Dan l-artiklu huwa t-tielet parti minn tlieta, u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni”.

Issa se nagħtu lista tal-ismijiet tal-aktar oġġetti importanti fost l-affarijiet kollha li kienu jsiru mill-fuħħar f’Malta u disinn ta’ kif kienu jkunu. Hekk forsi nerġgħu nitgħallmu xi tkun “qolla” u xi jkun “żir” u ma nibqgħux insejhu kollox “ġarra”.

Il-BORMA: (pl. borom) Din m’għandhiex tkun problema. Nafu x’inhi għax għadna nużawha. Imma dari kienet tkun tal-fuħħar. Borma tesa’ ikel biżżejjed għal xi erbgħa jew ħamsa min-nies.

In-NOFS BORMA: Iżgħar mill-borma; isservi għal tnejn min-nies.

Il-BRAJMA: (pl. brajmiet) Borma żgħira. Issajjar fiha l-ikel għal xi tarbija, jew biex iżżomm l-ikel sħun għal bniedem wieħed li ma tkunx taf sewwa meta se jasal id-dar.

Il-KENURA: (pl. kenuriet) Il-brajma kont tista’ tqegħeda fuq il-kenura, li tkun għamla ta’ skutella, b’tieqa żgħira maqtugħa fil-ġenb. Minn dit-tieqa kont iddaħħal musbieħ, li bil-fjamma tiegħu kien iżomm l-ikel ta’ ġol-brajma sħun.

L-INĦASA: (inħajjes) Din hi borma kbira li tesa’ ikel għal familja kbira. Jekk tkun ikbar milli jidher fid-disinn kienet tista’ tintuża għat-togħlija tal-ħwejjeġ, l-aktar tal-bojod. Biż-żmien ħadilha postha l-kaldarun.

Il-PAGNA: (pl. pwagen) Borma ċatta. Il-pagna hi dik ta’ żewġ widnejn żgħar fil-ġenb, waħda fuq kull naħa, waqt li. . .

It-TIGAN: (pl. twagen) jixbah lill-pagna imma jkollu manku wieħed kbir fuq naħa waħda. Kien jintuża flok it-taġen tal-lum – għall-qali.

Il-BIEQJA: (pl. bwieqi) Skutella. Fiż-żmien kienet tintuża għax-xorb, jew flok platt fond. Imma meta l-iskutelli u l-platti taċ-ċeramika saru aktar komuni, baqgħet tintuża l-aktar biex jagħlfu fiha t-tiġieġ u l-għasafar.

MISQA: (pl. misqiet) Bieqja biż-żennuna u b’nofs il-wiċċ mgħotti. Tintuża biex jisqu it-trabi jew xi xjuħ morda.

Il-KENUR: (pl. kwiener) Dari, flok il-kuker kellhom il-kenur. Fil-biċċa l-kbira kien ikun tal-ġebel, imma xi kultant kien ikun tal-fuħħar. Kien għamla ta’ qasrija, b’fetħa fil-ġenb minfejn titfa’ l-ħatab u tqabbad in-nar. Il-borma kienet isserraħ fuq ħanek li kien ikun hemm fuq in-naħa ta’ ġewwa, u l-ikel kien jitħalla jsir bil-mod il-mod.

Il-BAQRA: (pl. baqriet) Għamla ta’ baqra tal-fuħħar b’żaqqha kbira. Fuq id-dahar ikollha għatu li minnu timla l-baqra bl-ikel. Kienet tintuża biex iżżomm l-ikel sħun sakemm jasal il-ħin biex taqleb. Tissemma l-aktar għall-istuffat tal-fenek.

BOMBLU: (pl. bombli) Flixkun kbir għall-ilma tax-xorb. L-għonq kien ikun dejjaq, u ġewwa kien ikollu bħal għatu mtaqqab biex meta terfgħu u tgħollih biex tixrob minnu, l-ilma jkollu jgħaddi mit-toqob u joħroġ bil-mod, u mhux joħroġ bis-saħħa u jaħslek.

