Din hi taqsima oħra minn sensiela ta’ kitbiet maħsuba biex il-Maltin u l-Għawdxin jerġgħu jsiru midħla tal-karattri fittizji tal-fantasija li dari kienu jixgħelu l-istħajjil ta’ niesna. Jekk din hi l-ewwel darba tiegħek li qed taqra l-kitba ta’ dis-sensiela, ikun tajjeb li tfittex u taqra wkoll l-introduzzjoni, li għandek issibha hawnhekk. Fl-introduzzjoni għamilniha ċara li ħsieb tagħna hu li nagħtu biżżejjed tagħrif biex aħna l-Maltin inkunu nistgħu inpenġu x-xbiha  ta’ kull karattru b’mod li l-karattri jkunu jingħarfu minn xulxin – bl-istess mod ta’ kif aħna nagħrfu x-xbiha ta’ Father Christmas, Batma, Superman, Xummiemu, u l-bqija.  Bis-saħħa t’hekk, mhux biss it-tagħrif folkloristiku ta’ kull karattru ma jintilifx, imma wkoll dawn il-karattri ma jmutux, u jerġgħu jieħdu l-ħajja biex tistagħna l-kultura Maltija.

Kitba ta’ Ġużi Gatt

IL-GAWGAW 

 Karattru ieħor li hemm bżonn li jingħata sura li tingħaraf u li tagħżlu minn dik ta’ karattri oħra hu l-Gawgaw.  X’nafu fuq dan il-karattru tal-fantasija?  Nafu li (dejjem skont il-ħrejjef u l-folklor) tifel li jitwieled f’nofsillejl tal-Milied, meta jikber u jsir raġel, kull nofsillejl tal-Milied jistenbaħ mir-raqda, iqum mis-sodda, joħroġ barra d-dar, u jagħmel ħafna għeġubijiet u jbeżża’ n-nies.  Fil-ktieb tiegħu Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, Juan Mamo semma li darba l-Gawgaw “għola m’għola l-kampnar”.  Imma ftit li xejn nafu iktar minn hekk, ħlief li kien jgħaddi mit-toroq jgħajjat b’leħen ikrah, u jkaxkar warajh xatba tal-bdiewa, li kienet tagħmel ħoss tal-biża’.[1]  Ix-xatba tal-bdiewa mhix dik li sservi bħala bieb jew ilqugħ biex min ma jkunx ta’ ġewwa ma jgħaddix. Le.  Ix-xatba tal-Gawgaw hi dik li dari kien ikollu l-bidwi biex biha jwitti l-art u jkisser it-tub li jibqa’ fil-ħamrija wara li jkun ħarat l-għalqa.[2]  Dik li jkaxkar warajh il-Gawgaw hi magħmula mill-injam, u tkun għamla ta’ nofs trianglu – jiġifieri trianglu mingħajr il-ponta ta’ fuq.

Ix-xatba tal-Gawgaw kienet speċjali.  Kienet tal-injam, imma kellha l-imsiemer ukoll.

Wara li jkun qatta’ l-lejl jiġġerra fit-toroq, il-Gawgaw jiskadilu l-ħin tiegħu, u eżatt qabel ma jdoqq il-Paternoster, jerġa’ jidħol id-dar, ifittex is-sodda, u jorqod qisu qatt ma kien xejn.  Filgħodu jqum u jħossu mfarrak u għajjien, imma ma jiftakar xejn minn dak li jkun ġara l-lejl ta’ qabel.  Jekk inti tkun taf li twelidt f’nofsillejl tal-Milied, li għandek tagħmel biex ma ssirx Gawgaw hu li tibqa’ mqajjem il-lejl kollu, u toqgħod tgħodd it-toqob ta’ għarbiel kbir, bħal dak li kien ikollhom il-bdiewa biex jgħarblu l-qamħ wara li jkunu dirsuh fuq il-qiegħa.  Tgħodd it-toqob kollha, u meta tlesti, terġa’ tibda tgħodd sa ma jisbaħ.  Aħna naħsbu li l-istorja tal-Gawgaw hi qadima ferm, u dawn id-dettallji li għadna kemm semmejna, u li fihom jissemma l-Milied, m’humiex qodma daqs in-nisel tal-istorja.  Naħsbu li ħafna u ħafna snin ilu, fl-istorja tal-Gawgaw kienu jissemmew żewġ karattri oħra: dik il-kewkba fis-sema li l-Maltin ta’ dari kienu jafuha bħala “il-Kawkaw” (Alpha Carinae), u dak il-barri kbir u b’saħħtu li fil-ħrejjef jissejjaħ Il-Qawqaw jew il-Qawqam.  X’irridu ngħidu b’dan?

