Fil-Birgu tal-imgħoddi, bosta kienu l-użanzi sbieħ u qaddisa li missirijietna żammew ħajjin għal tant snin.  Illum bosta ħwejjeġ inbidlu u tlifna ħafna mill-karatteristiċi tal-imgħoddi.

Kitba ta’ Lorenzo Zahra. L-artiklu deher l-ewwel darba fl-Imnara (l-Imnara 2013, Nru 37).

Żmien ir-Randan iwassal għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid.  Niftakar sewwa li meta konna tfal, kull nhar ta’ Ġimgħa tul ir-Randan, lilna t-tfal, wara li niskulaw mill-iskola, kienu jiġbruna fil-Parroċċa biex nagħmlu l-hekk imsejħa l-Paċi.  Konna nitilgħu tnejn tnejn fuq il-presbiterju biex inbusu lil Ġesu msallab, hekk kif isir daż-żmien nhar il-Ġimgħa l-Kbira.  Waqt din il-funzjoni, l-kor kien ikanta:

Taħt is-Salib itturmentata,

Kienet Marija Addollorata,

bil-Mewt tal-Iben tagħha.

U aħna, t-tfal kollha fil-knisja, konna nwieġbu bil-kant:

Omm Qaddisa Għamel Magħna,  

Li l-Pjagi tas-Sinjur Tagħna,   

ikunu Stampati fil-Qalb Tagħna.

F’Jum id-Duluri, fl-Oratorju tal-Kurċifiss, il-fratelli kellhom drawwa jiċċelebraw is-Settana tad-Duluri.  U allura l-Oratrju kien ikun mimli bil-fratelli.  Dakinhar ukoll, fl-imgħoddi kien hawn is-Sawma tas-Seba’ Bukkuni.  Uħud kienu jittalbu xi biċċa ħobż mingħand in-nies, billi kienu jgħidu:

F’ġieħ id-Duluri, 

Loqma ħobż Jaħasra Tuni,

f’din is-Sawma ħobż u Ilma,

Għandi Bżonn Seba’ Bukkuni.

Għal Ħadd il-Palm l-imgħallmin kienu jżommu werqa żebbuġa fuq il-pavru.  Oħrajn jieħdu qatta’ żebbuġ biex meta jaħdmu xi opra tal-baħar, idendlu fergħa magħha.  Ħafna kienu jieħdu l-friegħi taż-Żebbuġ id-dar biex, nhar ta’ Ħamis, meta jisimgħu il-Mota tal-Ħamis, ibaħħru djarhom.  F’Ħadd il-Palm fil-Parroċċa kienu jsiru l-Kwaranturi, li jispiċċaw nhar l-Erbgħa tat-Tniebri.  Hekk kif jintemmu l-Kwaranturi, il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira kienu jitniżżlu l-knisja ta’ San Lawrenz.  Allura aħna t-tfal ma kienx ikollna skola, u konna ninġabru ħdejn l-Oratorju tal-Kurċifiss biex naraw il-vara jitniżżlu mill-Oratorju għall-Parroċċa.  Dakinhar wara nofsinhar, il-kleru tal-Birgu kienu jagħmlu l-Uffizzjatura fil-kor, lebsin bl-ermellina. Waqt din l-uffizzjatura, aħna t-tfal konna nkantaw l-Lamentazzjonijiet.  Il-kant ta’ dawn il-ġranet fil-knisja, bir-responsorji tal-Kanonku Fenech, kien jiġbed bosta nies minn kull naħa ta’ Malta biex jisimgħu il-melodiji tagħhom.

