Malta aktarx li hu l-uniku pajjiż fid-dinja fejn in-nies donnhom li għalqu l-bibien ta’ qalbhom u neħħew minn rashom kull tifkira, li dari żgur kellhom, tal-persunaġġi tal-fantasija li jeżistu fil-lingwa u l-kultura tagħhom.

Kitba ta’ Ġużi Gatt.

Jekk jogħġobkom issemmulix lil ĠAĦANDan għadu xi ftit magħruf fostna imma, minkejja kollox, spiċċa karattru daqsxejn taż-żufjett u m’għandux il-ħakma fuq moħħ in-nies li għandhom karattri ta’ ġnus oħra. Il-ĦARES ukoll spiċċa jagħmel parti mid-dinja tan-nanna Gerit u illum ftit hawn min għadu jagħti kasu. Ħaddieħor għandu l-fairies, u lpixies, u lil Superman, u lil Batman, u lil Father Christmas, u lil La Befana, u lil Pinokkjo, u l-Drakula, u l-Frankenstein, u aħna kuntenti nilludu ruħna li dawn il-karattri huma tagħna, meta fil-fatt m’humiex. Kuntenti nbossu b’sorm ħaddieħor u lil tagħna nagħtuh bis-sieq. Għax moħbija bejn il-versi tal-ilsien Malti, karattri tal-fantasija HEMM – imma ma rridux nafu bihom. Il-Ħares hi kelma li tfisser “gwardjan/għassies” – xi ħadd li qed iħares x’imkien jew xi ħaġa (mhux veru li ġejja mill-kelma Latina Lares, imma minn għerq ta’ verb Malti, bħal meta ngħidu “Alla jħarisna” jew “Alla ħares”). Mela l-Ħares hu għassies u hu differenti minn Ruħ jew Fatat; u l-istejjer tal-Ħares li nafu bihom, u li huma tassew stejjer tal-Ħares u mhux stejjer tal-erwieħ, juruk li l-Ħares hu persunaġġ differenti minn ruħ jew fatat. Il-kelma “GĦAFRIT”, dari komuni ħafna, llum qed tintnesa. L-GĦUL diġa ntnesa, imma dari kien magħruf ħafna, kemm hu u kemm in-NANNA GĦULA.   IL-ĦARES, L-GĦAFRIT, IL-GĦUL, L-ORS TAL-GANDLORA, IT-TORK TAT-TARAĠ, IL-WAĦX, IR-RUĦ, IL-FATAT, IL-BELLIEGĦA, IL-ĠGANTI, IL-GAWGAW, IS-SERP TAS-SEBA’ RJUS, IR-RAĠEL TAT-TIBEN, IL-MINGĦUL u L-MNIEGĦEL – f’dawn l-aħħar snin qed isiru sforzi biex forsi jirnexxielna naħtfu lil dawn il-karattri minn xifer l-abbiss tal-estinzjoni, u minflok jintilfu għal dejjem, jitlibbsu libsa ġdida li tgħodd għal żmienna.[1]  Nagħmluha ċara li aħna ma nemmnux bil-Ħares u bl-Għefieret, imma nafu li dawn huma wirt kulturali tagħna wkoll, u m’għandhomx jintremew.

Fis-sena 2002, Alla jaħfirlu Anton F. Attard, folklorista Għawdxi li ħadem ħafna b’risq l-ilsien Malti, ħareġ il-ktieb Mid-Dinja tas-Seħer u l-Folklor. Fil-ktieb hemm ġabra ta’ tagħrif siewi ferm, u fih deskrizzjoni qasira ta’ mhux inqas minn tmienja u sebgħin karattru tal-fantasija, oġġetti tas-seħer, u mkejjen tal-għaġeb li jeżistu biss fil-ħrejjef Maltin.[2]  Kien dal-ktieb (fost l-oħrajn) li liehem lili u lil Mikiel Galea biex nibdew noħorġu dawk li sejjaħnielhom Il-Komiks tas-Sikkina, u nistgħu ngħidu wkoll li kien hu li liehem lil Stephan D. Mifsud biex joħroġ il-ktieb tiegħu li se nsemmu aktar ‘l isfel. Fil-ktieb ta’ Anton F. Attard sar sforz żgħir biex titpenġa s-sura ta’ xi karattri, imma nħossu li l-isforz li sar ma kienx biżżejjed.