Għal dawk li jixtiequ jinżlu aktar fil-fond, nistgħu nibdew billi nfakkru li, b’xorti tajba, dawk li ġabru d-dizzjunarji t-tajbin tal-ilsien Malti, u nies oħra kbar bħal Patri Manwel Magri, laħqu ħadu minn fomm il-poplu l-ismijiet ta’ xi kwiekeb li jidhru fis-sema, u li niesna ta’ dari kienu nnutawhom u għażluhom minn kwiekeb oħra.  Bis-saħħa t’hekk nafu li dak l-għanqud kwiekeb li bl-Ingliż jissejjaħ Pleiades, bil-Malti nsejħulu t-Trajja.  Tiġri wara t-Trajja niesna innutaw lil kewkba oħra – AlphaTauri – bil-Malti d-Dabrani.  Il-kewkba Polaris bil-Malti tissejjaħ Kewkbet is-SafarUrsa Major ngħidulha is-Seba’ Kwiekeb.  Tissemma kewkba oħra – it-Tewwikk, li m’aħniex ċerti liema kewkba hi, imma x’aktarx hi dik il-kewkba l-kbira u li tlebleb u tteptep ħafna u li jgħidulha wkoll Sirius.  Imma għalissa l-aktar li jinteressana hu li l-ilsien Malti jaf li ċerta kewkba fis-sema jgħidulha Il-KAWKAW.  Din il-kewkba hi Alpha Carinae, magħrufa wkoll bħala Canopus.[3]   Il-Kawkaw tidher biss minn dawk il-pajjiżi li, bħal Malta, qegħdin xi ftit ‘l isfel fil-ħemisfera tat-tramuntana.  Jiġifieri li fil-pajjiżi Nordiċi, dawk li qegħdin aktar ‘il fuq fejn jinżel is-silġ u jaħkem il-bard u l-ksieħ, lil din il-kewkba ma jarawhiex, għax ma jirnexxilhiex tixref rasha minn wara x-xefaq.  Imma minn Malta, u minn pajjiżi aktar ‘l isfel minnha, din il-kewkba tfiġġ ‘il fuq mill-art, u f’data qrib ħafna tal-Milied, tilħaq l’għola quċċata tagħha fis-sema – ma taqtgħux fi x’ħin? – f’nofsillejl,jiġifieri mhux ‘il bogħod ħafna minn dak il-lejl li fih joħroġ il-Gawgaw u jogħla fl-ajru.  Minn Malta u mill-pajjiżi aktar ‘l isfel minna, imma dejjem fid-direzzjoni tal-Afrika ta’ Fuq , l-aħjar żmien biex tara din il-kewkba hu bejn Diċembru u Frar.  F’Diċembru hemm il-festa tal-Milied u fi Frar hemm il-festa tal-Gandlora.[4]  Fuq ir-rabta tal-Gawgaw mal-Gandlora nitkellmu aktar ‘il quddiem fit-taqsima li jmiss.  Ara wkoll in-nota numru erbgħa li tidher man-nota loħra aktar ‘l isfel.

Biex issib lil Canopus, jiġifieri lill-Kawkaw, trid titfa’ ħarstek ‘l isfel lejn ix-xefaq.  Meta ssibha tkun tista’ sserraħ rasek li qed tħares lejn in-Nofsinhar, u dari s-sajjieda kienu jużawha minflok boxxla.

Issa biex inkomplu l-istorja rridu nidħlu fi ftit dettalji ikkumplikati.  Taqtgħux qalbkom.  Komplu aqraw sa l-aħħar.  Hi storja interessanti ħafna.

