Il-karnival kien jinħass fl-iskola primarja. Il-bniet ta’ Ħal Tarxien kienu jmorru l-iskola ta’ Lanzon. Din kienet dar kbira fi Triq Paola. Ħamis qabel il-Karnival il-break iż-żgħir ta’ filgħodu kien wieħed twil. Kull tifla kienet iġġib lunch’ doppju u ħafna u ħafna ħelu. Din il-waqfa itwal mis-soltu kienet issir għaliex il-Ħamis ta’ qabel Ħadd il-Karnival kien ikun Giovedi Grass.

Kitba ta’ Joseph C. Camilleri BA; DEAM; M.Ed, L-artiklu deher għall-ewwel darba, fl-Imnara 2013, Nru 37.

Il-Maltin kienu jieklu aktar mis-soltu għaliex dalwaqt kien se jibda r-Randan – żmien ta’ sawm u penitenza. L-għada l-Gimgħa kien ikun jum ta’ skola u t-tfal jerġu jidħlu l-iskola l-Erbgħa, l-għada ta’ Ras ir-Randan. Skont Lorenza Camilleri l-ikel fost il-bniet kien wieħed ftit aktar min-normali iżda ma tistax tgħid l-istess ħaġa fost is-subien. Hi kienet tiftakar membri tal-familja tagħha li kienu jieħdu l-iskola barzakka żgħira mimlija ħobż u ħelu għal dan il-jum.

SIBT IL-KARNIVAL

Is-subien kienu jinġabru fl-isqaqien ta’ Triq Santa Marija fejn kien ikollhom tappijiet tas-sufra u sulfarini. Kienu jinġabru ġo xi rokna u hemm kienu jaħarqu t-tappijiet bis-sulfarini. Wara kienu iġemmdu wiċċhom. L-aktar komuni kienu l-mustaċċi, il-moħħ – l-aktar in-naħa fuq l-għajnejn u l-ħaddejn. Xi subien kienu jġibu xi ħwejjeġ qodma ta’ xi nanna jew żija, xi bastun jew xi biċċa għodda. Min jissellef, min jiddobba u min jieħu mingħajr ma’ jgħid lil ommu. Wara issir ġirja mat-toroq ta’ Ħal Tarxien. Fl-aħħar jinġabru ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Erwieħ, iċ-ċimiterju ta’ Ħal Tarxien fost ħafna daħk u burdell.

Filgħaxija kienet issir l-aktar ħaġa mistennija tal-Karnival. Minn Wara l-Bjut, wieħed mid-distretti ta’ Ħal Tarxien, kienu joħorġu qatta qatta ġuvintur lebsin liżar abjad karti. Fil-qalba tal-liżar kienu jagħmlu żewġ toqob biex meta jpoġġu l-liżar fuq rashom fit-toroq jkunu jistgħu jaraw. Barra mil-liżar kien ikollhom l-ixkupa. Meta kien jidlam sewwa, kienu joħorġu minn xi dar fejn kienu jinġabru u jibdew iduru triq triq, sqaq sqaq. Kienu jieqfu quddiem xi dar fejn kienu jafu li kien hemm xi tfajla li huma kienu jafu sewwa. Kienu jaqbdu l-iskupa u jibdew jħabbtu fuq il-ġalleriji jew it-twieqi. Waqt li kienu jħabbtu kienu jgħajtu l-ismijiet tat-tfajliet u kliem tal-biża. ‘Dolor, l-Erwieħ ġejna għalik. Oħroġ barra biex neħduk magħna.’ ‘Mari hawn tal-Erwieħ għalik.’ Karmni oħroġ barra għax ġew għalik.’ Xi guvni li kien tafa’ għajnejh fuq xi tfajla u li hi ftit tat widen, lejla bħal dik kienet tkun okkazzjoni ta’ vendetta. Miskina dik it-tfajla matul l-iljieli tal-Karnival.

