Fost il-ħrejjef miġbura minn Patri Manwel Magri u li dehru għall-ewwel darba fis-sensiela Mogħdija taż-Żmien, insibu waħda magħrufa bħala “l-Ħrafa tax-Xhur”. Din tgħid li darba kien hemm raġel, tallab fqir, li ħareġ għodwa waħda jimxi għal għonq it-triq, sab bieb kbir miftuħ, daħal, ra mejda mifruxa fid-daħla tad-dar, u madwar il-mejda tnax-il ruħ jieklu. It-tallab ma kienx jaf, imma dawk l-irġiel jieklu mal-mejda kienu t-tnax-il xahar tas-sena.

Kitba ta’ Ġużi Gatt. Dan L-artiklu deher fl-Imnara, 9(2009)2 Nru. 35

Talabhom xi ħaġa għax: “Anqas belgħa ma ħadt illum” qallhom il-fqir. “Oqgħod mal-mejda” qalulu, “u kul magħna”. Meta xaba’, wieħed mill-irġiel – li fil-fatt kien Jannar, imma l-fqir ma kienx jaf li dak kien Jannar – staqsieh:

“Xbin, x’jgħidu n-naħa tagħkom fuq Jannar?”

U l-fqir, peress li kien raġel sewwa, wieġbu li Jannar kien xahar tax-xita u ta’ kull ġid…ħaxix isir u kulma tixtieq qalbek.

“Xi waħda mqabbla ma jgħidux?” reġa’ staqsieh Jannar.

“Ara x’qallek,” wieġbu l-fqir, “ngħidlek kemm trid”:

“Jannar dejjem jitrekken fid-dar.”

“Meta x-xemx issaħħan f’Jannar
Ikollok biex fis-sajf timla d-dar”.

“Qamar Jannar ħareġ ix-xebbiet mill-għar;
ħasbuh bi nhar!”

Jannar tbissem u l-oħrajn bdew jidħku. Biex ma ntawwalhiex, anke Frar ried ikun jaf in-nies x’jgħidu fuqu, u l-fqir reġa’ wieġbu bit-tajjeb ukoll:

“Frar fawwar,
Tal-bidwi għana fid-dar.”

“Fix-xahar ta’ Frar,
Iżra’, saqqi, u baqqi
l-ħabaq għadsi!”

U baqa’ sejjer hekk: għal kull mistoqsija tal-oħrajn, iħoll ilsienu għat-tifħir u jtella’ mas-smewwiet ix-xhur kollha.

Meta ġie biex iqum, talabhom xi ħaġa għall-mara u t-tfal, għax imsieken bil-ġuħ. Jannar ħa f’idu mindil (maktur) tal-ħobż, tahulu, u qallu: “Meta trid xi ħaġa għid: ‘Ifrex!’, itlob li tixtieq qalbek, u jiġik. Meta ma tridx aktar għid: ‘Arfa’!’, u l-mindil jintena waħdu. Ħudu miegħek; ma hux għal darba biss, imma għal kemm trid.”

Il-fqajjar iżżieh ħajr, xtieq lilu u lil sħabu mitt elf ġid, u telaq lejn id-dar.

Malli wasal qal lill-mara: “Mari’, issa jkollkom x’tieklu bix-xaba’!” Ħareġ il-mindil mill-ħorġa, qallu: “Ifrex”, u l-mindil firixlu ikla tabrom il-mustaċċi!. Isimgħu ftit il-ħrafa x’tgħid li kien hemm mifrux fuq il-mindil:

Meraq tal-fekruna tal-baħar magħqud bħall-baqta.

Ross fil-forn.

Ħobż tas-smid.

Baqra bil-fenek ġewwa fiha (hawnhekk baqra hi dugħ tal-fuħħar).

Ħasi moħxi (mimli).

Qassatat tal-ful u l-piżelli.

Qubbajt tal-għasel abjad.

Imqaret sħan sħan.

Ħabbgħażiż għat-tfal.

Boqqa nbid ta’ Alikant.

Boqqa oħra ta’ Malag mill-qadim.

Frott għal qalbek, sa dulliegħa ta’ Tripli fiha daqs kajjikk.