L-istudjużi ilhom jafu li n-nies tal-Mesopotamja, dik l-art li llum nafuha bħala l-Iraq, kienu minn tal-ewwel li flew is-sema bil-lejl, qassmu l-kwiekeb f’taqsimiet żgħar, taw lil kull taqsima isem, u rabtuha ma’ xi alla jew ma’ xi fenominu tan-natura skont iż-żmien tas-sena li fih tidher.  Biż-żmien dan it-tagħrif wasal għandna wkoll, u aħna nafuh bħala “l-oroskopu”.  Imma l-oroskopu li nafu aħna hu dak mfassal mill-Griegi, li ġew ferm wara n-nies tal-Mesopotamja.  Il-Griegi kkapparaw u stgħallew kulma għamlu popli oħra qabilhom, u dawru kollox kif kien jogħġob lilhom.  Bil-wiċċ tost kollu ħadu l-kredtu kollu huma.  Imma l-għerf tal-imgħoddi, dak l-għerf li ħażnu nies oħra li ġew ferm qabel il-Griegi, jinteressa bil-kbir lil ħafna studjużi.  B’xorti tajba, f’Lulju tal-2007, Gavin White ħareġ il-ktieb Babylonian Star-lore,[5] u minnu intbaħna b’dan il-fatt:

Fil-pajjiżi tal-Mesopotamja, l-istess bħalma kien jiġri f’Malta ta’ dari, is-sena tal-biedja kienet tibda għall-nofs Settembru.  F’dak ix-xahar wieħed kien jittama li tinżel l-ewwel xita wara n-nixfa twila tas-sajf.  Il-bidwi kien jiftaħ l-art billi jaħratha bil-moħriet, għax il-ħamrija miftuħa tħajjar liż-żerriegħa tal-ħaxix ħażin biex tinbet mal-ewwel ħalba xita.  Kif il-ħaxix jinbet u jikber ftit, il-bidwi kien jerġa’ jaħrat biex jaqla’ l-ħaxix ħażin minn għeruqu, bit-tama li jmut qabel jagħmel iż-żerriegħa, w’allura ma jerġax jinbet.  Wara li jaħrat, il-bidwi jaqbad ix-xatba li semmejna aktar ‘il fuq u biha jxattab l-għalqa ħalli jwitti l-art, ikisser it-tub u ċ-ċapep tal-ħamrija u, speċjalment jekk ikun qed juża x-xatba tal-imsiemer, iqaċċat u jeqred l-aħħar xitel tal-ħaxix ħażin li forsi jkun baqa’.  Dan kollu jiġri fi dħul il-Ħarifa, li jaħbat tard f’Settembru.

Issa għatu daqqa t’għajn lejn l-istampa tal-kwiekeb kif kienu jidhru fis-sema tal-Mesopotamja eluf ta’ snin ilu, dejjem kif jagħtihom Gavin White fil-ktieb tiegħu Babylonian Star-lore (paġna 32).  Biex tifhmu d-disinn tridu tkunu tafu xi ħaġa fuq l-Oroskopu, imma konvint li ħafna minna jafu huma taħt liema stilla twieldu.  Bħal m’għamlu l-Griegi u r-Rumani fl-Oroskopu, in-nies tal-Babilonja taw isem u rabtu karattru ma’ kull kostellazzjoni li raw fis-sema.  Ħarsu ftit in-naħa t’isfel, fejn hemm dak il-persunaġġ li bl-Ingliż ingħata l-isem ta’ The Harrow.

Il-figuri t’hawn fuq jirrapreżentaw kwiekeb, jew ġmiegħi ta’ kwiekeb li llum aħna nafuhom b’ismijiet u simboli oħra.  Imma ħafna mis-simboli użati min-nies tal-Mesopotamja xorta għadhom jintgħarfu sal-lum.  Gavin White jgħid li l-figura imsejħa “Furrow” hi l-kostellazzjoni bl-isem ta’ “Virgo” (paġna 33).  Fis-sema, Virgo qiegħda biswit ġemgħa ta’ kwiekeb li llum aktar nafuhom bħala “Leo”.  Jidher li l-iljun kien is-simbolu ta’ dawn il-kwiekeb anke għan-nies tal-Mesopotamja.  Taħt Leo, fis-sema hemm kostellazzjoni magħrufa bl-isem ta’ “Corvus”, li jfisser “ċawla”.  U taħt l-iljun, fid-disinn t’hawn fuq, tidher ukoll ċawla, għorab (raven).  Taħt iċ-ċawla, għorab jew Corvus, hemm l-imħalla magħrufa bħala Hydra, irrapreżentata minn serpent; u taħt is-serpent hemm karattru nofsu raġel u nofsu barri, u f’dirgħajh iħaddan ix-xatba tal-bidwi.  Aħna naħsbu li l-ħrafa tal-Gawgaw, xi darba, lil dan il-karattru kienet tafu sew.  Imma kif?

