Iż-żewġ artikli fuq il-ĦOBŻ TAL-MALTI li dehru f’ilmiklem.com ftit taż-żmien ilu marru tajjeb ħafna mal-qarrejja tagħna.  Tieħu pjeċir ta’ mitt skud tara l-Maltin u l-Għawdxin jerġgħu jmiddu jdejhom biex jagħġnu l-għaġina u jaħmu ħobżhom ġewwa darhom stess.  L-artikli ta’ qabel tistgħu issibuhom HAWN u HAWN.

Din id-darba qegħdin inġibu silta oħra minn kapitlu itwal li kien deher fit-tieni volum tal-ktieb Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt.  

Minn dan il-kapitlu twil, din id-darba għażilna s-silta ta’

KIF IL-FORN MALTI SAR FORN INGLIŻ

Fl-2001, deher artiklu fil-gazzetta Il-Ġens Illum, fuq forn magħruf ħafna fiż-Żejtun: il-forn Ta’ Barbetta.[1]  Dan il-forn jien nafu sew.  Għadni nxomm fi mnifsejja r-riħa taqsam il-qlub, tal-biskuttelli, il-kagħak tal-kafe, il-buns, u l-kejkijiet, li Mikiel Zammit, Ta’ Barbetta, kien joħroġ mill-forn ta’ kuljum.  Fl-artiklu jissema l-fatt li Ta’ Barbetta kienu jagħmlu wkoll il-“ħobż fancy” minn “snin qabel il-gwerra”, u li dan il-ħobż kien ikun “ta’ ratal u kwart”.   Rigward x’kien dan il-ħobż fancy, fl-artiklu jissemma biss il-“ħobż tal-kexxun” u “ħobż tond”[2], u l-kitba tkompli hekk:

“Mikiel jispjega li d-differenza qiegħda biss fil-ħmira.  Biex jagħmel il-ħobż Malti, il-furnar iħalli biċċa ħmira għall-ġurnata ta’ wara.  Għall-ħobż fancy juża ħmira ta’ barra.”[3]

M’għandux ikollna dubju li dan il-ħobż beda jsir fil-fran tagħna taħt l-influwenza tal-Ingliżi.  Biżżejjed ngħidu li ommi, il-“ħobż tond” ta’ Barbetta kienet tafu bħala ĦOBŻ TAL-ISPANĊ (sponge).  Ommi minn dejjem tgħid li ommha (n-nanna) kienet tmur tixtri ħobża tal-ispanċ m’għand Barbetta meta d-dar kien ikun hemm xi ħadd marid!  Il-ħobża tal-ispanċ kienet xi sitt ħabbiet ogħla mill-ħobż l-ieħor tal-Malti; imma l-marid kellu bżonn ħobż daqsxejn fin.  Bis-saħħa tal-marid, il-kumplament tal-familja kien immissha xi loqma wkoll, u bil-ħobża tal-ispanċ m’għand Barbetta, il-marid malajr kien ifiq u jirpilja!  Il-kelma “sponge” ġiet għandna mill-Ingliż, u għandha tinftiehem għal dik it-taħlita ta’ ħmira u metodu ta’ sajran li tana wkoll l-isponge cake.[4]

