Xi kultant, f’kull ilsien mitkellem, ikun hemm xi kliem li t-tifsira tiegħu tvarja minn imkien għall-ieħor u minn raħal għall-ieħor.  Hekk, ngħidu aħna, il-kelma GORBOĠ tfisser post taħt xi indana taraġ, jew f’xi rokna fil-bitħa, fejn wieħed jista’ jrabbi xi fenka (hekk jifhmuha s-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ).  Għal oħrajn tfisser kamra qrib ir-razzett fejn wieħed irabbi xi majjal (il-Wardija).  Patri Mikiel Fsadni O.P. fil-ktieb tiegħu Il-Girna, jfisser il-kelma gorboġ bħala kamra miżjuda ma’ xi girna, jew ħdejha, biex dak li jkun ikollu aktar wisa’ – ngħidu aħna fejn isajjar. Għal xi nassaba, l-gorboġ ifisser dik il-kmajra, parti mill-kumpless tan-nassaba, li tkun biswit id-dura fejn ikunu bilqiegħda.  F’din il-kmajra jżommu l-gabjuni, xi ftit ikel, u jkunu jistgħu jiskennu fiha f’każ ta’ xi ħalba xita.

Kitba u disinni ta’ Karmenu Pace.Din il-kitba fuq il-griebeġ dehret fl-Imnara f’ħafna biċċiet – mill-2008 ‘l quddiem.  Hawn miġburin f’artiklu wieħed.

Ħafna nies ilissnu l-espressjoni: “dak jgħix f’daqsxejn ta’ gorboġ“, u jkunu jridu jfissru li wieħed ikun jgħix f’dar ċkejkna ħafna.  Aquilina u Serracino Inglott fid-dizzjunarji tagħhom jagħtu l-kelma gorboġ bħala kmajra fejn irabbu l-fniek jew il-ħnieżer, jew inkella bħala daqsxejn ta’ kamra żgħira x’aktarx mitluqa u żdingata.  Il-kelma gorboġ għandha l-plural griebeġ, u d-diminuttiv grejbeġ.

Jien kont dejjem nistaqsi lil nnifsi: għaliex fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta hemm tant giren, imma n-naħa t’isfel ma ssibhomx?  Jekk il-bdiewa tan-naħa ta’ fuq (Il-Mellieħa, l-Imġarr, iċ-¬irkewwa, eċċ.) ħassew il-ħtieġa li jibnu girna biex jistkennu, jistrieħu, jew jerfgħu xi ħaġa fiha, il-bdiewa tan-naħa t’isfel (is-Siġġiewi, l-Qrendi, ż-Żurrieq, l-Imqabba, l-Gudja, Ħal-Għaxaq, Birżebbuġa, eċċ.) ma kellhomx l-istess ħtiġiet? Mela għala ma nsibux giren in-naħa tan-Nofsinhar ta’ Malta?

Jien naħseb li t-tweġiba bdejt insibha waqt it-tiftix li bdejt nagħmel dwar il-gorboġ fl-inħawi tal-Qrendi.  Jekk issaqsi lill-bdiewa tal-Qrendi x’jifhmu bil-kelma gorboġ, tweġibha waħda toħroġ minn fomm kulħadd: “Il-girbiġ hu bħal kamra żgħajra u baxxa magħmula mis-sejjieħ biex il-bidwej jistkenn ftit fijhe”.  Lanqas qatt ma jgħaddi minn ras xi ħadd mill-Qrendi li l-kelma gorboġ għandha xi tifsira oħra.  It-tifsira li tajt hawn fuq trabbejna fiha, qiegħda f’ħalqna, u għalina tinħass minn ewl id-dinja.  Imma f’irħula oħra l-kelma gorboġ għandha tifsiriet diversi.  Jien nixtieq nitkellem biss fuq it-tifsira tal-Qrendin, u dawk li jifhmuha bħalna.  Għalina l-gorboġ hu daqsxejn ta’ kmajra fl-għelieqi, mibnija bil-ġebel tas-sejjieħ, li fiha l-bidwi jista’ jistkenn mix-xemx u x-xita.