Tħabbat issa u tħabbat imbagħad,  fl-aħħar il-missier kien jitilgħulu, u tal-lożor kienu jispiċċaw maħsula b’xi barmil ilma kiesaħ kiesaħ. Tassew Karnival. Din l-istorja ‘tal-Erwieħ’ bil-lożor kienet issir f’kull lejl tal-Karnival, iżda l-aqwa lejl kien ikunu dak ta’ Sibt il-Karnival.

JIEM IL-KARNIVAL

Il-ġuvintur kienu jgħaddu l-karnival billi kienu jilbsu ta’ nisa. Kulħadd kien jiddobba stamina, ċulqana jew għonella u xi dublett. Dawk li kienu l-aktar imqarbin kienu jiġru wara x-xebbiet. Il-ġuvintur kienu jinġabru wkoll flimkien u kienu jduru mar-raħal waqt li kien hemm xi ħadd li jdoqq xi tambur jew flejguta.

IL-KARNIVAL BARRA MIR-RAĦAL

Xi familji kienu jħallu l-kenn tar-raħal u jirħulha għall-belt jew għall-Kottenera. Biex jaslu kienu jikru xi karrozzin. Ġieli kienu jieħdu magħhom xi ħadd li jaf jgħanni u xi ħadd ieħor li jaf idoqq il-kitarra. Meta jaslu l-belt kienu jixtru xi perlini jew xi biċċa prinjolata. Wara jaraw in-nies bil-kostum jimxu ‘l hawn u ‘l hinn. Xi ġuvintur kien ikollhom l-pastizzi u mhux l-ewwel darba fit-toroq tal-belt, l-aktar fi Strada Rjali (illum Triq ir-Repubblika)  kien ikun hemm xi battalja tal-pastizzi. Ġieli minflok il-pastizzi kien ikun hemm it-tfigħ tal-karti. Anke l-pulizija ġieli kien ikun il-mira tal-karti.

IL-KNISJA F’JIEM IL-KARNIVAL

Fil-knisja parrokkjali kienet issir l-espożizzjoni tas-Sagrament. Billi kien jintuża l-artal il-maġġur, kienu jżejnu dan l-artal bix-xemgħat u fjuri bojod. Meta fetħu il-qasam tal-Mużew, dawn kienu jiġbru lit-tfal tar-raħal u wara xi ħarġa, it-tfal kienu jispiċċaw il-qasam tagħhom biex jgħidu xi talba. Il-kappillan u l-qassisin kien jinsistu mat-tfal u maż-żgħażagħ li jekk xi ħadd jilbes il-maskra tal-karnival, fil-Ħadd ta’ wara kellu jmur  sa Ħaż-Żabbar biex f’dak il-jum magħruf bħala Ħadd in-Nies iżur il-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Grazzja mal-pellegrini l-oħra biex jitolbu għad-dnubijiet li kienu għamlu. Għat-Tarxiniżi, Ħaż-Żabbar kien tefgħa ta’ ġebla bogħod.

Fil-jiem tal-Karnival kulħadd kien jiblieħ. Min kien jilbes tal-Erwieħ – ħaġa tipika Tarxiniża, min jilbes ta’ mara, min imur il-knisja biex jitlob, min jibgħat lit-tfal ma’ tal-Mużew. Min kien ikollu l-okkazzjoni għal biċċa prinjolata u għal xi żewġ perlini. Kulħadd kien jiblieħ u kulħadd kien kuntent. Wara l-aħħar jum tal-Karnival ikun Ras ir-Randan. Jibda s-sawm, tibda l-penitenza. Il-ġmied fuq il-wiċċ jispiċċa, l-lizar bit-toqob jintrefa fil-kexxun tal-gradenza, u kulħadd għal ħajja ta’ kuljum.

Ritratt antik ta’ Ħadd in-Nies (mill-internet)

Ritratt antik tal-Karnival ġewwa l-Belt (mill-internet)

Joseph C. Camilleri (C) 

Dan it-tagħrif kollu nġabar mill-awtur ta’ dan l-artiklu wara intervisti li kien għamel lil ommu – Lorenza Camilleri (1921-2013). Lorenza għexet ħajjitha kollha f’Ħal Tarxien sakemm marret toqgħod f’San Vinċenz.