Kif diġa għidna fit-taqsima fuq il-ħobż tal-Malti, il-ħmira ta’ barra ilha ħafna li deffset imneħirha fil-fran tagħna.  Għan-nies ta’ żmieni, dak li Barbetta jsejjaħlu “ħobż fancy” iktar kien magħruf bħala ĦOBŻ TAL-FRANĊIŻ.  Dan l-isem ma waqgħax mis-sema.  L-influwenza tal-kultura Franċiża f’Malta ma kinitx limitata biss għal dawk is-sentejn li l-Franċiżi damu jaħkmu ‘l Malta, imma kienet diġa qawwija ħafna fl-aħħar snin tal-Kavallieri f’Malta.[5]  Fi żmien l-Ingliżi, il-fran tan-NAAFI komplew fejn ħalliet il-kultura Franċiża.  Storja oħra li tgħid ommi hi dik li missierha (n-nannu) kull nhar ta’ Ġimgħa kien jaqbad il-paġa f’idu, u malli kien joħroġ mill-bieb tat-Tarzna fejn kien jaħdem, kien isib għadd kbir ta’ bejjiegħa jbiegħu minn kull xorta ta’ ġid.  In-nannu kien iħobb jixtri ftit ĦOBŻ TAL-BIRRA minn quddiem il-bieb tat-Tarzna u jieħdu miegħu d-dar.   Il-ħobż tal-birra sibt ħafna min sema’ bih, imma ma sibt lil ħadd jgħidli min kien jagħmlu.  X’aktarx li kien joħroġ ukoll mill-fran tan-NAAFI.  Skont il-Wikipedia, tard fis-seklu 19, il-bniedem irnexxielu għall-ewwel darba jagħmel il-ħobż mill-ĦMIRA TAL-BIRRA (beer yeast) u mhux bis-sistema ta’ qabel – jiġifieri billi jħalli biċċa għaġina minn tal-bieraħ.  Jidher li l-ewwel m’għamlu dan kienu l-Awtrijaċi.  Fil-Wirja Internazzjonali ta’ Pariġi (Paris Exhibition) tal-1867,  intwera għall-ewwel darba il-Kaiser-Semmel, magħmul Vjenna u, ftit ftit, dan it-tip ta’ ħobż beda jsir f’ħafna pajjiżi oħra.[6]

Tip ta’ ħobż tal-Franċiż li rnexxa ħafna f’Malta hu dak li nafuh bħala l-BEZZUN.  Dan kien popolari ħafna fi żmieni, u għadu jsir, għalkemm issa daħlu wkoll fis-suq ilBAGUETTE, iċ-CIABBATTA, u forsi wieħed jista’ jsemmi wkoll il-PANINA.  

Ritratt tal-mudell tal-forn tradizzjonali Malti li bena Gużeppi Ellul, il-Boqboq, minn Ħal Qormi, li qatta’ għomru u żmienu jaħmi l-ħobż tal-Malti.  Ir-ritratt tal-mudell ittieħed minn iben Ġużeppi – Ivan

FORN MALTI U FORN INGLIŻ

Il-familja Zammit, Ta’ Barbetta, miż-Żejtun, ilha ħafna bil-forn; bil-mistier jgħaddi mill-missier għall-iben.  Fl-artiklu li diġa semmejna aktar ‘il fuq, miktub minn Marselle Delicata, insibu din is-silta:

Grezzju seta’ jibqa’ jaħdem ma’ missierugħax ix-xogħol kien sejjer tajjebiżda ried jarma għal rasu peress li kien wasal biex jieħu l-istat tiegħu.

Grezzju żżewweġ fl-1915 lil Karmena Fenech minn Wied il-Għajn.  Il-forn il-ġdid tiegħu kien ukoll la Maltija.  Hu wkoll kien juża x-xewk biex jaħmi l-forn.  Il-ħajja kienet iebsa.  Biżżejjed ngħidu li, dak iż-żmien, it-tagħġin (sic) tad-dqiq kien isir kollu bl-idejn.

Fl-1918 Grezzju xtara biċċa art kbira faċċata tal-forn tiegħu.  Ix-xewqa kienet dejjem li jkabbar.  In-negozju kien sejjer tajjeb u l-familja kienet bdiet tikber ġmielha.

Fuq din l-art bena dar b’żewġ fran jinfdu magħha.  Din id-darba l-fran kienu la Ingliża.  Kull wieħed kellu gulley fil-ġenb.  Dawn il-fran kellhom ċumnija komuni.  Grezzju baqa’ jagħġen id-dqiq bl-idejn ġo l-imliebi jew mejjilli tal-injam.”[7]

Mela l-ewwel forn ta’ Grezzju, fl-1915, kien għadu stil Malti, imma dak li bena ftit tas-snin wara, fuq art li xtara fl-1918, kien FORN INGLIŻ, bil-gulley fil-ġenb.  M’hemmx dubju li dan kien fenominu li kien qed jiġri f’Malta kollha fis-snin ta’ ftit qabel il-gwerra:  il-“forn Ingliż” kien qed jaqlibha lill-forn Malti.