Fit-tiftix tiegħi f’din l-aħħar sena sibt madwar 100 gorboġ imxerrdin f’dawn l-imkejjen: Il-Qrendi, l-Imqabba, ż-Zurrieq, Bubaqra, Ħal-Far, Ħal Luqa, l-Gudja, Ħal Għaxaq, Birżebbuġa, s-Siġġiewi, Ħal-Qormi, r-Rabat, u Ħad-Dingli.  F’Għawdex: San Dimitri, n-Nadur,, u l-Qala.  Hemm postijiet li għadni ma mortx: Ħaż-Żabbar, Ħal Safi, l-Mosta, u f’Għawdex: Ta’ Sannat, San Lawrenz, u postijiet oħra.  Minn dan it-tagħrif li ġbart nista’ nasal għal xi konklużjonijiet:

IL-KARATTERISTIĊI TAL-GORBOĠ

X’inhuma l-karatteristiċI ta’ gorboġ?  Gorboġ huwa binja fl-għelieqi.  Fil-binja huwa sempliċI u kull wieħed hu uniku.  Ikun mibni bil-ġebel tas-sejjieħ u ġeneralment ikollu daħla baxxa, bejn wieħed u ieħor xi metru.  Il-ħitan tiegħu jkunu mtellgħin dritti.  Is-saqaf ikun magħmul mill-qxur tal-blat, jew inkella minn xorok maħduma.  Ħafna drabi jkollu wkoll toqba li sservi kemm għall-arja, u kemm biex wieħed jiftaqad jew jgħasses minnha.  Fil-fatt hemm griebeġ li jissejħu “tal-erbat irjieħ” għax ikollhom “tawwala” ma kull ġenb.  Din it-toqba fil-ħajt tissejjaħ tawwala (Ħal Għaxaq), l-għassiesa (l-Qrendi), s-sejjieħa (ż-Żurrieq), jew in-nemmiesa (s-Siġġiewi). Il-gorboġ qatt ma jkollu bieb jingħalaq imma biss daħla li titgħatta b’xi xkora.  Qatt ma jkollu miżieb (sibt wieħed biss – f’Tal-Qortin, Bubaqra).  Fil-biċċa l-kbira, s-saqaf fuq barra jkun miksi b’taħlita ta’ ħamrija u żrar, jew ġebel irqiq, li mbagħad, bil-ħaxix li jikber fuqu, ma jħallix l-ilma tax-xita jinfed għal ġewwa.  Għalkemm minn barra ħafna drabi l-gorboġ jidher ikkupplat, minħabba din il-kisja li għadni kemm semmejt, minn ġewwa, s-saqaf ikun dejjem ċatt.  Jekk (minn ġewwa) s-saqaf ikun imtarraġ, jew imkilleb bl-irtalli, allura dik tkun girna, mhux gorboġ.  Ħafna griebeġ issibhom mibnija direttament fuq il-blat, mingħajr il-ħtieġa ta’ pedamenti, u ġeneralment huma magħmulin baxxi: mhux aktar minn ħames piedi għoli.

L-Għan ewlieni tal-gorboġ hu dak li jipprovdi kenn temporanju lill-bidwi li jkun ‘il bogħod minn daru.  Kenn biex idabbar ftit rasu mix-xemx tikwi, jew jimtedd u jistrieħ kwarta għall-ħin ta’ nofsinhar.  Kien iservih biex jistkenn minn xi ħalba xita mhux mistennija; biex jerfa’ fih xi magħlef żerriegħa; jew biex xi tfal żgħar li jkollu miegħu joqogħdu fih sakemm ilesti.  Hemm min kien juża l-gorboġ biex iżomm fih xi żerriegħa tal-patata għall-frisk sakemm jasal żmien iż-żrigħ; jew xi koċċ basal niexef biex jaħżnu għall-frsik u ma jitħassarx.  Imma l-gorboġ kellu wkoll il-funzjoni li wieħed seta’ jagħmel għassa minnu ma’ xi uċuh li seta’ kellu fir-raba’; bħal basal, patata,bħajra, eċċ.  Meta s-saqaf tal-gorboġ kien ikun ċatt biżżejjed, ġieli ttella’ xi għarix fuqu; u sibt griebeġ li anke kellhom fuqhom dura tal-kaċċa.