Imma mill-lista ta’ affarijiet tal-ikel ħallejna waħda barra għax xtaqna nagħżluha mill-oħrajn u nitħaddtu ftit fuqha. Ħallejna barra l-fatt li fuq il-mindil kien hemm ukoll il-ĠOBON TAN-NAR.

Il-Knisja f’Għawdex taħroġ perjodiku ta’ kull xahar jismu “Il-Ħajja f’Għawdex”. Fil-ħarġa ta’ Diċembru 2006, Anton F. Attard kiteb artiklu fuq dan il-ġobon tan-nar għax, mid-dehra, Għawdex kien għad hemm xi xjuħ li jiftakru lil nieshom jagħmlu dan il-ġobon. Anton F. Attard semma lil Manwel tal-Kumpar, li kien armat ħdejn ta’ Savina, ir-Rabat t’Għawdex; lill-Pespus u liż-Żebbuġi, t-tnejn minn Ta’ Sannat; lin-Nigru, mix-Xagħra; u lil Leli Farrugia, t-Trijestri, mir-Rabat. Dawn kollha, b’xi mod jew ieħor, jew għax kienu jbigħuh, jew għax kienu jagħmluh, kellhom x’jaqsmu, dari, mal-ġobon tan-nar.

M’għandniex xi ngħidu, illum ma fadal ħadd minn dawn it-talin. Imma peress li xtaqt nitkixxef iktar, fettilli nkellem lil Consiglia Azzopardi, minn Ta’ Sannat u bis-saħħa tagħha sirt naf lil Feliċa Saliba, taż-Żebbuġi, minn Ta’ Sannat stess, u lil Liza Mizzi, ta’ Ġakbu, mill-Għarb. Din il-kitba li ġejja nġabret bis-saħħa tagħhom ilkoll.

Liza Mizzi, llum mgħobbija bil-għomor, fi żmienha kienet raħħala. Familtha kienu jrabbu l-bhejjem. Il-bhejjem kienu jagħtu l-ħalib, li kien jinbiegħ jew frisk, x’aktarx mibgħut lejn Malta, jew magħmul fi ġbejniet, friski, moxxi, jew tal-bżar. Imma xi kultant ir-raħħal kien jibqa’ b’iktar ħalib milli kien jiflaħ jikkonsma jew ibiegħ. Dan kien jiġri l-aktar meta d-dgħajsa jew vapur tal-mogħdija bejn Malta u Għawdex ma kienx jaħdem.

Il-ħalib iż-żejjed kien jintefa’ ġo kaldarun apposta u JITTAMMAS bħas-soltu; qisek se tagħmel il-ġbejniet. “Jittammas” jiġifieri titfagħlu l-QTAR TAT-TAMES. Bil-qtar tat-tames, il-ħalib JOBQOT – jiġifieri parti minnu tibbies u ssir BAQTA, u l-parti l-oħra ssir ilma li jissejjaħ XORROX. Il-ħalib malajr jobqot jekk it-tames ikun tajjeb, imma qabel ma l-proċess jintemm – jiġifieri meta l-baqta tkun għadha fi stat li tista’ tibbies ftit ieħor, jerġgħu jkissru l-baqta billi jħawdu b’ħarrieka tal-injam, iżidu l-melħ, u l-kaldarun bil-ħalib jittella’ fuq in-nar. Hu għalhekk li l-ġobon jissejjaħ “ġobon tan-nar”. Dari kien jintuża kenur, imma fi żminijiet eqreb lejna kinet tintuża spiritiera tal-istim (primus). Il-ħalib jitħalla jisħon sew, imma ma jitħalliex jiftaħ jagħli. Hawnhekk tidħol is-sengħa. Liża ta’ Ġakbu qaltli li “x-xogħol waħdu jurik”, imma bħal f’kollox, għal dil-biċċa xogħol irid ikollok ix-xeħta. Malli tara li l-ħalib imtammas se jiftaħ jagħli, tniżżlu minn fuq in-nar u tħallih jibred.

