Il-ġimgħa tal-Ġimgħa l-Kbira, fil-fehma tiegħi, hija l-isbaħ żmien biex it-turista jiġi hawn Malta jqatta’ ġimgħa btala, mhux biss għax tiġi fir-rebbiegħa, iżda wisq aktar għax ma tulha aktar isib x’jara u japprezza. Gżiritna, bħala pajjiż nisrani, kienet sa ftit ilu, tgħożż il-ħafna drawwiet reliġjużi li missirijietna daħħlu fostna maż-żmien. Jien ilħaqt bosta minn dawn id-drawwit; billi ma rridx li jintesew irrid in-niżżilhom hawn kif għadni niftakarhom jien.

Kitba ta’ Giusi M Buontempo, l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 2(1984) Nru 3. Xbieha mill-internet.

Aħna l-Maltin konna niċċelebraw il-jiem qaddisa tal-Ġimgħa l-Kbira wara’ tħejjija tul ir-Randan, bis-sawm u l-priedki tal-eżerċizzi. Ilkoll konna nidħlu fl-ispirtu qaddis ta’ dawk il-ġranet. Għadni niftakar li fi żmien ta’ sawm, il-bejjiegħa tal-ħalib ma kienux jgħajjtu “Hawn tal-ħalib” iżda “Hawn tal-abjad”. Ma kienux jgħidu “se niekol”, iżda “se noftor”, biex bħallikieku ma jipprofonawx l-ispirtu ta’ dawk il-jiem ta’ penitenza!

Fil-ġimgħat tar-Randan, il-fratellanzi l-kbar tal-ibliet kienu jagħmlu xi funzjonijiet fl-oratorju tagħhom, fosthom dik li kienu jsejħulha tad-dixxiplina. F’riġlejn l-altar kienu jpoġġu kurċifiss imdaqqas, u waqt il-kant tal-Miserere jew tal-istabat mater, il-fratelli kienu jitilgħu tnejn tnejn, għarkubtejhom fuq tapit aħmar biex ibusuh, u waqt li jkunu telgħin kienu jagħtu fuq spallejhom bid-dixxiplina, li kien ikun ħabel b’ħafna għoqod. Il-Fratellanza tal-Kurċifiss li hemm fil-knisja ta’ Ġieżu il-Belt, kull nhar ta’ ġimgħa, kienet tagħmel proċessjoni b’waħda mill-vari. F’Ħadd Lażżru kienu jgħattu l-kwadri. L-istatwi u l-kurċifissi kollha tal-knisja bi drapp vjola. Dan kien isir fil-knejjes kollha. Fl-aħħar ġimgħa tar-Randan, issir il-proċessjoni tad-Duluri mill-Fratellanza tal-Kurċifiss ta’ Ġieżu, u jattendu għaliha mijiet ta’ devoti, ftit minnhom ħafjin jew bil-kalzetti biss. Fiha jieħu sehem ukoll l-Arċisqof.

Il-Ġimgħa l-Kbira kienet, u għadha tibda nhar Ħadd il-Palm jew Ħadd iż-Żebbuġ, li jfakkar id-dħul trijonfali ta’ Kristu f’Ġerusalemm. Dakinhar filgħodu, qabel il-quddiesa kantata, kienet issir proċessjoni minn bieb għal ieħor tal-knisja; il-qassisin bil-palma f’idejhom, u l-abbatini bil-friegħi taż-żebbuġ. X’ħin il-proċessjoni kienet tasal quddiem il-bieb il-kbir, żewġ qassisin kienu jidħlu ġewwa u jagħlqu l-bieb warajhom. Minn hemmġew, dawn kienu jkantaw il-vers “Gloria laus et honor tibi sit.…” eċċ… u minn barra, il-qassisin l-oħra kienu jissoktaw il-vers. X’ħin jispiċċa l-kant tal-versi, dak li kien jerfa’ s-Salib, kien iħabbat tlett darbiet mal-bieb bil-lasta tas-salib, u mat-tielet daqqa l-bieb kien jinfetaħ u kulħadd jidħol u tibda l-quddiesa. Kienet drawwa sabiħa dakinhar, tara raġel b’xi werqa taż-żebbuġ fil-pavru tal-ġlekk, u n-nisa jħabirku biex jiddubbaw ftit biex jaħarquh nhar Sibt il-Glorja, u kull nhar ta’ Ħamis wara l-Imwiet.