Gorboġ tond, fuq ġewwa s-saqaf jagħlaq, u l-fetħa ta’ xi żewġ piedi u nofs magħluqa bix-xorol li jserrħu fuq il-kileb li jduru dawra mejt.

GĦAMLIET DIFFERENTI

 Il-gorboġ hu interesanti għax kull wieħed għandu l-individwalita’ tiegħu; hu mibni mill-materjal tal-post; u juri kreativita’, sengħa, u ħsieb f’binjietu.  Fil-ġerarkija tal-bini x’aktarx li jiġI l-aħħar  – warajh forsi jiġI l-għarix, magħmul mill-qasab u mill-ixkejjer, u li jservi biss għal ftit ġimgħat biex wieħed jagħmel l-għassa minnu.

Għalkemm l-ebda gorboġ m’hu bħall-ieħor, meta tkun flejt ħafna minnhom tkun tista’ tagħżel bejn diversi kategoriji.

  • Il-gorboġ mibni fil-ħajt tas-sejjieħ – id-daħla tiegħu tkun ċatta mal-ħajt, imam ġewwa jkun jiftaħ anke sa tlettax-il pied, hekk li tista’ toqgħod mqar familja sħiħa fih. Xi drabi, minn fuqu jkun għaddej ir-raba’ wkoll.  Dan it-tip ta’ gorboġ issibu fejn ir-raba’ jkun imtarraġ.

 

  • Il-gorboġ mekkuk – Dan it-tip ikun mibni f’nofs katina li tifred għalqa minn oħra; u jkun mibni mżaqqa, biex jirbaħ ftit tal-wisa’.

 

  • Il-gorboġ maqrut – Dan ikun mibni ġo rokna, u jkun għamla ta’ trianglu jew nofs qamar, hekk li mid-daħla, l-     bidwi jkun jista’ jara l-għalqa kollha quddiemu.

 

  • Il-gorboġ b’dahru mal-ħajt – Dawn il-griebeġ ikollhom tliet naħiet maħruġa ‘l barra in arja u d-dahar ikun iserraħ jew jagħmel parti mill-ħajt tas-sejjieħ ta’ wara.

 

  • Il-gorboġ ta’ nofs l-għalqa – li jkun mibni fin-nofs biex jintlaħaq minn kullimkien u, permezz tat-tawwala, l-bidwi jkun jista jnemmes ma’ kull riħ u jara xi jkun qed jiġri ma’ l-għalqa kollha.

 

  • Il-gorboġ ta’ żewġ daħliet – Dawn ma tantx tara Ikollhom daħla kontra l-oħra, jew maġenb l-oħra.

 

  • Il-grejbeġ – jew dawk il-griebeġ żgħar u baxxi ħafna li jista’ jkun li ma sarux biex jagħtu kenn lill-bniedem, imma lil xi annimal, bħal ngħidu aħna xi kelb, jew għall-ħażna.

Hemm ukoll epoki differenti tal-griebeġ.  Hemm dawk antiki ħafna, bit-tisqifa magħmula minn qxur kbir ta’ blat mhux maħdum.  Hemm dawk inqas antiki, fejn il-qxur inħadmu għamla ta’ xorok jew kaptelli, imma l-wiċċ baqa’ l-qoxra naturali tal-blat.  Imbagħad hemm dawk aktar riċenti, bix-xorok maqtugħa mill-barriera u maħduma għax-xafra bil-mannarett, jew minġura.  U hemm dawk moderni u kontemporanji, għax għad hemm ftit każi fejn xi ħadd bena gorboġ b’ġebel u teknika moderna (dawn m’humiex ta’ interess kbir għalija).  Il-qedem tal-gorboġ joħroġ mit-tisqifa, u mill-kwalita’ tal-ġebel li bih ikun  mibni.