Il-QOLLA: (pl. qliel jew qolol) Għall-ilma kien hemm il-qolla. Kienet tesa’ bejn wieħed u ieħor daqs barmil u kienet tintuża flok barmil – biex iġġorr l-ilma minn fuq l-għajn għad-dar, biex ittella’ l-ilma mill-bir, u l-bqija.

Il-QANNATA: (pl. qnanet jew qannati) Iżgħar mill-qolla kien hemm il-qannata, li minbarra għall-ilma kienet tintuża għal likwidi oħra, ngħidu aħna għall-ġarr tal-ħalib.

Iż-ŻIR: (pl. żjar) Iżgħar mill-qannata kien hemm iż-żir li minnu kont tferra’ l-ilma għal ġo tazza jew bieqja.

Il-BUQAR: (pl. buqari) Il-buqar jixbah ħafna liż-żir, imma jkollu x-xoffa, li ż-żir ma jkollux.

Il-KUS: (pl. kwies) Dari dan kien flok il-flixkun taż-żejt. Iż-żejt kien prezzjuż u kien jinżamm f’reċipjent apposta li minnu kien jista’ jitferra’ sewwa u bil-galbu. Għalhekk ngħidu: “ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus”.

Il-MAĦLEB: (pl. mħaleb) Ir-raħħal dari kien jaħleb il-mogħża, in-nagħġa jew il-baqra dritt għal ġol-maħleb. Il-maħleb ikollu żennuna wiesgħa li minnha l-ħalib kien jitferra’ fil-qannata.

Id-DORGA: (pl. dorog) Reċipjent għall-inbid (u għall-ilma wkoll). Ikun fiha widna fuq, biex taqbadha b’id waħda, u widna oħra fil-ġenb biex minnha tmejjel id-dorga u tferra’ miż-żennuna. Meta tkun żgħira ġieli kienet tissejjah “dorgett”.

Il-BEKBIEKA: (jew bekbuka) Din tkun l-istess bħad-dorga, ħlief li ftit ‘l isfel mill-għonq ikollha għatu tal-fuħħar mimli bit-toqob. Peress li l-ilma jew l-inbid kien ikollu joħroġ bil-mod mit-toqob, kien jagħmel ħoss ta’ bekk, bekk, bekk hu u nieżel u allura sejħulha “bekbieka”.

Il-MAFRAD/Il-METRED: (pl. mfarad, mtiered) Dawn, mid-dehra, illum intnesew għal kollox. Dudley Buxton u Hort jagħtu lista bl-ismijiet ta’ l-oġġetti tal-fuħħar li kienu jinħadmu f’Birchircara għall-ħabta ta’ l-1921. Se nagħtu l-lista kollha, bil-kliem miktub skond kif spellewh dawn iż-żewġ riċerkaturi: ‘olla, zir, bombola, bikia, lembi, MATTRAT, lembieh, concha, kasria, mahlap, carous, imnara, khenur, musbih. L-ismijiet jintgħarfu kollha ħlief, forsi, il-kelma mattrat. Il-kliem kollu fil-lista huwa kliem Malti. Imma fl-istess ħin, l-ebda kelma minnhom ma ġiet ivvintata Malta. L-ismijiet ta’ dawn l-oġġetti tal-fuħħar huma kollha magħrufa f’xi pajjiż jew ieħor minn dawk ta’ madwarna fil-Mediterran. Dan jgħodd ukoll għall-kelma mattrat. Etimoloġikament għandha tinkiteb “metred” u tingħad għal platt kbir u fond qisu żinġla. Fil-fatt, Dudley Buxton u Hort isemmu l-metred waqt li qed jitkellmu fuq il-lembi u l-lembija u jgħidu li kien “a second, rather smaller, bowl of the same form” – jixbah il-lembi u l-lembija imma iżgħar. Xi xjuħ li naf jien għadhom jiftakru ż-żmien meta l-mara tad-dar fl-irħula Maltin u Għawdxin, l-aktar fost il-bdiewa, kienet taqleb il-borma ġo platt kbir u fond, u l-familja kollha kienet iddur miegħu, kulħadd jiekol mill-istess platt. X’aktarx li l-platt kien ikun fuq mejda, imma nannuwi, Anġlu Gatt, qalli li jiftakar djar fejn kienu jieklu bilqiegħda fl-art, fuq xi tapit jew xkora jew ħasira. Il-metred hu dak il-platt fond, għalkemm kien hawn min isejjaħlu wkoll pagna jew żinġla. Fid-dizzjunarji tagħna tissemma wkoll il-kelma “mafrad”. Emmanuel Sammut (il-Captain) miż-Żurrieq, li ġabar ħafna affarijiet tal-fuħħar, qalli li jiftakar il-mafrad bħala platt kbir “qisu plattina ta’ konka”. Naħseb li qed nitkellmu fuq l-istess ħaġa.