Hu fatt magħruf li dari kien hemm imħalla fis-sema li l-Griegi kienu semmewha Argo Navis.  Maż-żmien, l-astronomi iddeċidew li Argo Navis kienet kbira wisq u qasmu lil din l-imħalla fi tlieta: Vela, Puppis, u Carina.[6]  Fid-disinn t’hawn taħt Argo Navis tidher magħluqa f’kaxxa għaliha.  Ġie ddikkjarat minn ħafna studjużi li fejn il-Griegi kienu dari jaraw fis-sema lill-Astro Navis, in-nies tal-Mesopotamia kienu jpoġġu fl-istesspost is-simbolu ta’ Eridu, Ninmah, u s-simbolu l-ieħor li bl-Ingliż ġie msejjaħ harrow – jiġifieri xatba tal-biedja.[7]Jekk tifli sewwa d-disinn t’hawn isfel tista’ tara li l-kaxxa li tiġbor fiha lill-Astro Navis, tinkludi wkoll il-kostellazzjoni Carina, li l-iktar kewkba li tiddi fiha hi appuntu l-KAWKAW, u fl-istess spazju, in-nies tal-Mesopotamia pinġew simbolu li Gavin White jagħtih l-isem ta’ “harrow”.  Harrow bl-Ingliż hi dik l-għodda tal-bidwi li bil-Malti tissejjaħ “xatba”.   Mela l-Imħalla tax-Xatba għandha kewkba li tissejjaħ “il-Kawkaw” li tibda tidher fis-sema għall-ħabta ta’ Diċembru.  Il-Gawgaw joħroġ f’nofsillejl tal-Milied, lejn l-aħħar ta’ Diċembru, jogħla fl-ajru, u jġorr warajh xatba tal-bdiewa.  F’moħħna m’hemmx dubju li hemm rabta bejn il-Gawgaw u l-kewkba Kawkaw.

Ir-rabta bejn il-kelma “Gawgaw” u l-kelma “Kawkaw” ilha ħafna li ġiet innutata.  Mikiel Anton Vassalli, fid-dizzjunarju tiegħu il-Lexicon, jagħti tliet verżjonijiet tal-istess kelma: Gawgaw, Gewgew, u Kawkaw.  Ġuże Aquilina, fid-dizzjunarju tiegħu Malti-Ingliż iżid ukoll il-kelma “Qawqaw”, u dil-kelma iġġibna għal punt ieħor interessanti, għax tfakkarna fi ħrafa oħra li fiha jissemma barri kbir u b’saħħtu:  Innutaw li fl-ikonografija tal-Mesopotamja, l-Imħalla tax-Xatba kienet irrapreżentata minn ħlejqa b’sura ta’ bniedem, iġġorr f’dirgħajha xatba tal-bdiewa, bi qrun f’rasha, u b’saqajn ta’ baqra jew barri.

Is-simbolu li għan-nies tal-Mesopotamja tal-qedem kien jirrappreżenta dik il-ġemgħa ta’ kwiekeb li fiha hemm Alpha Carinae, kewkba li bil-Malti tissejjaħ Il-Kawkaw.  Raġel bi qrun u saqajn ta’ barri, u f’idu jżomm xatba tal-bdiewa.  Disinn meħud mill-ktieb ta’ Gavin White

Jekk toqgħod taħseb ftit, fix-xogħol tar-raba’, dari kienet tkun il-baqra jew il-barri li jkaxkru x-xatba tal-bdiewa wara daharhom.  Waħda mill-ħrejjef li laħaq ġabar Patri Manwel Magri kien jisimha: Ix-Xiħ midfun ġol-Għar.[8]  Il-ħrafa tgħid li darba waħda, is-sultan ħareġ bandu li kien jamar li ħadd ma kien jista’ jaħdem fir-raba’ tiegħu jekk qabel ma jkunx mar jaħdem ir-raba’ tas-sultan.  Aħbar bħal din ħadd qatt ma stenniha, u l-eroj tal-ħrafa, raġel magħruf għall-għaqal tiegħu, mar jistaqsi lil missieru x’għandu jagħmel.  Missieru qallu:

Ixtri il-Qawqama u l-Qawqam,

Xejn la tfittex kemm qam,

Itmagħhom ix-xnien u n-nifel,

U l-moħriet sal-qiegħ jindifen;

Billejl aħdem f’tiegħek,

Binhar aħdem f’tas-sultan.