Imbagħad fl-2014, Stephan D. Mifsud ħareġ bil-ktieb The Maltese Bestiary,[3] li ġabar fih il-karattri kollha ta’ qabel, u kompla żied magħhom.  Il-ktieb inħataf għax fil-fatt mela vojt kbir fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna.  Din id-darba it-tpenġijiet fil-ktieb kienu ferm aħjar.  Wieħed irid jgħid ukoll li bejn Ottubru u Novembru tal-2016, l-artist Joseph Bugeja għamel wirja il-Belt Valletta li semmiha Hotel Babaw. Fil-wirja kellu rappreżentazzjoni ta’ ħafna karattri tal-fantasija Maltin. Min irid jara x-xogħol ta’ dan l-artist bravu jista’ jarah hawn, imma xorta naħsbu u nħossu li għad fadal ħafna biex il-Maltin u l-Għawdxin jaraw stampa ta’ karattru u jagħrfu dan il-karattru tal-fantasija min hu jew min hi.

Dan li ġej hu sforz biex, forsi għall-ewwel darba, dawn il-karattri jkollhom l-ikonografija tagħhom stabbilita fuq bażi soda.  Billi aħna nħossu li din l-ikonografija s’issa ma teżistix, u billi l-letteratura Maltija u l-folklor Malti mhux dejjem jgħinuna b’deskrizzjonijiet ċari tad-dehra u s-sura ta’ dawn il-karattri Maltin tal-fantasija, ikollna bilfors nieħdu ħafna liċenzja artistika, u nippruvaw nimlew il-vojt li jeżisti billi nfittxu fil-kuriduri ta’ moħħna u noħolqu minn żniedna biex insibu mod kif inpenġu lil dawn il-ħlejjaq.  Qagħdna ħafna fuq l-istħajjil ta’ moħħna, imma fittixna dejjem li nibnu fuq dak li hu magħruf, u dak li hu tagħna, megħjuna mit-trobbija “Maltija” li kellna fi tfulitna.  It-tama tagħna hi li din l-ikonografija li qed noħolqu aħna, tiġi aċċettata mill-Maltin, u jibda jkollna mod ta’ kif inpenġu l-Ħares, il-Gawgaw, l-Belliegħa, u l-bqija tal-karattri tal-fantasija li għandna, ħalli nkunu nistgħu ngħadduhom lil uliedna.  Fl-istess ħin, jekk l-ikonografija tagħna ma tintogħġobx, qed nagħtu biżżejjed tagħrif fuq il-karatteristiċi ta’ kull karattru, biex ħaddieħor jipprova jagħmel aħjar minna.

Fil-qasam tal-kitba tal-fantasija, l-istampi huma indispensabbli.  Biex nieħdu eżempju: tista’ inti timmaġina l-ktieb Alice in Wonderland mingħajr dawk l-illustrazzjonijiet sublimi ta’ John Tenniel?  Ma tistax, le.  Impossibbli.  Jgħidu li Tenniel kellu struzzjonijiet preċiżi minn għand l-awtur tal-ktieb (Charles Dodgson li mbagħad ħa l-isem ta’ Lewis Carol) dwar x’għandu jpenġi, u jingħad ukoll li Dodgson kien kważi ġennu lil Tenniel bil-fittaġni tiegħu u bl-insistenza tiegħu li Tenniel ipenġi biss dak li Dodgson deherlu li kien aċċettabbli għalih. Ir-riżultat hu li min għandu rasu fuq għonqu jaf li l-krettu ta’ dil-ġawhra letterarja Alice in Wonderland għandu jingħata lil John Tenniel daqskemm għandu jingħata wkoll lil Lewis Carol.  Il-kitba u l-istampi huma issa marbuta flimkien fl-immaġinazzjoni kollettiva tagħna, u saru ħaġa waħda.