QWIELEB KBAR

Hawnhekk issa trid iġġib xi ftit qwieleb kbar, bħal dawk li jintużaw għall-irkotta (imma ara n-nota aktar ‘l isfel); u l-pass li jmiss ikun li terfa’ l-baqta minn ġox-xorrox u titfagħha fil-qwieleb. Meta Liza Mizzi kienet qed tispjegali dil-parti tal-proċess, użat kelma li lili tgħidx kemm għoġbitni u nixtieq naqsamha magħkom:

Aħna, fil-Malti, nużaw il-kelma “ħafna”, bħal meta ngħidu “Ġanni għandu ħafna flus”. Issa jekk inti toqgħod bil-pinna u bil-klamar tista’ tgħid li l-kelma “ħafna” proprjament tfisser a handful – ponn, jew dak l-ammont li jirnexxielek TAĦFEN b’id waħda. Jiġifieri kien hemm żmien li wieħed seta’ jgħid: “Ċikku daħħal idu fis-sassla u qabad ħafna flus”, u din is-sentenza kienet tinftiehem li Ċikku picked up a handful of coins. Biż-żmien, il-kelma “ħafna” ġiet tfisser kif tfisser illum – jiġifieri a lot. Issa Liza Mizzi qaltli: “Taqbad il-baqta ĦAFEN ĦAFEN minn ġol-kaldarun u titfagħha fil-qaleb”. Meta lissnet il-kelma “ħafen” għamlet il-pali ta’ jdejha flimkien, biex turini kif. Mela fil-waqt li l-kelma “ħafna” tfisser b’kemm tista’ taħfen b’id waħda, il-verżjoni maskili tal-kelma, jiġifieri “ħafen”, tfisser b’kemm tista’ taħfen b’idejk it-tnejn. Kelma sabiħa li biħsiebni nibqa’ niftakarha.

Mela taqbad il-baqta ĦAFEN ĦAFEN minn ġol-kaldarun, u titfa’ kull ħafen ġol-qaleb. Il-ħafen baqta li titfa’, jiċċattja fil-qiegħ tal-qaleb, għax il-baqta tkun ratba. Qabel ma titfa’ t-tieni ħafen, trid tferrex il-bżar iswed IMKISSER fuq l-ewwel saff ta’ baqta. Użajt il-kelma “imkisser” għax Liża fissritli li ż-żibeġ tal-bżar iswed ma jridux ikunu misħuqin jew mitħunin b’mod li jsiru trab, imma sempliċement imkissra b’xi ħaġa iebsa biex iż-żibġa tinqasam f’biċċiet ikbar minn traba. Mela titfa’ l-bżar mkisser fuq l-ewwel saff, taqbad ħafen ieħor baqta’ minn ġol-kaldarun u titfgħu fuq il-bżar. Terġa’ troxx il-bżar fuq dan it-tieni saff, u tibqa’ sejjer hekk sakemm timla’ l-qaleb sa fuq. Il-qaleb mimli baqta jitħalla joqtor, imbagħad jitqiegħed x’imkien għall-frisk, għal ftit ġimgħat, sakemm il-baqta tinxef, tibbies, u ssir ġobon. Hi u tinxef, il-baqta tinxtorob u tiċkien – tinżel anke sa nofs il-volum li kellek fil-bidu, imma xorta tispiċċa b’ġobna ferm ikbar minn ġbejna.

Skont Liza Mizzi ta’ Ġakbu, din il-ġobna kienu mbagħad jgħaddsuha fil-ħall għal xi ġurnata jew tnejn, biex tieħu t-togħma tal-ħall ukoll, imbagħad iroxxu fuqha aktar bżar mitħun. Tiġi qisha bħal ġbejna tal-bżar kbira, u kienu jaqtgħu minnha u jbigħuha bl-użin.

