1. Mod ta’ mixi fuq erbgħa, jiġ. mbé, bħat-trabi li għadhom kemm telqu jimxu.   2. Xi ħadd bla dar u li jiġġerra mat-toroq, ħafna drabi maħmuġ u bi ħwejgu żdingati.  3. Fis-snin tletin kien hemm raġel minn Bormla jgħidulu l-Ħajbu, li kien jitlajja kuljum fi Triq San Pawl, il-Belt. Qabbel il-kelma Ing. hobo li x’aktarx ġejja minn Hoe Boy.  Dan l-appellattiv beda jintuża fl-Amerka, fin-naħa ta’ Kalifornja, madwar l-aħħar tas-seklu dsatax, biex  jirreferu għal dawk in-nies li kienu jiġġerrew minn post għall-ieħor ifittxu x-xogħol.  Idj: ‘Dak dejjem qisu l-Ħajbu – rif. għal xi ħadd li ma għandux fejn joqgħod u li dejjem jiġġerra ‘l hawn u ’l hinn. Din il-kelma kienet tintuża biex ibeżżgħu lit-tfal – eż. ‘Ara ġej il-Ħajbu għalik’. Ara: Snajja’ u Xogħol il-MaltinIt-Tieni Volum, ta’ Paul P. Borg, pp. 260-262, fejn hemm artiklu fuq il-Ħajbu ta’ Bormla