Jien personali nista’ nifhem il-fittaġni ta’ Charles Dodgson għax jien ukoll kelli ħafna problemi ma’ artisti li ma tawnix dak li xtaqt.  B’xorti ħażina, għalkemm jien għandi ftit talent fit-tpenġija, ma nafx biżżejjed biex noħloq l-ikonografija ta’ dawn il-karattri Maltin waħdi.  Kelli bilfors niddependi fuq ħaddieħor.  Dendilt il-geddum u sewwidt qalbi meta deher li s-soċjeta’ Maltija ma kelliex fiha t-talent li tagħtini dak li jien ħassejt li hu meħtieġ.  B’xorti tajba, staqsi minn hawn u fittex minn hemm, għamilt kuntatt ma’ John Spiteri Gingell u ma’ Richard Bartolo.  Bartolo hu membru tal-Malta Modeling Society, u jagħmel statwetti żgħar ta’, fost l-oħrajn, suldati tal-epoka u karattri mitoloġiċi.  Bartolo ħa paċenzja bl-istruzzjonijiet tiegħi u tani xogħol li hu aċċettabbli ferm għalija.  L-istatwetti ta’ Bartolo mbagħad għaddew għal għand Spiteri Gingell li ħa ritratti minn kull angolu ta’ dawn l-istatwetti u, bil-maġija tiegħu, bidel ix-xbiehat bil-mezzi li tipprovdi l-Informazzjoni Teknoloġika (I.T.) ta’ żmienna.  Imma b’xorti ħażina, ir-ritratti tal-istatwetti mhux dejjem irnexxew.  Spiss ħassejna li x-xbiha fir-ritratt ma kellhiex dik is-saħħa u l-attrazzjoni fiżika li biha setgħet tinħabb u titħaddan mill-pubbliku tagħna llum.

B’xorti tajba, ltqajt mal-artist grafiku Eric Leone u, bejn billi qara l-kitba tiegħi fuq kull karattru, bejn billi ra l-istatwetti li kienu diġa saru, bejn bl-ispjegazzjonijiet tiegħi wiċċ imb’wiċċ, imma l-aktar b’ħafna sabar u rieda tajba min-naħa tiegħu, wasalna fi stat li nistgħu noħorġu fil-pubbliku dan it-tagħrif u din l-ikonografija.  Ħabib indispensabbli f’din il-biċċa xogħol kien Mikiel Galea, li kien jimxi pass pass megħi sa mill-bidu nett.

Tajjeb li nerġa’ ngħid Ii t-tama tagħna hi li dawn l-istampi, jiġifieri l-ikonografija li qed nippruvaw noħolqu, jiġu aċċettati mill-poplu Malti, u li l-għalliema u l-kittieba jużawhom u jinvestu t-talenti tagħhom fihom biex il-fenominu jikber u tkompli tistagħna l-kultura Maltija.  Tajjeb li nerġa’ ngħid ukoll li jekk hemm min iħoss li l-istampi, jew l-ikonografija li qegħdin ninbuttaw aħna mhix tajba biżżejjed, nittamaw li talanqas il-kitba tliehem lil ħaddieħor biex jagħmel xi ħaġa aħjar milli għamilna aħna.  Nixtiequ li, x’aktarx għall-ewwel darba fil-kultura tagħna, nagħtu d-dettalji li hemm bżonn biex ħafna mill-karattri tal-fantasija li hemm moħbija fis-subkonxju tagħna jingħataw sura li tingħaraf.  Mel’ejja nibdew:

IL-ĦARES

L-ewwel karattru li nixtiequ nsalvaw mill-għarqa hu l-ĦARES.  Il-Ħares m’huwiex l-istess ħaġa bħal RUĦ.  Le.  Diġa għidna li mhux minnu li l-kelma Ħares ġejja mil-Latin Lares.   “Ħares” tfisser “gwardjan”, xi ħadd li qed “iħares”, jiġifieri “jipproteġi” x’imkien jew xi ħaġa. Ngħidu aħna f’ċertu lingwi, il-goalkeeper fil-logħba tal-futbol jissejjaħ “il-ħares” – għax qed iħares, jiġifieri jipproteġi, il-lasta – Il-ballun irid jidħol ġewwa u hu jgħidlu “le, ma tidħolx”.   U hu preċiż dan li jagħmel il-Ħares fl-“istejjer tal-Ħares”: Int tidħol f’dar, u issib li l-Ħares diġa qiegħed hemm; diġa’ daħal fiha qablek.  Dan jew għandu pjeċir bik, jew m’għandux.  Jekk għandu pjeċir bik ħafna drabi jagħtik mqar il-flus.  Il-Ħares kien magħruf li kellu ħafna flus, u kien iżommhom dejjem f’muniti tad-deheb.  Imma jekk jagħtik xi ħaġa, l-Ħares kien jagħmillek dejjem ħafna kundizzjonijiet.  U jekk m’għandux pjeċir bik, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.  Dawn l-istejjer li ġejjin, jien trabbejt nismagħhom minn tfuliti.  Kienet tgħidhom ommi, Alla jaħfrilha, u kienet temminhom bla ma qatt kien jgħaddilha minn rasha li setgħu ma kinux minnhom.  In-nies imdaħħlin f’dawn l-istejjer, kienet issemmihomlok bil-laqam, u tgħidlek ukoll fejn kienu joqgħodu.  Ngħidu aħna lil wieħed jgħidulu “il-Labak”, li kien joqgħod qrib ħafna ta’ Karmnu l-Barbier, iż-Żejtun, il-Ħares kien fawru bil-flus, imma qallu: “Jekk tiekol biċċa ġobon noqtlok!”. U hekk kien, għax kiel il-ġobon u miet!  Jew inkella lill-Farruwwa kien ukoll taha ħafna flus, imma qallha: “Titkellem xejn ma ħadd”.  Tkellmet, u l-flus sarulha qxur tal-bebbux.  Imma mbagħad omm Lonzu tal-baqar  kienet daħlet f’dar u l-Ħares qallha: “Jekk ma toħroġx, joħorġuk erba’!”  U hekk kien għax bil-qatgħa li ħadet mietet u ħarġet mid-dar mkeffna ġo tebut merfugħ minn erba’ reffiegħa!

Imma l-Ħares kif kien meta tarah?  Minbarra li kien ikrah, ftit li xejn nafu.  Nafu li hu raġel, mhux mara (Il-mara tiegħu jgħidulha “il-Ħaddiela” imma fuq din nitkellmu aktar tard).  Nafu li kellu erbat iswaba’ u mhux ħamsa.  Ma kellux behem (thumb), allura ma setgħax, ngħidu aħna, jifgak; u ma setgħax jagħfas il-grillu u jispara xkubetta.  Imma xorta trid toqgħod attent minnu għax kien kapaċi jagħtik xebgħa tajba.  Ngħidu aħna lil Flora oħt Ninu ta’ Menzju, il-Ħares kien taha xebgħa kbira u baqgħet b’ħalqha mgħawweġ u wiċċha mfattar għomorha kollu!  Nafu wkoll li l-Ħares seta’ jieħu s-sura ta’ kelb – kelb iswed u ikrah; jew qattus kbir, iswed ukoll; jew anke sura ta’ serp – serp iswed.[4]  Insibu wkoll li hawn min rah “liebes ta’ Tork”, u li x’aktarx għandu denb twil ukoll.