Sal-konċilju Vatikan II, il-funzjonijiet tat-tlett ijiem tal-Ġimgħa l-Kbira kienu jsiru filgħodu. Wara nofsinhar kien jitkanta l-Ufiċċju tat-Tniebri. Matul dawk it-tlett ijiem, il-knisja kienet tkun fid-dlam, bilkemm kont tara timxi. F’nofs il-presbiterju kienu jqegħdu kandelabru, li kienu jgħidulu l-Barabba (Nota dan jissejjaħ propjament Barabass), li fuqu kien ikun hemm tlettax-il xemgħa kannella. Wara kull salm li jispiċċa, kien joħroġ abbati bl-istuta u jitfi waħda mix-xemgħat. Malli tintefa’ l-aħħar xemgħa, il-qassisin fil-kor, kienu joqgħodu jħabbtu s-sedili għal ftit sekondi, u aħna t-tfal kien ikollna xalata nagħmlu l-istorbju billi nfaqqgħu ċ-ċuqlajti jew inħabbtu mal-bibien.

Nhar il-Ħamis filgħodu, il-Knisja kienet tneħħi l-luttu għal ftit minuti, biex tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija, u mal-kant tal-Glorja, kien jieqaf id-daqq kollu tal-qniepen kollha sa nhar is-Sibt filgħodu. Minflok qniepen kienu jużaw ċuqlajta tal-injam. Fi tmiem il-quddiesa kienet issir ir-repożizzjoni solenni tas-Santissmu għall-kappella tas-Supulkru, li kienu jarmawha bix-xeni bħat-tejatru. Wara l-funzjoni l-altari kienu jiġu mneżżgħin minn kull armar ta’ trieħi, eċċ..

Wara nofsinhar kienu jibdew il-visti tas-seba’ knejjes. Kienet tassew edifikanti dik ta’ tant nies jimxu wara s-salib minn knisja għall-oħra, bil-kuruna f’idejhom jgħidu r-rużarju b’leħen għoli, b’ġabra u qima tassew eżemplari. L-aktar li kienet tolqotni, lili, bħala tifel kienet id-dehra ta’ tant irġiel flimkien ma’ marthom, u bosta drabi ma’ uliedhom, li bla mistħija ta’ xejn kien jagħmlu l-visti bħala familja waħda. Dak iż-żmien, waqt il-visti, ma kontx tisma’ ħlief il-ġekulatorja “Nadurawk, O’ Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek Inti fdejtni” li kienet tingħad flok il-Glorja.

F’ħafna knejjes wara nofsinhar, kienet issir il-priedka tat-tliet siegħat, dwar is-seba’ kelmiet li Sidna Ġesù kien qal minn fuq is-salib. Kienet priedka twila li aktarx kienu jaqsmuha f’xi tlieta jew erbgħa taqsimiet, biex il-predikatur jistrieħ ftit; fl-intervall kienu jkantaw xi re sponsorji minn tal-Ġimgħa l-Kbira. Għadhom jissemmew dawk tas-surmast Kan. Dun Alwiġ Fenech tal-Birgu. Dak iż-żmien jiena kont inkanta fil-knisja ta’ San Filippu Neri tal-Isla mas-surmast Antonio Pace (Bagħbusu) ta’ Bormla.  Kienet tkun dehra tassew kommoventi dik tad-depożizzjoni ta’ Ġesù Mejjet minn fuq is-salib biex iniżluh u jqegħduh fuq speċi ta’ sodda.