Il-LEMBIJA: (pl. Ilmiebi, lembijiet) Din tkun ikbar miż-żinġla. Dari kienet tintuża mill-mara tad-dar biex tagħġen l-għaġina, biex taħsel xi ftit ħwejjeġ fiha, jew biex taħsel il-platti.

Il-LEMBI: (pl. Ilmiebi) Dan hu lembija kbira. Kien jintuża l-istess bħal-lembija imma f’xogħol aktar fil-kobor, ngħidu aħna mill-furnar biex jagħġen għaġna kbira, jew minn min jagħsar l-inbid, meta jkollu ħafna għeneb x’jagħsar.

Iż-ŻINĠLA: (pl. żnieġel) Lembija żgħira. Dawk iż-żnieġel ta’ dari, miksija minn ġewwa b’kulur aħdar ikkuskjat, x’aktarx li ma kinux isiru Malta imma kienu jiġu minn Franza. Il-kelma nfisha ġejja mit-Taljan zongola.

Il-MOĦFIJA: (pl. imħafi) In-nies tal-lum lill-moħfija probabbli jsejhulha “ġarra”. Hi speċi ta’ ġarra imma jkollha fommha wiesa’ ferm iktar minn tal-ġarra. Fil-moħfija kont tista’ tqiegħed xi laħam immellaħ, jew xi frott imqadded, jew xi kemxa liri tad-deheb biex imbagħad taħbiha ġo toqba fil-ħajt fejn ma jsibha ħadd. Għal affarijiet bħal dawn il-ġarra mhix tajba, għax ikollha għonqha dejjaq wisq. Il-moħfija tkun bħall-borma, imma ma tkunx maħsuba għal fuq in-nar; u tkun bħall-ġarra imma jkollha fommha ferm usa’ mill-ġarra, biex tkun tista’ tqiegħed u taħżen fiha dak li għandek bżonn, bla tbatija.

Il-BOMBLU TAL-ĦAMIEM: Il-bomblu diġa ltqajna miegħu. Ikun mimli bl-ilma. Il-ħamiem kellhom wieħed ukoll, maqlub rasu ‘l isfel ġo vaska li fil-ġnieb tagħha jkollha t-toqob biex il-ħamiem idaħħlu rashom minnha u jixorbu mill-ilma li joħroġ mill-bomblu. L-ilma ġol-vaska jagħlaq l-arja tal-bomblu u l-ilma ma jibqax ħiereġ u jfur.

Il-MISQA TAL-KANALI: Din l-istess bħall-bomblu tal-ħamiem, imma iżgħar. Minflok il-bomblu kienu jqiegħdu ċagħka tonda u tqila biex l-għasafar ma jaqilbux kollox. Iktar ma ċ-ċagħka tkun tonda iktar aħjar, ħalli l-għasfur jiżloq u ma joqgħodx komdu fuqha u allura ma jħammiġhiex.

Il-BORMA TA’ L-GĦASAFAR: Borma żgħira daqs ħolqa, biex iqiegħdu fiha l-iskalora meta jagħlfu l-għasafar.