Meta tħares lejn sieq ta’ kelb jew ta’ qattus u tifliha sewwa, issib li l-erbat iswaba’ u l-erbat idwiefer ta’ quddiem jidhru ferm iktar u huma ikbar mill-ħames wieħed.  Il-ħames subgħa, il-behem, qiegħed hemm ukoll, imma jkun moħbi fuq wara jew fil-ġenb tas-sieq; żgħir u kważi bla użu.  Il-Ħares ukoll għandu erbat iswaba, u billi kemm-il darba rawh f’sura ta’ kelb, imma rawh ukoll f’sura ta’ bniedem, ħsibna li nagħtu lill-Ħares wiċċ b’fattizzi ta’ annimali li jiġu minn qabil il-kelb.  It-tifsila ta’ ġismu għamilniha tixbaħ lil dik tal-bniedem, imma saqajh u idejh għandhom biss erbat iswaba’ u erba’ dwiefer, bħal tal-klieb.  Lill-Ħares ġieli rawh liebes ta’ Tork, imma l-Maltin kienu jsejħu “Torok” lil ħafna nies li fil-fatt ma kenux Torok.  Billi xtaqna nħallu l-libsa ta’ Tork biss għat-“Tork tat-Taraġ”, lill-Ħares tajnieh Kabozza – bħal kowt tradizzjonali Malti, bil-barnusa fir-ras, li jixbah ferm lil ilbies li jintlibes fil-Magħreb.  Importanti li kull karattru jkollu s-simbolu tiegħu, simbolu li minnu jintagħraf minn karattri oħra.  Is-sombolu tal-Ħares hi xkora mimlija lira tad-deheb.  Jista’ jkun hemm ukoll serp.

Ejja nirrepetu: Statura ta’ bniedem, imma wiċċ b’fattizzi ta’ xi ħlejqa li tixbaħ il-klieb; liebes kabozza skura li jkollha barnusa bil-ponta; idejh għandhom biss erbat iswaba’; u fl-art ħdejn saqajh hemm xkora mimlija liri tad-deheb.

B’dan kollu f’rasna, ħloqna s-sura tal-Ħares kif jidher hawn taħt.  Se nerġgħu ngħiduha:  Dan tagħna għandu jitqies biss bħala l-ewwel tentattiv biex fil-kultura Maltija jkollna l-ikonografija uffiċjali tal-Ħares.  Nieħdu pjeċir ta’ mitt skud jekk ikun hemm xi ħadd li joħroġ b’arti jew stampa aħjar minn tagħna.  Qed nissuġġerixxu biss li l-Ħares ikollu statura ta’ bniedem, imma wiċċ ta’ kelb.  Idejh jixbħu lil ta’ xi annimal u b’erba’ swaba’ biss, liebes kabozza skura, u li s-simbolu tiegħu ikun xkora mimlija liri tad-deheb.  Ħaddieħor jista’ jiddeċiedi li jżid xi denb twil, u forsi jdaħħal ukoll xi serp iswed.  F’idejkom.

Il-Ħares: Xogħol tal-artist grafiku Eric Leone

Il-Ħares: Xogħol ta’ John Spiteri Gingell

Il-Ħares: Suġġeriment ta’ Ġużi Gatt

Il-Ħares: suġġeriment ta’ Mikiel Galea

IR-RUĦ (jew Fatat)

Issa forsi nistgħu nfissru aħjar id-differenza bejn il-Ħares u “Ruħ”.  Fl-istejjer fejn jissemmew id-dehriet tal-erwieħ, dejjem jidħlu nies li tkun saritilhom xi inġustizzja, u f’mewthom baqgħu ma sabux il-mistrieħ.  Ngħidu aħna xi mara tinqatel kiesaħ u biered minn xi raġel li qabel ikun abbuża minnha, jew għer għaliha, difinha u kaħħalha ġo xi ħajt, u ħadd ma sema’ biha iżjed.  Jew xi raġel ikun ħalla fit-testment xi kemxa flus biex biha jitħallas il-quddies li kellu jsir b’suffraġju għal ruħu, u dawn il-flus jittieħdu u jintużaw għal skop ieħor.  Jew xi ħadd jiġi mixli fil-Qorti, ikkundannat għall-mewt, u mgħallaq bla ħtija.  Fl-immaġinazzjoni tal-poplu, dawn kollha jibqgħu jfittxu l-ġustizzja u jibqgħu jidhru u jwerwru lin-nies.  Imma dawn għandhom jissejħu “erwieħ” mhux “iħirsa”.