F’bosta parroċċi, nhar il-Ġimgħa l-Kbira wara nofsinhar issir proċessjoni b’xi tmien vari tal-kartapesta li jirrappreżentaw diversi waqtiet mill-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, oriġinati mill-Fratellanzi tal-Kurċifiss. Antiki ħafna huma dawk tal-Belt u t-tlett ibliet tal-Kottonera. Il-Fratelli tal-Belt u tal-Isla kienu jilbsu kunfratiji u barnuża tal-ixkora, muzzetti sewda, bil-qrieq, u b’salib tal-injam ta’ xi żewġ piedi u lanterna żgħira f’idejhom. Dawk ta’ Bormla jilbsu konfratija sewda u dawk tal-Birgu vjola. Fi tfulitu kienet għadha ma daħlitx id-drawwa li f’dawn il-proċessjonijiet idaħħlu rġiel libsin ta’ ċenturjuni u suldati Rumani, profeti jew membri tas-sinagoga. Kellna biss, barra l-fratelli, is-seba’ bandalori bid-drapp tal-bellus bis-seba’ kelmiet ta’ Kristu minn fuq is-salib, u bandalori oħra kbira bis-sigla tal-imperu ruman S.P.Q.R. (Senatus Populus Que Romanus) li aħna t-tfal konna nfissruha ‘Sei Pastizzi u Quattro Ravioli’. Kien ikun hemm għadd ta’ tfal libsin żimarri tad-damask  biex iżommu xi lanterna jew simbolu tal-passjoni, bħalma huma kuruna tax-xewk. Imsiemer. Eċċ.. Dawn il-proċessjonijiet jiftħu bl-istandard tal-fratellanza b’żewġ irġiel ma’ ġenbu, wieħed bil-flawt u l-ieħor bit-tambur miksi bl-iswed.

Fiż-żmien meta ma kienx hawn kumdità biex wieħed jiġri minn post għall-ieħor, aħna tal-kottonera aktarx konna nikkuntentaw ruħna bil-processjonijiet tagħna. Konna naħsbu li l-vari tagħna kienu l-isbaħ. Jgħidu li x’uħud minn dawn il-vari inħadmu fi Spanja, iżda oħrajn saru Malta. F’Malta kellna bosta jaħdmu fil-kartapesta, mill-aħjar, fosthom jissemmew Karlu Darmanin, Ċenu Bonello, Toni Chricop (mill-Isla) u Salvu Psaila minn Bormla. Aħna tal-Isla l-ewwel konna naraw il-proċessjoni tagħna ħierġa. Fi żmieni, l-Isla bi ħġara kienet tinġabar fuq il-Vitorja biex taraha ħierġa. Kulħadd kien jilbes skur, l-irġiel bil-libsa tad-djagunar jew ċoff iswed bil-kappell pastizz jew nofs tomna. In-nisa kienu jilbsu l-għonnella tal-ħarir ikkurdunat. Dak iż-żmien ma kont raa lil ħadd ipejjep nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Ir-Redentur kien minn dejjem fiċ-ċentru tal-proċessjoni tagħna. Il-ħarsa tiegħu penetranti li fl-istess ħin tnissillek tama kienet tħajjar folla kbira ta’ devoti biex jimxu warajh, min biż-żarbun, min bil-kalzetti, min ħafi. Is-sodda ta’ Kristu mejjet, li konna nsejħulha l-Munument, għad li hi sempliċi, hija artistika ħafna. Ir-reffiegħa tal-Munument ma kienux jilbsu l-konfratija bħall-oħrajn, imma bħall-qassisin, bl-ispellizza u s-suttana.