Mill-ħrafa joħroġ li l-Qawqama u l-Qawqam huma baqra u barri b’saħħithom li jaħdmu lejl u nhar u jeħilsu x-xogħol tar-raba’ fi żmien qasir –  żgur li dari din kienet il-ħolma ta’ kull bidwi.  Ix-xnien u n-nifel huma żewġ xitliet li dari kienu mogħtija bħala għalf lill-bhejjem.  Miġbud mill-barri jew gendus imsejjaħ il-Qawqam, il-moħriet iniffed is-sikka tal-ħadid sal-qiegħ tal-ħamrija, u allura jaħdem l-art sewwa.  La jaf jiġbed il-moħriet, il-Qawqam, jew il-Qawqaw, jaf jiġbed ukoll warajh ix-xatba tal-biedja, biex ikisser it-tub jew jaqla’ minn għeruqu l-ħaxix ħażin u jeqirdu darba għal dejjem.  Biex ma nħalluhiex barra, ngħidu wkoll li Gianfrangisk Agius De Soldanis, fid-dizzjunarju tiegħu li lesta madwar mitejn u ħamsin sena ilu, ukoll kien qal li l-Gawgaw, meta joħroġ jiġġerra barra f’lejliet il-Milied jibda jgħajjat b’leħen ta’ barri.[9]

Il-Gawgaw, il-Gewgew, il-Kawkaw, il-Qawqaw, il-Qawqam, kollha jiġbduna lejn l-għarfien li l-bniedem tal-qedem kellu tas-sema u l-kwiekeb, u lejn ix-xogħol tal-bidwi ġor-raba’ li mingħajru s-soċjeta ma setgħetx tiekol biex tgħix.

Imma kif jidħol it-tifel li jitwieled f’nofsillejl tal-Milied?  L-istorja tgħallimna li għalkemm ir-reliġjon Nisranija għamlet minn kollox biex teqridhom jew tnessihom, ċerti drawwiet pagani baqgħu ħajjin, u saru aċċettabbli billi ntrabtu ma’ xi festa Nisranija.  L-iktar eżempju ċar hi s-siġra tal-Milied (Christmas Tree) li llum ma ngħaddux mingħajra fi djarna.  Hu aċċettat mill-istudjużi li s-siġra tal-Milied taf nisilha lill-qima pagana li n-nies tal-Ewropa tat-Tramuntana kellhom lejn is-siġar tal-foresta.[10]  Illum il-qima pagana lejn is-siġar intnesiet, u s-siġra mżejna bid-dwal u b’oġġetti li jlellxu u jleqqu, b’kewkba tiddi fil-quċċata, hi sinonoma mal-festa Nisranija tal-Milied.  F’Malta, niesna raw is-siġra tal-Milied l-ewwel darba għand il-Militar Ingliż, fil-parties li kien jorganizza għat-tfal Maltin f’dawk il-ġranet ta’ festi. Din is-siġra bdiet issir komuni fi djarna lejn l-aħħar tas-snin ħamsin u l-bidu tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor.  Dak iż-żmien il-knisja kienet għadha konxja li s-siġra kienet drawwa tal-Protestanti u kienet tħares bl-ikrah lejha.  L-ewwel familji li daħħluha f’darhom kienu jitfuha f’dak il-ħin meta l-purċissjoni tal-Bambin li kienu jagħmlu t-tfal tal-Mużew kienet tgħaddi minn quddiem darhom.[11]  Fi żmienna, is-siġra pagana tal-Milied tintrama saħansitra fil-misraħ ta’ quddiem il-Vatikan.