ĠOBON TA’ SQALLI

F’Għawdex għadhom sallum isemmuh dan il-ġobon. Felica Saliba taż-Żebbuġi, li toqgħod fi Triq il-Knisja, Ta’ Sannat, tiftakar li nannuha Feliċ, kien jagħmel il-ġobon u l-butir, u kien isiefru barra minn Malta (jew minn Għawdex) x’aktarx lejn Sqallija. Il-butir u l-ġobon kienu jitqiegħdu ġo kaxxi magħmula mil-landa, u li fuqhom kien ikollhom miktub:

BUTTER
C. FELIC
11 Sda: Chiesa
SANNAT GOZO *

“C. Felic” tfisser: Camilleri Feliċ, in-nannu ta’ Feliċa. Skont Feliċa, il-kaxxi kienu jmorru barra minn Malta mimlija bil-ġobon u l-butir li kien jagħmel nannuha, u jerġgħu jiġu Malta vojta; biex jerġgħu jimtlew. Id-disinn t’hawn taħt hu meħud minn ritratt ta’ waħda minnhom. Feliċa urietna wkoll il-qwieleb u l-kaldaruni, li minn ritratti tagħhom saru d-disinji li jidhru f’dan l-ariklu. Il-kaldaruni kienu jitqiegħdu fuq l-ispiritieri tal-istim (primus).

Xtaqt ħafna nkun naf m’għand Felica nannuha kif kien jagħmel il-butir, imma ma kenitx taf.  Fil-Malti, l-kelma “butir” x’aktarx ġejja mill-Isqalli: butiru. Imma fil-lingwa Maltija (kienet) teżisti wkoll il-kelma Semitika: SEMEN, li turi li niesna ilhom jafu bis-semen, jiġifieri bil-butir, minn żmien in-nisel tal-ilsien Malti.  Għad hawn xjuħ, li ltqajt magħhom jien, li għadhom jiftakruha din il-kelma.  Għalihom is-semen hu dak il-materjal li jibqa’ joħroġ mill-ġbejniet tal-bżar meta dawn ikunu maħżuna fit-tul f’xi flixkun jew ġarra.  Niesna dari kienu jlaqqtu dak l-artab minn mal-ġbejniet u jżiduh għat-togħma mal-minestra, kawlata, jew ma’ x’hiex iridu.  Imma etimoloġikament, semen tfisser “butir”, u ŻIBDA, kelma oħra li llum qiegħda biss fid-dizzjunarju, tfisser “krema”.  Ġobon tan-nar, semen, u żibda: kollha jfakkruna x’kellna fl-imgħoddi u x’armejna matul iż-żmien, kemm f’dik li hi lingwa, u kemm f’dik li hi kultura tagħna.  

Kurżitajiet

QWIELEB KBAR:  Anton F. Attard jgħid li dawk li kienu jaħdmu dan il-ġobon kummerċjalment kienu jużaw qwieleb magħmula apposta, jesgħu xi wiżna u nofs, bil-ġnub “neżlin għad-dritt”; jew xi kultant kienu jużaw forom, miftuħin miż-żewġ naħiet, u naħa waħda tingħalaq b’biċċa filoxx.  Jgħid ukoll li “l-ġobon tan-nar jinħasel biż-żejt u bil-melħ biex irabbi l-qoxra”.

Ħajr:

Consiglia Azzopardi, minn Ta’ Sannat, Għawdex

Felica Saliba, Taż-ŻebbuġI, minn Ta’ Sannat, Għawdex

Lisa Mizzi, Ta’ Ġakbu, mill-Għarb, Għawdex

Kotba ta’ referenza:

AQUILINA, Joseph, Maltese-English Dictionary, 2 volumi, Malta, 1987.

AQUILINA, Joseph, A Comparative Dictionary of Maltese Proverbs, L-Universita ta’ Malta, 1972.

ATTARD, ANTON F., Il-Ġobon tan-Nar, Il-Ħajja f’Għawdex, Nru. 883, Diċembru, 2006.

MAGRI, MANWEL, Ħrejjef Missirijietna, edizzjoni kritika ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, PEG, Malta 1994.

CASSAR PULLICINO, Ġuże, Ħżuż Manwel Magri Ktieb ta’ Notamenti dwar il-Folklor Malti, Thyme Books, Malta, 1991.

CREMONA, NINU, Fdal ta’ Qwiel Qodma fil-Ħrafa ta’ Jannar, Frar u Marzu, Il-Malti 26, Marzu 1950. Pġ 13-17.