Qabel il-Vara l-Kbira timxi l-banda Queen’s Own, li kienet idduq marċi funebri sbieħ, u wara l-vara jimxi l-Kapitlu. Sa ftit ilu, il-kanonċi kienu jilbsu l-kappamanja bl-armellin. Fl-aħħar toħroġ id-Duluri. Fi żmieni kieni żiedulha l-San Ġwann minflok l-anġlu li kellha li kellu l-imsiemer u l-kuruna f’idejh. Minn hawn konna mmorru niġru biex nilħqu ta’ Bormla, fejn l-aktar li kienet tiġbed l-attenzjoni kienet l-istatwa tassew sabiħa ta’ Kristu fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Kristu hawn qiegħed mixħut jitlob minn tulu fuq il-blat, b’għajnejh lejn is-sema. Ir-Redentur jgħidu li huwa xogħol ta’ Mastru Pawl Azzopardi mill-Belt. Il-Banda San Ġorġ, tal-post, hija magħrufa għall-marċijiet funebri sbieħ li ddoqq. Għadhom jissemmew dawk ta’ Melilli “L-Ultima Caduta”, “Il-Cipresso”, u ta’ Meruzzi “Venerdi Santo”, u oħrajn.

Hawn kellhom ukoll id-drawwa li fuq il-bradella tal-Vara l-Kbira u tad-Duluri, iqiegħdu xi subien imlibbsin biss bis-suf tan-ngħaġ. Trid tara dawk il-povri tfal itertru bil-bard! Xħin dawn iż-żewġ vari kienu jaslu biex jaqsmu minn Triq l-Oratorju għal Triq San Ġorġ, kien jinħtiġilhom idawwru s-salib b’xi mekkaniżmu minn taħt il-bradella biex ikunu jistgħu jgħaddu bla ma jaħbat, minħabba li t-triq dejqa. Sadattant fil-parroċċa, is-sagristani, mgħejjunin minn xi dilettanti, malajr malajr ineħħu minn mal-ħitan tal-knisja d-damask iswed u jarmaw l-aħmar biex sal-għada filgħodu l-knisja tkun tidher imżejna għall-Glorja.

Minn Bormla konna mmorru niġru l-Birgu biex naraw il-vari libsin tal-ħarir u tal-bellus bil-glalen tad-deheb bħalma jużaw fi Spanja. Sbieħ huma l-vari tal-Marbut u tal-Eċċe Homo, xogħol il-Bormliż Mastru Salv Psaila. Jekk ma niżbaljax, hawnhekk is-sodda ta’ Kristu Mejjet hija tal-fidda mmuntata fuq il-plaxx aħmar. Hawn ukoll, minħabba d-djuq tat-toroq, f’ċerti postijiet ikollhom idawwru s-Salib. Il-banda Duke of Edinburgh, bħal imkejjen oħra ddoqq marċi funebri ta’ surmastrijiet lokali u barranin. Wara li nkunu rajna l-proċessjoni tal-Birgu, konna nerġgħu lura l-Isla, biex narawha dieħla. Minn fuq il-Vitorja fejn il-knisja, konna naraw dehra ferm sabiħa, bil-vari mqassmin ma’ Triq Irjali b’dik il-mixgħela kollha. Sadattant fil-knisja kienu jżarmaw il-bankuni tal-vari kollha, u kull waħda li tidħol fil-knisja kienu jpoġġuha fuq żewġ strippi, iżarmawha, u jibqgħu deħlin bihom fl-oratorju tal-Kurċifiss, biex sal-għada filgħodu fil-Glorja, il-vari kollha jkunu f’posthom.