Nifhmu li l-kelma “Ruħ” għandha tifsira wiesgħa ħafna, u tidħol f’aktar minn qasam wieħed.  Allura ma naraw xejn ħażin jekk lil dawk l-erwieħ li baqgħu jidhru u jdejqu lin-nies insejħulhom FATATI.  Din hi kelma oħra li f’ilsienna qed tiġi żvalutata u qed tibki biex tingħata tifsira aktar fissa.  L-Eħirsa huma dawk il-ħlejjaq tal-fantasija li jidħlu fi djar vojta, u lil dawk l-imsejkna li jmorru joqgħodu fi djar bħal dawn, jew jagħtuhom il-flus tad-deheb, jew jagħtuhom xi qatgħa jew xebgħa kbira, dejjem skont kif jiftlilhom.  L-Eħirsa jistgħu jkunu wkoll ġo xi għar mudlam, jew xi ħirba – bini mwaqqa’ u diżabitat, l-aktar jekk ikunu jafu li hemmhekk hemm xi teżor moħbi. Il-Fatati, mill-banda l-oħra, huma l-erwieħ ta’ nies li mietu u baqgħu jidhru, għax għal xi raġuni baqgħu ma sabux il-mistrieħ u jridu jieħdu sudisfazzjon ta’ xi azzjoni ħażina li għamlulhom.  Il-kelma SPETTRU wkoll għandha t-tifsira ta’ Fatat, u l-istess nistgħu ngħidu għall-kelma FANTAŻMA.  Mela l-Ispettri u l-Fantażmi jgħoddu mal-Fatati, u huma kollha Erwieħ.

 Fil-Malti jissemmew ukoll in-nies TAL-LIŻAR.  Dawn x’aktarx kienu jkunu xi irġiel li jilbsu hekk biex iwerwru lin-nies balali ta’ xi raħal żgħir.  Imma bħala karattri tal-fantasija jgħoddu mal-fatati għax ikunu erwieħ li baqgħu jidhru u jkunu lebsin il-liżar l-abjad tal-kefen.  Il-mejtin dari spiss kienu jitkeffnu bil-kunfratija – il-libsa li meta kienu ħajjin kienu jilbsu fil-purċissjonijiet bħala membri ta’ xi fratellanza jew oħra.  F’xi djar qodma ġieli dehru purċissjonijiet sħaħ ta’ erwieħ lebsin kunfratija bajda u jġorru fuq spallejhom xi tebut.

Il-katavri midfuna taħt l-art, misturin fid-dlam ġewwa l-oqbra fiċ-ċimiterji, waqt li jkunu jitherrew u jittieklu mid-dud spiss joħroġ minnhom bħal gas naturali jew fosfru, li meta jsib xaqq minn fejn jgħaddi, joħroġ barra għall-arja, u jaqbad – jieħu n-nar.  Anton F. Attard jgħidilna li f’Għawdex dan in-nar kien jissejjaħ NAR IL-BLUH.[5]  In-nies dari kienu jiġġennu jekk jaħslu jiġu wiċċ imb’wiċċ miegħu – l-aktar jekk jinzertaw ikunu f’xi ċimiterju weħidhom.  Allura nibtu ħafna stejjer ta’ KOBOB TAN-NAR li ġieli ġrew wara n-nies, jew erwieħ li dehru bħal kobba ċpar jew duħħan abjad jitlajjaw fl-isqaqien mudlama u jwerwru l-kulħadd.[6]