L-istorja tal-Kawkaw ukoll għandha għeruqha fil-Mitoloġija tar-reliġjonijiet Pagani tal-qedem.  Irnexxielha ma tinqeridx għal kollox minħabba l-fatt li marbuta magħha kien hemm iċ-ċerimonji li l-pagani kienu jagħmlu f’xi żmien f’Diċembru. L-aqwa festa Nisranija ta’ Diċembru hi l-Milied, u biex l-istorja tal-Gawgaw ikollha ċans li tibqa’ tgħix, ddaħħal fiha dak l-element marbut ma’ din il-festa, għalkemm bi sfond xi ftit makabru.  Aħna li għexna dawn l-istejjer u smajnihom f’ħoġor ommna jew nannitna, nafu sew li fl-istorja oriġinali kien hemm sens qawwi tax-xogħol tal-biedja – bl-għarbiel u bix-xatba tal-bidwi jispikkaw.  Ix-xatba u l-għarbiel jistgħu jitqiesu li jissimbolizzaw il-bidu (il-ħrit u t-twittija tal-ħamrija) u t-tmiem (it-tisfija tal-qamħ li jindires fuq il-qiegħa u li jintgħarbel bl-għeriebel) fiċ-ċiklu tat-tkabbir tal-ikel mill-bidwi skont il-mixja tax-xhur u tal-istaġuni.  Maż-żmien das-sens intilef jew iċċajpar, u l-istorja qabdet rotta oħra.  Id-dettal li jgħid li biex ma ssirx Gawgaw trid toqgħod tgħodd it-toqob tal-għarbiel, x’aktarx li daħal ukoll tard ħafna fl-iżvilupp tal-istorja, u mhux ħaġa kbira li hu nfluwenzat minn stejjer oħra ta’ popli oħra.[12] F’Diċembru tal-2011, Victor J. Galea kiteb artiklu fil-perjodiku msejjaħ Luminaria, li joħroġ mill-parroċċa tan-Nadur, Għawdex.  F’dan l-ariklu, is-Sur Galea kiteb hekk:

Fi Sqallija, min jitwieled matul il-lejl ta’ San Pawl, isibuh bħala Ċirawlu. Raġel bħal dan, barra li l-velenu tas-sriep ma jkunx jista’ għalih u għalhekk ma kien jagħmillu xejn, ikun jagħmel issħarijiet, ibassar il-ġejjieni, jikkmanda lis-sriep u jeħodha mal-bniedem- lupu.[13]

Jekk dan hu minnu, jidher li f’din l-istorja, dak li f’Malta jiġri lil min jitwieled fil-lejl tal-Milied, fi Sqallija jiġri, bejn wieħed u ieħor, lil dak li jitwieled fil-“lejl ta’ San Pawl” – biex tara kemm l-istejjer jiddakkru minn xulxin u jitħawdu.  Jekk dan il-lejl ta’ San Pawl hu l-lejl ta’ sbiħ l-10 ta’ Frar, dan ifisser li hu qrib ħafna tal-festa tal-Gandlora, festa oħra Nisranija li taħbat fil-bidu ta’ Frar.  Kif diġa għidna aktar ‘il fuq, l-aħjar żmien biex tara l-kewkba magħrufa bħala l-Kawkaw, hu bejn Diċembru u Frar, bejn il-Milied u l-Gandlora.   Fil-fehma tagħna l-Gawgaw wiret it-tradizjonijiet il-qodma li kien hemm marbuta mal-kewkba Alpha Carinae, u hu għalhekk li jissemma b’rabta kemm mal-Milied u kemm mal-Gandlora – kif se naraw fit-taqsima li jmiss, meta nitkellmu fuq l-Ors tal-Gandlora.

Imm’issa, wara dal-kliem kollu, lill-Gawgaw kif se npenġuh? L-iktar ħaġa ċara, u li se ninsistu fuqha, hi li s-simbolu tiegħu hu dik il-biċċa għodda tal-biedja li tissejjah xatba.  Bl-Ingliż din tissejjah harrow.  Ix-xatba kienet tintuża biex ixxattab l-art – jiġifieri tkisser it-tub li jkun hemm fil-ħamrija ħalli ġġibhom trab, u twitti l-art wara li l-bidwi jkun ħaratha u forsi anke żeragħha.  Xtiebi kien hemm tnejn: waħda tal-injam, ċatta minn taħt, mingħajr imsiemer, maħsuba biex twitta l-art u “tross” il-ħamrija; u l-oħra tal-ħadid, bl-imsiemer taħt,  maħsuba biex taqla’ l-ħaxix salvaġġ u tkisser it-tub.  Tal-Gawgaw għamilniha xatba speċjali – għax hi qadima ħafna u nixtiquha li tagħmel ħafna storbju: hi tqila u tal-injam, imma għandha l-imsiemer tal-ħadid ukoll.  Qed inġibu stampa tagħha.  Il-Gawgaw għandu jkollu x’jaqsam wkoll mal-bhejjem tal-ifrat – għax kien jgħajjat b’leħen ta’ barri.  Ix-xatba tal-biedja kienet tiġbidha l-baqra Maltija; u aktar tard iż-żiemel jew il-bagħal.  Min ma jkollux mezzi, spiss kien ikollu jieħu paċenza u jiġbed ix-xatba warajh hu stess – kif jidher fir-ritratt t’hawn isfel.  Imma dik kienet biċċa xogħol iebsa ħafna.  L-ikbar uġiegħ ta’ ras tagħna hu kif se npenġu lill-Gawgaw innifsu.  M’hemmx dubju li lbiesu hu bħal tal-bdiewa ta’ dari – terħa, qalziet imxammar, u bil-qorq; imma rasu hi ta’ barri jew ta’ bniedem?  Dil-mistoqsija ħabbtitna ħafna.  Jekk hi ta’ bniedem, irridu nżidulha qrun ta’ barri; jekk hi ta’ barri, bilfors li għandha l-qrun.  Hawn isfel għandna xi ftit suġġerimenti.  Ix-xatba hi l-aktar importanti.  Jekk jista’ jkun, għandu jidher l-għarbiel (kbir u tal-biedja) ukoll (mhux passatur).  F’idejkom biex tpenġu xi ħaġa aħjar minn tagħna.