Jien tal-fehma li meta n-naħa ta’ fuq ta’ Malta kienu jibnu l-giren, il-bdiewa tan-naħa t’isfel kienu jibnu l-griebeġ; u r-raġuni ewlenija għala ta’ fuq bnew mod, u ta’ isfel bnew ieħor, kienet il-kwalita tal-materjal għall-bini li kien jeżisti fin-natura.  In-naħa ta’ fuq hu magħruf għall-blat tal-qawwi, u n-naħa t’isfel hu magħruf għall-ġebla tal-franka.  Tan-naħa ta’ fuq sabu mezz kif ikillbu l-ġebel u jsaqqfu b’dak il-mod, u n-naħa t’isfel ma kellhomx għalfejn jagħmlu hekk għax sabu l-qxur tal-blat lest, u setgħu jaqtgħu ix-xorok mill-franka (mill-blat tal-qawwi mhux faċli taqta’ x-xorok).  Għalija, l-girna u l-gorboġ huma żewġ binjiet differenti li żviluppaw matul is-snin skont il-ħtiġijiet tan-nies tal-post u l-materjal li sabu madwarhom fin-natura.

Dan kollu għandu x’jaqsam għax il-bidwi meta kien jeħtieġlu jibni dik l-istruttura fejn jista’ jistkenn jew jaħżen xi ħaġa, kien jinqeda bil-materjal li kien isib fin-natura madwaru u l-eqreb tiegħu. Għalhekk kif naħsibha jiena l-bdiewa tan-naħa ta’ fuq għamlu użu mill-ġebel li jinsab komunement fix-xagħri bħal fl-inħawi tal-Mellieħa u vvintaw il-metodu tal-ħitan imkillbin (ġebla ħierġa ‘l barra mill-oħra, bħal kileb) biex jirnexxilhom idejqu l-wisgħa tal-binja sa ma jaslu sat-tisqifa u mbagħad jagħlqu permezz ta’ xi qoxra jew tnejn blat. Fin-naħa t’isfel ta’ Malta li hi magħrufa għall-franka kien hemm is-sangħa tal-qutgħ tal-blat, li minnu jfasslu l-knatan u joforqu x-xorok. Kienu jkissru l-blat biex ifasslu l-għelieqi. U ħafna drabi minn dan it-tkissir tal-blat kienu jibnu l-ħitan tal-gorboġ li għal kuntrarju tal-girna fil-biċċa l-kbira tagħhom jitilgħu dritti. Imbagħad it-tisqifa kienet issir jew minn xi qiegħan kbar jew qxur tal-blat kbir li kienu jlaħħqu minn ħajt għall-ieħor tal-gorboġ jew inkellha minn xorok maħduma. Dawk it-tisqifiet l-iktar anktiki nsibhom bix-xorok mfassla minn blat naturali bla ma jkunu bil-wiċċ minġur, filwaqt li dawk iktar riċenti kienu jkunu maqtugħa iktar bis-sangħa u jintuża l-mannarett biex jaqilgħulhom l-wiċċ lixx bħal dawk li nafu aħna llum fid-djar ta’ ‘l fuq minn ħamsin sena ilu.

