Din hi r-raba’ parti ta’ sensiela li fiha qed nippruvaw nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-karattri tal-fantasija li għandna mistoħbija fil-kultura Maltija.  Nixtiequ ħafna li jkollna mod ta’ kif inpenġu lil dawn il-karattri b’mod li kull min hu Malti jkun jista’ jagħraf karattru minn ieħor.  Dan jista’ jsir billi nagħtu t-tagħrif kollu li nafu fuq dawn il-karattri, u naraw li kull karattru jkollu s-simbolu tiegħu, simbolu li jagħżlu minn karattri oħra.  Hu importanti ħafna għalina li biex il-messaġġ tagħna jinftiehem aħjar, il-kitbiet tagħna jinqraw jekk jista’ jkun kollha flimkien.  Tal-anqas, wieħed għandu jara li jaqra l-introduzzjoni li tgħin lill-qarrej jifhem aħjar.  Din l-introduzzjoni tinstab HAWN.  Il-karattri kollha li ktibna fuqhom s’issa ssibhom HAWN.  Illum imiss li nitkellmu fuq:

Kitba ta’ Ġużi Gatt

IL-ĠGANTI

It-twemmin fil-ġganti jmur lura sal-ibgħad żminijiet.  Lil niesna ta’ dari ma kienx ħafif biex tikkonvinċihom li l-ġganti ma kinux jeżistu meta anke l-Bibbja kienet temmen bihom.  L-aktar ġgant magħruf kien il-Ġgant Gulija, imma fil-Bibbja jissemmew aktar ġganti.  Ngħidu aħna fil-Ġenesi, kapitlu sitta, vers erbgħa, jgħid li “dak iż-żmien kien hawn il-ġganti fuq l-art”.  Il-ġganti kienu l-aktar mod ħafif ta’ kif tifhem kif inbena l-bini qadim b’ġebel kbir li n-nies ta’ bosta pajjiżi, fosthom Malta, kienu jaraw madwarhom.  Il-ġganti kellhom is-saħħa mhux biss jibnu b’dak il-ġebel kbir imma anke jaqilgħu s-siġar mill-għeruq.  Biex il-fehma ta’ min jemmen fil-ġganti tkompli tissaħħaħ, il-bniedem minn żmien għal żmien kien isib midfun fil-ħamrija għadam kbir li mhux lakemm tifhem malajr x’inhu.  “Annimali Preistoriċi” kienet għadha ma saritx frażi komuni.  L-eħfef tifsira kienet li dak kien għadam tal-ġganti.

Il-Maltin ta’ dari tant kienu jħossuhom qrib il-ġganti, li ħrafa minnhom tgħid li l-Maltin u l-Għawdxin kienu mħalltin magħhom fid-demm – jiġifieri kienu qraba tagħhom.  Il-ħrafa tgħid li darba waħda, xi nies rekbin fuq dgħajsa resqu lejn l-art u serqu t-tifel u t-tifla ta’ ġganta li dak il-ħin inzertat ftit imbiegħda minn darha.  Il-ġganta qabżet il-baħar u għamet għal warajhom imma n-nies ta’ fuq id-dgħajsa qatluha.  Id-dgħajsa bin-nies fuqha waslet Malta, u t-tifla tal-ġganta żżewġet Għawdex u minnha huma mnisslin l-Għawdxin, u t-tifel iżżewwwġ Malta u minnu huma mnisslin il-Mostin.[1]

Fil-ħrejjef ta’ pajjiżna, il-ġgant issibu spiss jgħix għal rasu, waħdu, x’imkien imwarrab, jew f’xi masġar.  Imma jissemmew anke familji ta’ ġganti, bil-missier u l-omm u t-tfal.  Ħrafa minnhom issemmi disa’ ġganti, kollha ħallelin li jisirqu d-deheb u l-flus jew mqar xi tiġieġa jew serduk.[2]  Imma talanqas f’Għawdex, il-ħrejjef jgħidu li l-ġganti kellhom ukoll roqgħa kbira ta’ art, kollha mdawra b’sur għoli magħmul minn ġebel kbir bħal dak ta’ Ħaġar Qim.[3]  Din kienet in-naħa ta’ Ta’ Ċenċ u kienet tibqa’ nieżla sa Mġarr ix-Xini.  Il-ġganti kellhom ukoll il-Gvern u l-amministrazzjoni tagħhom, għax kellhom Ġemgħa, bħal dik li l-Maltin kellhom tmexxi mill-Imdina.  Il-Ġemgħa tal-Ġganti kienet tiltaqa’ r-Rabat t’Għawdex, x’imkien wara l-knisja ta’ San Franġisk.[4]  Il-ġganti  kellhom ukoll kuruna tad-djamanti li kienet tiswa aktar minn Għawdex kollu.[5]  Hawn min jgħid li kellhom ukoll l-Għoġol tad-Deheb, li għalkemm fittxewh ħafna nies s’issa għadu qatt ma nstab.[6]  Dejjem skont ma jingħad fil-ħrejjef, il-ġganti kellhom ukoll:

