiġri fuqha, u din ittir. Klieb bħal dawn ma jibżgħux mix-xewk u l-għollieq (li kellna niktbu għolliq ikun aħjar), imma jinbuttaw u jibqgħu deħlin fejn hemm bżonn; mqar ġo l-ilma u t-tajn. Fis-sistema Ingliża tal-klassifikazzjoni tal-klieb, il-klieb ta’ l-aħrax jissejħu spaniels. Dil-kelma ġejja mill-Franċis: “espaignol”, li tfisser “spanjol”, u tissemma għall-ewwel darba fil-letteratura Ingliża fil-kitba ta’ Chaucer, f’poeżija li nkitbet fis-sena 1387. X’aktarx li dawk il-klieb ta’ l-aħrax li jissejħu spaniels, kellhom il-bidu tagħhom fi Spanja, fil-muntanji Pirinej. L-aktar magħrufa fost il-klieb ta’ l-aħrax huma l-English, l-ispringer u l-cocker spaniel.

2) KLIEB TAN-NASKJA (hounds).

Dawn ikunu razez ta’ klieb li jkollhom sens ta’ XAMM (smell) qawwi ħafna, u kienu jintużaw biex ifittxu l-irwejjaħ li jħallu warajhom ċerti annimali (mammiferi) tal-kaċċa. Minn dawn it-tip ta’ annimali tal-kaċċa, f’Malta għandna biss il-fenek tal-grixti, u allura mhix ħaġa kbira li klieb bħal dawn jissejħu “klieb tal-fenek”. Imma l-KELB TAL-FENEK hu razza partikolari ta’ kelb (pharoe’s hound). Kemm il-kelb tal-fenek, kif ukoll klieb oħra li jintużaw fil-kaċċa ta’ l-annimali, jissejħu KLIEB TAN-NASKJA (hounds). Il-kelma dachshound, li hu l-isem ta’ kelb tan-naskja Ġermaniż, tfisser “Kelb tat-Taħas”, (badger’s hound), għax fi żmienu kien jintuża għall-kaċċa tat-TAĦAS (badger), annimal ta’ lewn iswed u abjad, li, bħall-fenek, jgħix ġo GĦAWRA (warren) taħt l-art. Il-kelma “naskja” jew “naska” ġejja mill-Isqalli u tirreferi għas-sens qawwi ta’ xamm li għandhom dawn il-klieb.

Is-sura tal-klieb tan-naskja tkun, ħafna drabi, għalkemm mhux dejjem, tixbah lil dik tal-kelb tal-fenek: kelb fuq qaddu, saqajh twal u rqaq, b’geddum tawwali u ġisem dejjaq u mislut. Fil-Malti għandna kelma għal ġisem bħal dan – ġisem magħmul apposta għall-ġiri. Ngħidulu “slugi”. Kelb slugi; fenek slugi, eċċ. IS-SLUGI (saluki) hu kelb tan-naskja popolari ħafna fil-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq. Hawn min jafu wkoll bħala KELB TA’ L-GĦARAB.

Fost il-klieb tan-naskja l-aktar magħrufa nsibu lill-Beagle, li jintuża fil-kaċċa għall-volpi; il-bloodhound, li fi żmienna jintuża anke mill-puluzija mad-dinja kollha minħabba s-sens qawwi ta’ xamm li għandu. Fl-Amerka, il-bloodhound hu kelb li x-xhieda tiegħu tkun aċċettata anke fil-qorti. Il-Greyhound hu kelb ta’ razza qadima li ssemma anke mill-kittieb Ruman Ovidju, li twieled fis-sena 43 Q. K., u fil-kitba ta’ l-Eġizzjani tal-qedem.

3) TERRIERS (terriers)

Il-kelma terrier, li aħna ħadnieha mill-Ingliż, ġejja mill-Latin: Terra – li tfisser “ħamrija” jew “trab”, u Terrarius, li bejn wieħed u ieħor tfisser “kelb tal-ħamrija”. It-Terrier tnissel bħala kelb, x’aktarx żgħir fid-daqs, maħsub biex isib dawk l-annimali li jgħixu taħt l-art, u li jitqiesu bħala kaċċa, u jidħol għalihom fit-toqba, jew l-GĦAWRA (burrow) tagħhom li tkun imħaffra fil-ħamrija. Hawn minnhom li jintużaw l-aktar biex ifittxu u joqtlu l-FIRIEN (rats).

Fost it-TERRIERS l-aktar magħrufa nsibu l-Fox Terrier, użat mill-Ingliżi għall-kaċċa tal-volpi; l-Irish Terrier li, kif jixhed ismu, x’aktarx li tnissel fl-Irlanda, għalkemm din mhix xi ħaġa ċerta; ix-Schnauzer, terrier Ġermaniż ta’ razza qadima ferm, magħruf sa mis-seklu ħmistax; u l-Bull Terrier, li għal nofs is-seklu dsatax kien popolari ħafna fl-Ingilterra bħala kelb tal-ġlied. Dak iż-żmien, il-ġlied tal-klieb mhux biss kien permess, imma kienu jiddilettaw bih anke nies li jippretenduha. Illum dal-ġlied sar illegali f’ħafna pajjiżi ċċivilizzati, u jitqies bħala għarukaża kbira.