Nhar Ħamis ix-Xirka, kont issib is-Sepulkru fil-knejjes kollha – il-parroċċa, il-knisja tal-Lunzjata, dik tas-sorijiet ta’ Santa Skolastika, f’San Filippu, u f’Tal-Karmnu (illum dawn it-tnejn imħażen għall-armar tal-festa).  Għall-viżti tas-Sepulkru, il-każini u l-għaqdiet kienu jinġabru flimkien biex jimxu minn knisja għall-oħra fit-toroq dojoq u mudlama ta’ din il-belt.  Allura ġeneralment kien ikollhom f’idejhom fanali apposta, bix-xemgħa tixgħel, għax fit-toroq ma kienx hemm dawl.

Nhar il-Ġimg]a l-Kbira, għall-funzjoni ta’ filgħodu tal-adorazzjoni tas-salib, il-Kanonċi, b’rashom mgħottija bl-ermellina u bla żarbun, jitilgħu jagħmlu l-paċi, billi jbusu l-kurċifiss waqt il-kant tar-responsorji bil-Latin tal-Kanonku Fenech.  Wara nofsinhar, fil-parroċċa kienu jqiegħdu l-vara l-kbira, li kienet turi l-kruċifissjoni ta’ Ġesu, fuq il-presbiterju, u ssir il-priedka – meditazzjoni fuq it-tliet sigħat tal-agunija ta’ Ġesu.  Fil-knisja tal-Lunzjata, fejn dari anke l-patrijiet kellhom il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, din il-funzjoni kienu jtemmuha billi jitniżżel Ġesu Msallab minn fuq is-salib, funzjoni li wkoll kienet tiġbed ħafna nies.

Il-kwadri u l-kurċifissi kollha fil-knejjes kienu jitgħattew b’lożor vjola.  It-twieqi wkoll kienu jkunu mgħottija, u hekk kienu joħolqu atmosfera ta’ dlam u niket.  L-oratorju ta’ San Ġużepp, qrib il-knisja, kien ikun armat bid-Deżolata – jiġifieri l-Madonna Addollorata mdawra b’ħafna xema’ u fjuri.

Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fuq quddiem kien ikollha raġel bil-fifra u ieħor bit-tamborlin, u kienet tkun triq twila tassew, għax qabel ma l-Ingliżi ħadu x-Xatt f’idejhom, il-proċessjoni kienet tgħaddi max-Xatt kollu wkoll.

Iżda nhar Ħadd il-Għid kien jinbidel kollox.  Ħafna rġiel mgħallmin tas-sengħa kienu jinġabru fil-pjazza, ilkoll bit-tomna u bis-sidrija, juru l-polka b’xi medalja mdendla, u jitkellmu fuq ix-xogħlijiet tagħhom.  L-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, akkumpanjata mill-banda, kienet tgħaddi bil-ġirja mit-toroq, u hi u għaddejja, it-tfal kienu jgħollu l-figolla u jgħajtu: “Berikhieli” – ħalli Ġesu jberikha u huma jkunu jistgħu jaqsmuha u jikluha.

XI TIFSIR

Xtaqt inżid nota ta’ tifsir ta’ ċertu kliem marbut mat-twemmin tagħna, għalkemm ħafna minnu diġa ssemma mis-Sur Martin Morana fil-ktieb tiegħu ARA X’INTI TGĦID.

Il-Kuranturi huma erbgħin siegħa ta’ adorazzjoni quddiem is-Sagrament.

Tridu tfisser tlett ijiem ta’ talb bħala preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni ta’ xi festa.

Settena hi sebat ijiem ta’ preparazzjoni għal xi festa.

Ottava hi ċelebrazzjoni ta’ tmint ijiem talb wara xi festa.

Novena hi disat ijiem ta’ preparazzjoni qabel xi festa.

Kwindiċina hi ħmistax-il jum ta’ preparazzjoni għal xi festa.

Kwotidje huwa t-talb ta’ kuljum.

Il-Matutin hu t-talb ta’ filgħodu.

Il-Vespri hu t-talb ta’ wara nofsinhar.

Il-Kanon Ruman hu parti mill-Quddies: qabel u wara l-konsagrazzjoni.

© Lorenzo Zahra