Forn kbir li jingħalaq b’bieba tal-ħadid,

Bir fond mimli bl-ilma,

Liżar, jew kutra b’ħafna qniepen u ġnieġel meħjutin miegħu,

Qanpiena tal-fidda,

Tiġieġa bil-flieles tad-deheb,

Debba, u żebra li malli tmissha tibda tiżher,

Magna tal-Ħalġ li biha jaħilġu n-nies li jaqbdu taħt idejhom qabel ma jsajruhom u jikluhom,

u ta’ lanqas wieħed minnhom kellu ħatem f’sebgħu.[7]  Ħatem jiġifieri ċurkett.

Il-Ħallieġa kienet biċċa għodda li biha kienu jaħilġu l-qoton.  Il-bjad tal-qoton, meta jinġabar mill-bniedem, ikun għad għandu fih iż-żerriegħa  Din iż-żerriegħa trid titneħħa, biex imbagħad, il-qoton il-maħluġ – jiġifieri ta’ bla żerriegħa – ikun jista’ jindaqq għand id-daqqaq u b’hekk il-qoton isir tajjar.  It-tajjar imbagħad jingħażel fuq ir-raddiena biex isir ħajt li bih jintisġu l-ħwejjeġ biex jilbishom il-bniedem.  Il-Ġgant, minflok il-qoton, kien jgħaddi lin-nies mill-ħallieġa, ħalli jnaddafhom qabel ma jsajjarhom u jikolhom.

Il-ġgant kellu saħħa kbira u kien ta’ min jibża’ minnu, imma moħħu ma kienx tajjeb ħafna, u l-eroj tal-ħrafa dejjem jispiċċa biex jirbaħ lill-ġgant bil-ħażen ta’ moħħu.   Jekk il-ġgant jaqbdek u jkun se jdaħħlek f’xi saram kbir, kulma għandek tagħmel hu li żżomm il-kalma u tħaddem ftit rasek:  Jekk il-ġgant jgħidlek biex titla’ fuq il-pala ħalli jkun jista’ jdaħħlek fil-forn u jsajrek, li għandek tagħmel hu li tgħidlu “Itla’ ftit int l-ewwel, jekk jogħġbok, ħalli nara kif”.  U l-balalu ta’ ġgant jitla’ u…bupp…int iddaħħal lilu fil-forn!  Jew jekk ikun irid jixrob, għidlu “Ejja ħa nniżżlek bil-ħabel biex tixrob minn ġol-bir”, u dak jinżel bħall-ħmar.  Meta jgħidlek “Tellagħni”, għidlu “Appa, il-ħabel skappa!”, itfagħlu l-ħabel għal isfel u l-ġgant jinqabad hemm isfel ġol-bir qisu l-iblah u ma jkunx jista’ jitla’.

Il-ġebel kbir li bih il-Ġganta bniet il-Ġgantija (xbieha mill-internet)

Imma l-ġgant kif se naqbdu mpenġuh?  Waħda mill-ħrejjef tagħtina ħjiel ta’ kif nistgħu inpenġu talanqas il-ġganta – dik li bniet dura f’Ta’ Ċenċ imsejħa d-Dura tal-Mara.  (Dan ifisser li fil-Malti għandna kelma għal circle fil-kuntest ta’ bini pre-istoriku – dura).  Il-ġganta kellha tarbija mqiegħda ġo but kbir għamla ta’ benniena li kien imdendel fuq sidirha.  F’but ieħor kellha nofs tomna ful, u f’idha kellha  wiżna qoton Masri.  Hi u timxi kienet tiekol il-ful, u fl-istess ħin tagħżel il-qoton u tagħmlu ħajt bis-saħħa ta’ magħżel li kellha mdendel minn idha.  Waqt li qed tagħmel dan kollu, kienet iġorr ukoll ġebla kbira fuq rasha: waħda minn dawk il-ġebliet li bihom bniet il-Ġgantija, waqqfet Il-Ħaġra l-Wieqfa fil-Qala, u geddset il-ġebel ta’ Borġ Għarib qrib Għajnsielem[8].  Biex nieħdu idea ta’ daqshiex kien fiha din il-ġganta, il-ħrafa tgħidilna li kienet twila darba u nofs daqs il-Ħaġra l-Wieqfa tal-Qala.[9]  