F’xi snin, biex inbiddlu, missieri kien jeħodna bil-lanċa li kienet tiswa sitt ħabbiet, u fil-festi sold, biex naraw il-proċessjoni tal-Belt li toħroġ mingħand il-patrijiet ta’ Ġieżu, u konna nilħquha għaddejja minn Strada Mercanti li kienet tkun maħnuqa bin-nies. Kien ikun hemm hemda liema bħalha, kulħadd attent iħares lejn il-vari. Kief kien qal tajjeb wieħed ġurnalista Taljan li inzerta kien hawn Malta, “hemda liema bħalha li waqt li għaddejja l-proċessjoni, meta jdoqq l-arloġġ tal-knisja, tistħajlu  qed idoqq nofsillejl”. Il-proċessjoni tal-Belt minn dejjem kien ikollha għadd kbir ta’ Fratelli, xi wħud wiċċhom mgħotti bil-barnuż, oħrajn le. Oħrajn kien ikollhom magħhom tifel żgħir, aktarx xi neputi jew filjozz, iżommilhom il-kurdun, drawwa li kont tiltaqa’ magħha fil-proċessjonijiet kollha. Fil-fehma tiegħi, l-isbaħ fost il-vari tal-Belt, hija l-Vara l-Kbira. Quddiemha timxi l-Banda Cittadina La Vallette, arma sa snienha, bil-kumitat tagħha kollu, idoqq marċi funebri sbieħ, fosthom ukoll ta’ Chopin. L-istandard tal-banda mkebbeb fuq spallejn ir-reffiegħ, flimkien mal-katuba, kienu jkunu mgħottijin bil-krep iswed. Kienet dejjem timpressjonani s-sodda ta’ Kristu Mejjet, xogħol majestuż, b’dawk l-erba’ anġli, xogħol il-magħruf Karmnu Darmanin. Fl-erbgħat-irjus tiegħu kienu jimxu l-kanonċi ta’ San Pawl tal-Belt, libsin il-kappamanja u l-armellin, fuq ir-rukkett tal-vistu bil-bizzilla baxxa u stola sewda. Ir-reffiegħa tal-Monument, hawnhekk ma jidhrux, għax jerfgħu minn taħt, u jkunu mgħottijin bil-faldrappa tal-bellus aħmar. Wara l-Monument jimcu t-tfal tal-kor ta’ San Ġakbu, libsin ta’ abbatini, jkantaw strofi mill-“Miserere” taħt it-tmexxija ta’ Charlie Lowell. Wara dawn kienet timxi l-komunità Franġiskana mat-terzjarji tagħha. Tagħlaq il-proċessjoni il-Vara tad-Duluri, b’għadd ġmielu ta’ devoti jimxu warajha, bħala wegħda ta’ xi grazzja maqlugħa. Meta kienet tispiċċa l-proċessjoni, missieri kien jeħodna għand ‘Żewwiġni’ biex nieħdu xi ħaġa; jien u ħuti konna nixorbu xi flixkun ġinġer jew luminata tal-kulur, ommi ftit kafè, u missieri kappillier bil-ġulepp tal-ħarrub.

Wara l-proċessjoni kulħadd imur lura lejn daru għajjien, lest biex l-għada jqum kmieni għall-Glorja. X’uħud minna t-tfal, konna mmorru l-knisja, biex mal-Glorja ndoqqu l-qniepen, nagħmlu xi ftit tal-istorbju, nikxflu l-inkwatri tal-artali, iżda oħrajn kienu jippreferu imorru f’xatt il-baħar biex mad-daqq tal-qniepen tal-Glorja jaqbżu l-baħar, u n-nisa jkebbsu xi ftit friegħi taż-żebbuġ fit-taġen biex ibaħħru d-dar.

Bosta minn dawn id-drawwiet illum spiċċaw fix-xejn, iż-żminijiet tbiddlu, u magħhom il-fehmiet u l-gosti tan-nies, u l-knisja tagħmel li tista’ biex taġġorna maż-żminijiet tal-lum. It-tajjeb hu, li sa din is-sena stess, il-Maltin xorta ffrekwentaw fl-eluf, iċ-ċerimonji tal-knisja u l-proċessjonijiet b’ġabra, ħerqa u ħeġġa mhux anqas minn dik tal-imgħoddi.