L-Ingliżi kienu ilhom iberrqu għajnejhom u ħsiebhom fil-proċess ta’ kif kien isir il-ħobż f’Malta.  Il-fatt li l-għaġina kienet għadha tingħaġen bl-idejn u s-saqajn kien idejjaqhom.  U kienu jkemmxu xuftejhom ukoll għall-fatt li l-ħatab kien għadu jitqabbad fuq l-istess qiegħa tal-forn fejn imbagħad kien jitqiegħed il-ħobż –  allavolja, wieħed irid jgħid, din is-sistema kienet komuni f’ħafna pajjiżi oħra tal-Ewropa.  Ilkoll nafu li l-fran Taljani kienu jużaw din is-sistema wkoll, u t-Taljani għadhom sallum kburin ħafna bil-“forno a legna” tagħhom.  Meta jiġi xi Sqalli u jarma f’Malta b’xi wieħed minnhom, bil-kemm ma nħossux li għamel xi bravura. Imma gerger minn hawn u mbotta minn hemm, l-awtoritajiet lill-forn tagħna rnexxielhom jeqirduh, u mis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor ‘il hawn, kull min bena forn ġdid kien x’aktarx jara li fil-ġenb ikollu kaxxa, wieqfa u tawwalija, magħmula mill-ħadid fondut.  Il-kaxxa kienet ħafna drabi tkun magħmula f’waħda mill-“inġineriji” privati li kien hemm il-Marsa, u kien ikollha żewġ taqsimiet: fuq nett kien hemm il-GULLEY, u taħt il-gulley kien hemm is-SENTINA.  Iż-żewġ taqsimiet kienu jingħalqu b’bieba tqila tal-ħadid.

Il-prinċipju kien wieħed sempliċi:  il-gulley kien jinfed għal ġol-forn, u l-art tiegħu kienet invell mal-qiegħa tal-forn.  Il-ħatab kien jitqiegħed ġol-gulley, u mhux aktar fuq il-qiegħa tal-forn, filwaqt li l-art tal-gulley ma kinetx tkun lixxa u sħiħa, imma kienet magħmula minn gradilja tal-ħadid.  Il-ħsieb kien li meta l-ħatab jinħaraq u jsir ġamar, u l-ġamar isir irmied, l-irmied u l-ġamar irqiq jaqa’ għal isfel minn bejn il-ħadid tal-gradilja u jiġi fis-sentina.  Jiġifieri s-sentina ħadet post il-QANJA.

Disinn li juri l-kaxxa tal-GALI, maqsuma min-nofs biex jidher x’hemm ġewwa.

Minbarra gali (gulley) u sentina, l-forn Ingliż x’aktarx li kien ikollu wkoll VENTILATUR TAĊ-ĊUMNIJA, li kien magħruf ukoll bl-isem Ingliż tiegħu: DAMPER.  Il-ventilatur seta’ jinfetaħ u jingħalaq.  Żeppi Ellul, il-Boqboq, qalli li l-gali ried jimtela bejn sitta u seba’ darbiet bil-ħatab biex il-forn jisħon kemm hemm bżonn.  Meta l-ħuġġieġa tkun qed tfernaq u tħeġġeġ fil-gali, il-furnar kien jiftaħ il-ventilatur, li  kien jagħti għaċ-ċumnija, biex bil-kurrent li jgħaddi minnu, n-nar jinġibed u l-ilsna tiegħu iduru mal-forn kollu.  Ġaladarba l-forn ikun saħan biżżejjed, il-ventilatur jingħalaq ħalli s-sħana tibqa’ ġewwa.

Bl-ilsna tan-nar iduru mal-forn, l-irmied u l-ġamar tal-ħuġġieġa xorta kien itir u jaqa’ fuq il-qiegħa tal-forn.  Allura l-KENNIESA baqgħet tintuża xorta, biex tnaddaf il-qiegħa qabel mal-ħabbież jibda jaħbeż.  Jiġifieri għalkemm l-awtoritajiet Ingliżi rnexxielhom jeqirdu l-forn Malti, fil-prattika ftit li xejn inbidel fil-proċess.  X’kenniesa hi li qed insemmu?