Min ma kellux mezzi, kien ikollu jiġbed warajh ix-xatba hu stess – imma kienet biċċa xogħol iebsa.  (Ritratt ta’ Bernard Agius /Joe Borg. Grazzi ħafna)

 

Kif se npenġuh: Rasu ta’ bniedem bil-qrun, jew ta’ barri?

 

Il-Gawgaw: Suġġeriment ta’ Ġużi Gatt

 

Il-Gawgaw: Xogħol tal-artist grafiku Eric Leone

 

Il-Gawgaw: Il-verżjoni ta’ John Spiteri Gingell

 

Il-Gawgaw:  Verżjoni ta’ Daniel Mercieca

 

L-istatwetta ta’ Richard Bartolo.  Ir-ritratti tagħha ttieħdu minn John Spiteri Gingell.

 

L-illustrazzjoni tal-Gawgaw li dehret fil-ktieb Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, li Anton F. Attard ippubblika fl-2002.  Id-disinn hu ta’ Denise Muscat.

 

Pittura ta’ l-artist Joseph Bugeja, bl-isem ta’ “il-Gawgaw” li dehret fil-wirja tal-2016 imsejħa Hotel Babaw

 

Pittura oħra ta’ Joseph Bugeja, li dehret ukoll fl-istess wirja li semmejna aktar ‘l fuq.  Il-pittura jisimha Waħx il-Baqar”. 

 

Fil-folklor ta’ missirijietna Waħx il-Baqar ġie li tħawwad mal-Gawgaw.  F’nofsillejl tal-Milied, lit-tfal kienu joħduhom biex jisimgħu il-quddiesa ta’ nofsillejl.  Meta jiġu lura kienu jgħidulhom biex jimxu dritt lejn id-dar, għax joħroġ il-Gawgaw u jekk jarahom joħodhom miegħu.  Darba kien hemm mara li xtaqet tara lill-Gawgaw.  F’nofsillejl tal-Milied qagħdet imqajma fil-kamra tas-sodda , u xħin il-Gawgaw wasal taħt il-gallarija tagħha, għola sal-gallarija u beda jgħajjat.  Kien għamla ta’ annimal.  Waħx il-Baqar kien jieqaf f’salib it-toroq u jibda jokrob u jgħajjat.  Jekk tittawwallu mill-gallarija jibda jitwal, jasal sal-gallarija, jaqbdek u jieħdok miegħu.  Dan it-tagħrif ħadnieh mill-ktieb Minn Fomm il-Poplu ta’ Guido Lanfranco, ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin fl-2017.  Ara l-paragrafi numru 280, 751, 753, u 755. Billi l-KEWKBA bl-isem tal-Kawkaw tidher ‘l isfel ħafna fis-sema, qisha qed tipprova tittawwal minn wara x-xefaq u bilkemm tiflaħ tixref rasha ‘l fuq, jien, ngħid għalija, nsibu ħafna interessanti l-fatt li l-Gawgaw hekk kien jagħmel ukoll: jogħla minn isfel u jittawwallek mill-gallarija.