Biex tieħu idea kemm kienet twila l-Ġganta: Darba u nofs daqs il-Ġebla l-Wieqfa tal-Qala.  Daqshekk kien fiha!

Magħżel li bih tagħżel is-suf u t-tajjar biex tagħmlu ħajt.  Fi żmien iktar qrib tagħna, bil-magħżel kien ikun aħjar li tagħżel is-suf milli t-tajjar.  It-tajjar kien jingħażel fuq ir-raddiena.  Imma mid-dehra l-Ġganta miskina ma kinitx taf biha r-raddiena.

Mela dik kienet il-ġganta.  Il-ġgant kien xi ħaġa pariġġha, xi ftit itwal minnha.   Il-Ġgant nixtiquh li jkun liebes ilbies li jfakkarna fi Żmien il-Ħaġar f’Malta, imma ma nixtiquhx li jkun liebes il-ġlud, b’daqna msebbla u b’xagħru mqanfed.  Mill-ftit statwi li għandna ta’ Żmien il-Ħaġar, jidher li n-nies kienu jafu jinsġu, u l-Ġganta u l-Ġgant għandu jkollhom ħwejjiġhom minsuġin fuq in-newl, għalkemm forsi xi ftit imkemmxin għax dak iż-żmien kien għad ma kellhomx ħadida tal-mogħdija.

Li konna poplu ieħor, kien ikollna anke stampi tal-belt sħiħa li l-Ġganti kellhom f’Għawdex, imdawra dawra mejt b’sur mibni b’ġebel kbir bħal tat-tempji neolitiċi, u li kienet kbira minn Ta’ Ċenċ sa Mġarr ix-Xini.  Li ma konniex klieb tagħna nfusna kien ikollna stampa tal-bini fejn tiltaqa’ l-Ġemgħa tal-Ġganti, u xbiha tal-mexxej tagħhom, ir-Rajjes tal-Ġganti.  Kien ikollna xbiha tal-Maqdes jew tempju fejn kellhom l-Għoġol tad-Deheb u anke stampa ta’ kif kienet il-kuruna tad-djamanti li kienet tiswa daqs Għawdex kollu.    Imma aħna m’aħniex poplu hekk.  L-istampi li għandna huma dawk li jbellgħulna popli oħra.

Il-ġebel li l-Ġganta geddset f’Borġ Għarib, qrib Għajnsielem.  Biex tara kemm kienet b’saħħitha.  U l-Ġgant kien iktar b’saħħtu minnha.

Il-Ġganta, xogħol tal-artist Eric Leone

Il-Ġgant. Xbieha maħluqa minn fuq ritratt tal-istatwetta ta’ Richard Bartolo

Fuq il-figura tal-Ġgant din id-darba se nistrieħu fuq l-istatwetta li għamlilna l-artist bravu Richard Bartolo.  Bartolo għamlilna xbieha ta’ tista’ tgħid il-karattri kollha li se nsemmu f’din is-sensiela.  Bis-saħħa t’hekk irnexxielna nikkomunikaw ma’ artisti oħra biex stajna naslu għal ikonografija li għandna bżonn.  Dawn huma l-istatwetti tal-Ġgant u l-Ġganta li għamlilna Bartolo, li tistgħu tarawhom minn angoli differenti hawn taħt:

 

Pittura tal-artist Joseph Bugeja, li turi l-verżjoni tiegħu ta’ kif kienu l-Ġganti tagħna.

REFERENZI

[1] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 127

[2] Ibid, 140-146

[3] Ibid, 130

[4] Ibid, 131

[5] Ibid, 130

[6] Ibid, 129

[7] Ibid, 119-126.  Ara wkoll Guże Cassar Pullicino, Stejjer ta’ Niesna, Dipertiment tal-Informazzjoni, Malta, 1967, Paġni 1-4

[8] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 128 – 129

[9] Ibid, 129