Billi l-arti viżiva tal-kultura tal-Punent toffrilna ħafna eżempji ta’ kif, fl-immaġinazzjoni tal-artist, tkun is-sura ta’ ruħ li tibqa’ tidher wara l-mewt, mhux diffiċli li nirripproduċu eżempju ta’ dan il-karattru tal-fantasija.  Ir-ruħ tkun dejjem liebsa skont l-epoka u ż-żmien li fih tkun ambjentata l-istorja, imma x-xbiha tkun dejjem qisha tixgħel u trasparenti, donnha magħmula miċ-ċpar, u f’kemm trodd salib tisfuma fix-xejn u tgħib.  Waħda mill-ftit deskrizjonijiet li għandna ta’ kif tkun fatata jew fantażma jagħtihielna Ġorġ Pisani fil-ħrafa tal-Mara l-Bajda ta’ Għar Gerduf[7], għar li jinsab fir-raħal ta’ Ta’ Kerċem, Għawdex: Din il-Mara l-Bajda kienet tidher biss meta l-qamar ikun mimli – toħroġ biss fil-qamar kwinta.  Kienet tkun liebsa l-abjad minn fuq s’isfel, b’xuxitha mitluqa għal fuq spallejha, imma din xuxitha tkun mehmuża fuq in-naħa ta’ wara b’faxxa jew terħa tal-ħarir, li kienet tilma u tleqq donnha rrakkmata bil-kwiekeb.  Il-Mara l-Bajda ta’ Għar Gerduf kienet timxi b’rasha baxxuta qisha qed tfittex xi ħaġa fuq il-qiegħa tal-art, u wara li ddur madwar il-għar għal darba darbtejn, bla ma tlissen kelma, kienet tidħol lura ġewwa u tgħib fix-xejn. Taraha kienet tqabbdek il-bard.

Ir-ruħ dejjem tkun liebsa skont l-epoka

Il-mara l-bajda ta’ Għar Gerduf kienet timxi dejjem b‘rasha baxxuta qisha qed tfittex xi ħaġa fl-art – xogħol ta’ John Spiteri Gingell

Ix-xbieha tkun dejjem qisha tixgħel u trasparenti

Xi wħud kienu jaraw bħal kobob tan-nar li jekk titlaq tiġri, jiġu jiġru warajk.

Xogħol ta’ John Spiteri Gingell (isfel u fuq)

Fil-puntata li jmiss ngħidulkom kulma nafu fuq il-GAWGAW.

(C) Ġużi Gatt

[1] Ara, ngħidu ahna, dan is-sit elettroniku: http://komikstassikkina.page.tl .

[2] Attard, Anton F. Mid-Dinja tas-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002.

[3] Mifsud, Stephan D. The Maltese Bestiary, Merlin Publishers Ltd., Malta, 2014.

[4] F’paġna 227 tal-ktieb tiegħu Il-Maltin, Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, (Klabb Kotba Maltin, 2017) Steve Borg jikkwota lil Pietru Pawl Castagna li fl-1856, fil-ktieb: Malta bil ghzejer rahha u li ghadda min ghaliha, kiteb hekk: chienu l’antenati taghna jemmnu ucoll bil hares: u ‘x xjuh rahhalin taghna ghadom igheidu, illi dan il hares ikun tahta figura ta serp iswed u xieh li jindocra d-dar  u jati fortuna lit-trabi li jitwieldu fiha u ghalhech dan is serp katt ma ghandu jinkatel , ghax wara meutu jigiu disgrazzi cbar fuk dick il-famiglia!

[5] Attard, Anton F. Mid-Dinja tas-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002, paġna 157.

[6] Mifsud, Stephan D. The Maltese Bestiary, Merlin Publishers Ltd., Malta, 2014, paġna 123.

[7] Pisani Ġorġ, Mill-Gżira tal-Ħolm, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 1995, Paġna 7.