Hemm dubju dwar kif tnissel il-famuż Pit Bull Terrier, imma x’aktarx li ġej mir-razza tal-bull dog. Għalkemm uffiċjalment imsemmi bħala terrier, x’aktarx li dan l-isem ma jgħoddx għalih, għax fil-fatt m’huwiex, u probabbli li qatt ma kien, il-veru terrier; jiġifieri li qatt ma kien jintuża għall-kaċċa ta’ l-annimali li jħaffru fil-ħamrija.

4) KLIEB TAX-XOGĦOL (working dogs)

Din il-kategorija tiġbor fiha dawk il-klieb kollha li l-bniedem nissel biex jgħinuh f’xi xogħol li jkun hemm bżonn isir; ngħidu aħna klieb li jafu jmexxu l-merħliet tal-bhejjem; jew klieb li jfittxu n-nies mitlufa fis-silġ; jew klieb li jiġbdu warajhom slitta tat-tagħbija u jiġru biha fuq is-silġ.

Fost il-KLIEB TAX-XOGĦOL l-aktar magħrufa nsibu l-Collie, kelb ta’ nisel Skoċċiż li jgħin lir-ragħaj fit-tmexxija tal-merħliet tan-nagħaġ; Il-Kelb ta’ San Bernard (Saint Bernard), li jfittex u jsib in-nies mitlufa fis-silġ; Il-Ħaski (husky), il-kelb li jiġbed is-slitta ta’ l-Eskimiżi fin-North Pole; u d-Doberman, li hu kelb ta’ l-għassa mill-aqwa.

5) KLIEB TAN-NAMRA (toys)

Dawn tnisslu apposta għal min għandu n-namra li jrabbi l-klieb għall-kumpanija, u biex joqgħod ifissidhom, jieħu ħsiebhom u jħobbhom. Fil-biċċa l-kbira dawn ikunu klieb magħmulin ċkejknin. Imma ma rridux nifhmu li l-KLIEB TAN-NAMRA (toys) moderni jkunu klieb li inzertaw ħarġu nani. Għall-kuntrarju, dawn ikunu kibru kemm għandhom jikbru. Il-bniedem ikun nissel razza ta’ klieb li tkun minjatura ta’ dak li kienet qabel. Ngħidu aħna dak il-kelb magħruf bħala il-Pagg (pug), hu minjatura ta’ kelb ieħor magħruf bħala il-Mastiff (mastiff)

Fost il-klieb tan-namra l-aktar magħrufa nsibu l-Kelb tal-But (chihuahua) li nislu jmur lura għall-Amerka Latina ta’ qabel Kolombu. Minn dak iż-żmien ‘l hawn il-bniedem lagħab bit-tnissil ta’ dal-kelb biex ħoloq varjetajiet, xi wħud minnhom żgħar ħafna u jiżnu ftit libri, li jvarjaw minn bojod qotna sa suwed dlam. Kelb ieħor magħruf hu il-Pekiniż (peginese), li kif jixhed ismu tnissel fiċ-Ċina u jmur lura mill-inqas elf sena. Dal-kelb inġieb in-naħa tagħna meta s-suldati Ingliżi ssakkeġġjaw il-Palazz Imperjali f’Peking fl-1860. Fost l-affarijiet li serqu minn hemm insibu ‘l dal-kelb li, għalkemm fih daqs nitfa, għandu bixra ta’ xi ljun żgħir. Jgħidu li għandu rasu iebsa ħafna u minħabba f’hekk hawn xi nies li tgħidx kemm jiggustawh! Il-kelb Malti (Maltese), li l-kotba jagħtu n-nisel tiegħu bħala Taljan, jgħodd ukoll mal-klieb tan-namra.

6) KLIEB OĦRA (utility/miscellaneous)

Il-klieb l-oħra li ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija minn dawk li semmejna jiġbruhom taħt din l-umbrella. Fosthom nistgħu insemmu l-Bulldog (bulldog). Dari, xi pajjiżi kellhom “drawwa” stramba li jdaħħlu barri ġo xi post pubbliku magħmul apposta u jkesksu kelb għalih. Il-kelb kien jiġi mgħallem li jaqbad il-barri minn widintu, u ġie li anke minn imnieħru, u allura jżommu u “jirbaħlu”. Il-bulldog kien “tnissel” mill-bniedem għal dil-biċċa xogħol li, b’xorti tajba, m’għadhiex moda u m’għadhiex tissemma. Kelb ieħor li jaqa’ taħt din il-kategorija hu l-poodle – li oriġina fil-Ġermanja, fejn jissejjah pudel. Il-poodle hu meqjus bħala kelb intelliġenti u li jitgħallem malajr; jintuża spiss fil-logħob taċ-ċirklu.