Il-forn Malti, qabel ma sar forn Ingliż, kien jinħema billi l-furnar jitfa’ l-ħatab, ix-xewk, is-sagħtar, it-tullier, jew li jkollu, fuq il-qiegħa tal-forn, in-naħa ta’ ġewwa.  Il-forn irid xi siegħa nar biex jisħon, jekk mhux iktar; imma f’xi ħin jew ieħor il-furnar irid jiddeċiedi l-forn ikunx saħan biżżejjed.   Furnara differenti kellhom il-mod tagħhom ta’ kif jiddeċiedu.  Kien hemm min idaħħal il-keff (jew il-pala) t’idu fil-forn, u mis-sħana li jħoss fuq idu miftuħa jkun jaf il-forn fiex inhu.  Kien hemm min kien jitfa’ ftit dqiq fuq il-qiegħa tal-forn, u mill-mod ta’ kif id-dqiq jisfar, ikun jaf hemmx sħana biżżejjed.  Imma dawk li kellhom fran magħmula mill-ġebla tar-ratba, jiġifieri l-ġebla t’Għawdex li minnha kienu jsiru wkoll il-kwiener, kienu x’aktarx iħarsu lejn il-ġebel tal-koppla.  Meta l-forn ikun inkewa biżżejjed, il-ġebla kienet “tiħmar”, jew l-ewwel tiħmar imbagħad “tibjad”.

Il-Forn Malti: Il-QANJA tkun fuq ġewwanett, mal-ġnub tal-ĦOĠOR.  Il-FORNA hi l-forn iż-żgħir li jiddaħħal fl-ispazju li jifdal fil-wisa’ tal-kamra.

Jekk il-forn ikun forn Malti, meta l-furnar jidhirlu li l-forn m’għandux bżonn iktar nar, jaqbad biċċa għodda li tissejjaħ il-ĠEBBIEDA, li tkun tal-ħadid, u biha jiġbed il-ġamar u l-irmied tal-ħuġġieġa li jkun għad hemm fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-forn.  Bil-ġebbieda l-furnar jiġbed il-ġamar ‘il barra, minn ġol-bieba tal-forn dritt għal fuq il-ĦOĠOR – u minn ġol-ħoġor dritt għal ġol-QÂNJA.  L-għarfien ta’ din il-kelma hu mportanti li ma jintilifx.  Il-kelma għandha tingħad bl-ewwel vokali twila – biex taqbel mal-kelma “għanja”.  Sa ftit ilu kien ikolli ngħid li dil-kelma smajtha tingħad biss f’Għawdex, imma f’Settembru tal-2012 qalhieli Nenu Delia, tal-Għasli, li missieru kellu l-forn f’Misraħ il-Bjar, ir-Raħal t’Isfel, iż-Żejtun.  Meta qalhieli, Nenu Delia ma kellux ħafna żmien – xi ħaġa fuq is-sittin sena.  Il-QÂNJA, meta l-forn kien għadu Malti ta’ veru, kienet tkun fuq in-naħa ta’ ġewwanett tal-ħoġor, kif jidher fid-disinn.  Fil-qanja kien jintefa’ l-ġamar u l-irmied li joħroġ minn fuq il-qiegħa tal-forn, u dan l-irmied kien jintuża biex issir il-lissija għall-ħasil tal-ħwejjeġ.

Il-ġebbieda u l-kenniesa

 

Intant, meta l-ġamar ikun inġibed ‘il barra bil-ġebbieda u tgeddes f’postu fil-qanja, il-furnar kien jaqbad biċċa għodda oħra li tissejjah il-KENNIESA, u biha jnaddaf il-qiegħa tal-forn minn xi rmied li jkun baqa’.  Il-kenniesa kienet magħmula minn lasta twila tal-injam, li f’tarf minnhom kien ikollha biċċa xkora mdawra magħha u marbuta bl-ispag.  Il-furnar kien idaħħal il-lasta ġol-forn, u bl-ixkora jiknes il-qiegħa u jnaddafha mill-ftit irmied li l-ġebbieda ma jkunx irnexxielha taqbad.

Jiġifieri kulma għamlu l-Ingliżi kien li qerdulna l-forno a legna tagħna, biex issa noqgħodu nħarsu b’ħalqna miftuħ lejn il-forn li jdaħħlu l-Isqallin.