Imma anke hawnhekk wieħed ma jridx jaħseb li kien hemm xi għamla fissa, xi pjanta mfassla jew xi prototip li kulħadd kellu jimitah u jibni bħalu bħalma kien ġara f’ħafna bini “modern” tas-sittinijiet u s-sebgħinijiet. Il-gorboġ kien jinbena ħafna drabi mill-bidwi, sid il-għalqa nnifsu. Kien jibnih għall-bżonnijiet tiegħu, skont ix-xeħta ta’ l-art, u l-qagħda fejn ikun ser jibnih. U għalhekk bħal fil-każ tal-giren, insibu diversi għamliet ta’ griebeġ, wieħed mhux bħall-ieħor, li minnhom wieħed jista’ joħroġ dawk li jixxiebħu u jiġborhom f’kategoriji. Ngħidu aħna hemm dawk li huma mibnija mdaħħla fil-ħajt tas-sejjieħ innifsu b’tali mod li minn fuqhom tkun għaddeja għalqa oħra. Dawn issibhom mibnija fejn l-blat huwa wieqaf u l-għelieqi mtarrġa. Hemm griebeġ oħra li bnewhom għax-xeħta tal-ħajt li jkun jifred ħabel minn ieħor. Dawn ikunu jserrħu mal-ħajt lejn ix-xellug jew lejn il-lemin tagħhom u għalhekk jiena laqqamthom “imġennbin”. Hemm dawk imbagħad li l-bidwi bniehom sewwasew fl-għafsa bejn ħajt u ieħor ta’ l-għalqa, eżatt f’xi rokna. Dawn ikunu imqabbdin minn ħajt għall-ieħor bħal trianlu. Dawn laqqamthom “maqrut” u ma tantx issib ħafna minnhom. Inqas u inqas ma ssib mill-kategorija li jien sejjaħtilhom “mekkuk” u “imqammrin”. Ta’ l-ewwel għax huma mibnija fil-wisgħa tal-ħajt tas-sejjieħ bejn għalqa u oħra (jissejjaħ ukoll “katina”) u tat-tieni għax ikollhom il-faċċata tagħhom mfassla nofs qamar. Imbagħad hemm dawk numerużi tal-kategorija li daharhom biss isrraħ mal-ħajt tas-sejjieħ li jkun għaddej fuq wara. Imma s-sabiħ ta’ kull gorboġ huwa li kull wieħed huwa personalizzat u għandu r-ruħ tiegħu. Min bid-daħla baxxa u oħrajn bid-daħla għolja. Min bit-tawwala u oħrajn b’xejn. Min bil-faċċata tad-dobblu u min b’tas-singlu. Min mibni bil-ġebel naturali tax-xagħri u min mill-ġebel maħdum. Min bit-tisqifa mill-qiegħan u min bix-xorok. Min għandu t-tisqifa sserraħ fuq il-kileb fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat u min bix-xorok iwasslu minn tarf s’ieħor. Min bis-saqaf ikkupplat minn barra u minn bis-saqaf ċatt. Min baxx u min għoli. Dawn id-differenzi fihom studju ta’ tqabbil fihom infushom u aktarx li minn dawn id-differenzi wieħed ikun jista’ jasal ukoll biex jifred dawk li huma antiki minn dawk li nbnew eqreb lejn żmienna.

Issa hawn taħt se nġib għad ta’ disinji li juru l-għamliet ewlenin ta’ griebeġ li sibt jiena f’dawn l-aħħar sentejn. L-għadd tagħhom kien madwar mija u għadni nsib xi wieħed ‘l hemm u ‘l hawn kultant bla ħsieb waqt li nkun nimraħ qalb l-għelieq jew għax nistaqsi xi bidwi. Dawn l-għamliet differenti ġbarthom mill-inħawi kollha ta’ Malta u Għawdex fejn jinstabu dawn il-binjiet. Fil-faqar, is-sempliċita’ u s-satra tagħhom dawn l-griebeġ joħorġu mimlija għana u nteress. Ħafna minnhom tant huma mibnija bla pompa u żina ta’ xejn, tant huma mfillsati tajjeb fl-ambjent ta’ madwarhom, li tgħaddi minn ħdejhom u ma tindunax bihom. U jien għalija dan hu l-ġmiel tagħhom. Is-sbuħija fis-sempliċita’. Jaqdu dmirhom ħafna drabi bla ma jagħtu fl-għajn. Huma rifless u espressjoni ta’ ruħ u l-karattru kiebi u umli tal-bidwi bieżel Malti u Għawdxi.