Il-kelb JINBAĦ (to bark), u JAGĦWI (to howl), u JIRGĦAM (to growl). Il-kelb ISUL fuq saqajh ta’ wara (to rise on its hind legs), u JITTIEGĦREK ma’ l-art (to lie on it’s back kicking it’s legs).

Il-kelb JOĦROF (to moult) jiġifieri jwaqqa’ u jibdel il-pil qisu darba fis-sena. Il-kulur tal-pil tal-klieb jista’ jkun: ISWED (black), ISWED DLAM (jet black), ISWED TUTA (blue), ISWED ILEQQ (sable); ĦARRUBI (liver), ĠLUDI (tan), QAMĦET IL-LEWN (tawny); LENKIENI (fawn); ISFAR (apricot); ĠINĠRI (gold); IXHEB (silver); BEBBUXI (brindled).

Kelb b’denbu maqtugħ jgħidulu kelb IBTAR (with a docked tail).

Il-kelb jimrad bl-GĦAŻAŻA (rabies/hydrophobia). L-għażaża hi marda li jbatu minnha l-klieb, il-qtates, il-volpijiet, u l-ilpup; u hi marda li tittieħed jekk annimal infettat jigdem annimal ieħor. Il-virus ikun fir-riq, u jekk kelb marid jigdem u jinfed fid-demm ta’ annimal ieħor, il-virus jattakka l-moħħ. Għall-ewwel il-kelb jitgħaxxex; aptitu jinbidel, jibda jiekol il-ħaxix, iz-zkuk, u anke l-ħmieġ ta’ annimali oħra. Imbagħad il-kelb jitilgħulu n-nervi, jibda jigdem u jaħtaf kull ma jiġi quddiemu, nies, annimali oħra, xkejjer, ħwejjeġ, għamara, u ġieli anke jipprova jigdem u jaħtaf l-arja. Kelb marid jaħrab u jitlaq jiġġerra għal għonq it-triq, jagħmel għal kull min jiġi quddiemu. Fl-aħħar il-kelb jipparalizza ruħu, jibbies, u jmut. Il-klieb jistgħu jittlaqmu kontra l-għażaża, għalkemm xorta jkunu għadhom fil-periklu jekk jingidmu minn annimali morda.

Il-kelb jimrad bil-ĠARAB (mange). Din hi marda tal-ġilda. Il-kelb jaqbdu l-ħakk u l-parti l-marida tal-ġilda tiħmar u jaqagħlha s-suf jew il-pil. Varjeta’ oħra ta’ l-istess marda tattakka l-ġewwieni tal-widna. Illum hawn il-mezzi għal kontra din il-marda.

Il-kelb jimrad bil-QXUR FIL-WIDNA (ear canker)

Il-kelb jimrad bl-IMĦAT (distemper). Is-sintomi jixbhu lil dawk ta’ xi ċmajra. Il-kelb jibda jirtogħod bil-bard u jitlagħlu d-deni. Għajnejh u mnifsejh jibdew inixxu u ġieli anke jingħalqulu u mnifsejh jiżżadmu għal kollox. L-annimal jibda jisleħ (jipporga s-sliħ, dijarea).

Il-kelb jimrad bil-ĦNIEX (roundworm) u bid-DUDA (tapeworm) – it-tnejn mard ta’ l-imsaren.

Il-kelb jattakkawh il-BRIEGĦED (fleas) u l-QURDIEN (ticks) li jerdgħulu demmu.

MIKLEM

 

Dogs Il-Klieb
   
Dog Kelb
Bitch Kelba
Puppy Ġeru/Ġerwa
To bark Jinbaħ
To growl Jirgħam
To howl Jagħwi
To raise its hackles Iqajjem il-munxar
Litter Boton
   
Gundog Kelb tal-kaċċa
Pointer/Setter Kelb tal-firma
Retriever Kelb tal-brakk
Spaniel/flushing dog Kelb tal-aħrax
Hound Kelb tan-naskja
Terrier Terrier
Working dog Kelb tax-xogħol
Toy dog Kelb tan-namra
Purebred Kelb tar-razza
Mongrel Kelb ta’ razza mħallta
   
Chihuahua Kelb tal-but
Pharoe’s hound Kelb tal-fenek
Alsation Kelb tal-wulf
Saluki Slugi/Kelb tal-Għarab
   
To moult Joħrof
Drooping ears Widnejn barżakka
Coat Il-Pil
Curly Innukklat
Wavy Mġiegħed
Long haired Midliel
Wiry Msebbel
Jet black Iswed dlam
Blue Iswed tuta
Sable Iswed ileqq
Liver Ħarrubi
Tan Ġludi
Tawny Qamħet il-lewn
Fawn Lenkieni
Apricot Isfar
Gold Ġinġri
Silver Ixheb
Brindled Bebbuxi
   
Flea Bergħud
Tick Qurdiena
Tapeworm Duda
Roundworm Ħniex
Rabies Għażaża
Distemper Imħat
Ear Canker Qxur fil-widna
Mange Ġarab

(C) Ġużi Gatt