Se nerġgħu nirreputu s-suġġeriment tagħna ta’ kif għandu jitpenġa l-Gawgaw: Liebes l-ilbies tradizzjonali ta’ bidwi Malti: terħa, qalziet imxammar, u qorq; f’rasu jrid ikun hemm il-qrun, imma r-ras tista’ tkun ta’ raġel irrabjat, jew ta’ barri; jidher li qed jiġri bis-saħħa, u warajh ikaxkar xatba tal-biedja, goffa u magħmula mill-injam, imma bl-imsiemer tal-ħadid ħerġin minnha.  Jekk jista’ jkun, warajh jidher għarbiel kbir tal-bdiewa, u billi l-Gawgaw joħroġ biss billejl, l-għarbiel jista’ jieħu post il-qamar.

Id-darba li jmiss se nitkellmu fuq L-ORS TAL-GANDLORA.  L-istorja tal-Ors tintrabat ma dik tal-Gawgaw u, jekk jista’ jkun, iż-żewġ stejjer għandhom jinqraw flimkien.  Mela narawkom darb’oħra.

Importanti li issa li qrajtu din il-kitba t’hawn fuq, taqraw wkoll il-kitba li serviet bħala introduzzjoni  għal dan il-proġett.  Din tistgħu issibuha HAWN

L-ewwel Taqsima: Il-Ħares u r-Ruħ

ĠUŻI GATT (C)

REFERENZI

[1]Attard, Anton F. Mid-Dinja tas-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002, paġna 115.  Ara wkoll l-artiklu tiegħu Gozitan Christmas Loreand Traditions, li deher f’The Gozo Observer, Nru 23, Diċembru 2010.  Fis-26 ta’ Diċembru 1999, Anton F. Attard kiteb ukoll artiklu fit-Torċa: Leġġendi għal Żmien il-Milied.  Il-Gawgaw. Il-Ħrafa tal-Gawgaw. Paġna 10.

[2]Minn dawn ix-xtiebi kien hemm tnejn: waħda ċatta, mingħajr imsiemer, li kienet tintuża biex terġa’ twitti l-art wara li l-bidwi jkun ħaratha.  Kienu jgħidu wkoll li “biex tross l-art” – jiġifieri tagħlaqha ħalli t-tira li jkun hemm fiha ma tintilifx malajr.  L-oħra kien ikollha l-imsiemer taħt, u kienet tintuża biex tkisser it-tub tal-ħamrija, u taqla’ l-ħaxix ħażin.  Fl-aħħar snin meta kienu għadhom jintużaw, iċ-ċatta kienet tal-injam, u tal-imsiemer kienet tkun tal-ħadid.  Imma tal-Gawgaw hi speċjali, qadima ħafna, tqila u tal-injam, imma għandha wkoll l-imsiemer.

[3]KAWKAW, Aquilina, Joseph, Maltese-English Dictionary, 2 volumi, Malta, 1987

[4] Fil-Milied tal-2018,  Canopus tilħaq l-ogħla quċċata tagħha fis-sema f’nofsillejl u ħdax-il minuta. Fil-Milied tal-2019 tilħaq il-quċċata tagħha f’nofsillejl u erbatax-il minuta; u nibqħu sejrin hekk skont is-sena li tkun.  Nirringrazzja minn qalbi lil Joseph Caruana, minn Għajnsielem li għaddieli dawn id-dati u l-ħinijiet.  Biex titkixxef aktar fuq Canopus, jiġifier l-kewkba li niesna kienu jafuha bħala l-Kawkaw, ara https://en.wikipedia.org/wiki/Canopus

[5]White, Gavin, Babylonian Star-lore, Solaria Publication, Londra, 2007

[6]https://en.wikipedia.org/wiki/Argo_Navis

[7]Barentine, John C., The Lost Constellations: A History of Obsolete, Extinct, or Forgotten Star Lore. 2015, paġna 72

[8]Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 241-246

[9]DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Maltin u Ghaucin, Editriċi Rosabelle Carabott, ippubblikat mill-Akkademja tal-Malti fl-2016, paġna 455.

[10]https://en.wikipedia.org/wiki/Christmas_tree

[11]Camilleri, Joseph C. Żmien il-Milied fl-aħħar tas-snin ħamsin f’Ħal Tarxien, fl-Imnara Vol. 10/3, Nru. 38, paġna 45

[12]Ara ngħidu aħna l-ktieb Studies in Maltese Folklor, ta’ Joseph Cassar Pullicino, paġni 225 -226

[13]Galea, Victor J., Il-Gawgaw, artiklu li deher fil-Luminaria Nru 107, Diċembru 2011.