IL-MIKLEM TAL-FORN TAL-ĦOBŻ TAL-MALTI

Il-Malti dari għal kollox kellu kelma.  Din hi l-lista tal-ħaddiema li dari kont issib ġol-forn.  L-GĦAĠĠIEN, li jagħġen l-għaġina, il-ĦABBIEŻ hu dak li jdaħħal il-ħobż nej fil-forn, l-GĦERRIEKA huma dawk li jqattgħu l-għaġina u jiżnuha, il-KEBBIEB hu dak li jkebbeb l-għaġina miżuna u jagħmilha ballun lesta biex tidħol fuq il-qiegħa tal-forn.  M’għandniex xi ngħidu, fuq kollox u fuq kulħadd kien hemm l-IMGĦALLEM, sid il-forn.

Hawn taħt ġbarna ħafna mill-kliem li hu marbut mas-sengħa tal-furnar:

Il-Qiegħa L-art tal-forn, ġewwa l-koppla.
Il-Forna Forn żgħir, x’aktarx mibni ħdejn il-forn ikbar ta’ maġenbu.
   
Il-Ħażżiena Kamra fuq is-saqaf tal-forn, fejn jinħażen il- ħatab.
                                                             
Il-Qânja Bħal ħoġor magħmul miċ-ċangatura, quddiem

il-bieba tal-forn, u fir-rokna tiegħu jitgeddes il- ġamar għadu jikwi li jinħareġ minn fuq il-qiegħa tal-forn.

   
Il-Pala (tal-ħabża) Tintuża biex jiddaħħal il-ħobż nej ġol-forn.   
Il-Palun Jintuża biex jinħareġ il-ħobż il-misjur mill-forn.
Il-Kenniesa Tintuża biex tiknes u tnaddaf il-qiegħa tal-forn.
Il-Ġebbieda Tiġbed ‘il barra l-ġamar minn fuq il-qiegħa.
Qabs Ftit ħatab irqiq biex tqabbad.
   
Ħobża tal-Ġenba Ħobża li tkun imbewsa minn naħa waħda biss.
Ħobża tas-Sikkina Ħobża li jkollha qatgħa bis-sikkina fil-wiċċ.
Ħobża tal-Kexxun Ħobża moħmija ġo kexxun tal-landa, u mhux fuq il-qiegħa.
 
Ħobż tal-Maħlut Ħobż magħmul minn taħlita ta’ qamħ u xgħir.
Ħobż ismar Ħobż magħmul mid-dqiq mhux mgħarbul, u allura għad hemm fih il-partijiet kollha tal-qamħa.  Billi fi żmienna m’għadniex naħsbu bil-Malti, dan issa jgħidulu wholemeal.
   
Ħobż tal-Birra Ħobż maħmul bil-ħmira tal-birra.
Ħbejża Ħobża żgħira.
Ftira Ħobża ċatta.
Fettul Ħobża tawwalija.
Kagħka Għaġina moħmija f’għamla tonda,
Xuwa/Xiwa roast.
Xawwata Focaccia, kull waħda mill-ikliet li jkun hemm fix-xuwa.
 
Lbieba Il-parti r-ratba tal-ħobża.
(C) Ġużi Gatt

Ritratt ieħor tal-mudell tal-forn tradizzjonali Malti ta’ Gużeppi Ellul, il-Boqboq, minn Ħal Qormi. Ir-ritratt tal-mudell ittieħed minn iben Ġużeppi – Ivan

 

REFERENZI

[1]  Marcelle Delicata, “Ta’ Barbetta – il-forn fiż-Żejtun”,  Il-Ġens Illum,  Is-Sibt 7 ta’ April, 2001,  paġna 18-19.

[2] Ibid., 19

[3] Ibid., 19

[4] Ara Sponge and Dough, fil-Wikipedia

[5] Fuq dan is-suġġett ara l-ktieb ta’ NOEL CARUANA DINGLI, The French Language in Malta and the Napoleonic Period, Malta, Progress Press, 2002.

[6] Ara Vienna Bread, fil-Wikipedia

[7] Marcelle Delicata, “Ta’ Barbetta – il-forn fiż-Żejtun”,  Il-Ġens Illum,  Is-Sibt 7 ta’ April, 2001,  paġna 18.