Il-MUSBIEĦ U l-IMNARA: (pl. imsiebaħ u mnajjar) Il-musbieħ kien jimtela biż-żejt, u ż-żejt kien iżomm ftila tixgħel biex il-bniedem ikun jista’ jara fid-dlam. Kien hawn imsiebaħ ta’ ftila waħda, u kien hawn ta’ żewġ ftajjel jew iktar. Il-musbieħ kien imur ma’ l-imnara. Meta tkun ġewwa kont iżżomm il-musbieħ fuq l-imnara (fuq l-għonq). Imma meta ċċaqlaq il-musbieħ minn post għal-ieħor kont tqiegħdu ġewwa l-imnara. Kont iddaħħlu minn tieqa li jkun hemm miftuħa fil-ġenb, biex il-musbieħ ikun għar-rdoss u ma jintefiex bir-riħ.

Il-KANTRU: (pl. kantrijiet) Dan kien flok it-toilet tal-lum. Kont tpoġġi bilqiegħda fuqu u tinqeda mill-aħjar li tista’. Wara, imbagħad, kont trid tara fejn se tbattlu. Pariġġu kien hawn l-awrinar jew il-vażu li hawn min jafu wkoll bħala “ix-xaqfa”. Il-kantrijiet u l-awrinari x’aktarx li kienu jinġiebu minn barra.

Il-KAWŻELLA: (pl. kawżelli) Din kienet kaxxa li fiha l-kaċċaturi tal-fniek kienu jżommu n-nemes. Fil-biċċa l-kbira din kienet tkun magħmula mill-qasab imma kien hawn minnhom tal-fuħħar ukoll. Ikollha żewġ ħoloq minfejn kont tista’ torbot qafla biex iddendel il-kawżella ma’ spalltek, u jkollha bieba li titla’ u tinżel biex il-nemes jidħol u joħroġ minnha, u xi toqob minfejn jgħaddi n-nifs.

Il-KARUS: (pl. karusijiet) Bħal ġarra żgħira, magħluqa minn kullimkien. Ikun hemm xaqq żgħir kemm tidħol munita. Jingħata lit-tfal biex ifaddlu l-flus. Suppost li l-flus li titfa’ fih ma tkunx tista’ terġa’ toħroġhom jekk ma tkissirx il-karus. Imma meta konna tfal konna nafu kif noħorġu l-flus minnu bla ma nkissruh.

QASRIJA: (pl. qsari) Reċipjent biex tħawwel xi xitla fih. M’hawn l-ebda raġuni għala għandna narmu dil-kelma biex minflokha nibdew ngħidu pot. Il-qsari li qed nuru fid-disinn huma kollha xogħol il-Maltin. Id-disinji ittieħdu minn artiklu miktub minn Thomas Foster u ppublikat fil-“Maltese Folklore Review”, ir-raba’ volum (1972). L-ewwel waħda hi qasrija maħduma minn magna, bil-forma (nru. 1). Ħdejha hemm qasrija Maltija ta’ dari (nru 2), itwal, u ġejja għamla ta’ qanpiena. Kien hawn tliet daqsijiet. Iż-żgħar b’dijametru ta’ 4 pulzieri; tan-nofs 6 pulzieri; u l-kbar ta’ 10 pulzieri. Fin-nofs, ma’ qaddhom, kien ikollhom xi disinn; spiss kien ikun xi disinn sempliċi – ngħidu aħna xi żewġ sinjali rqaq iduru dawramejt mal-qasrija – imma xi kultant kien ikollhom xi ħaġa aktar elaborata kif jidher f’nru. 3. Ix-xifer ta’ fuq ġieli kien maħdum imżerżaq (nru. 4) jew mfdewwex (mewġ mewġ) kif jidher f’nru. 5. M’għadekx tara minn dawn il-qsari għamla ta’ qanpiena. Mhix xi ħaġa daqshekk kbira biex jerġgħu jibdew isiru.

KONKA: (pl. konok) Konka hi qasrija kbira li tkun maħsuba biex issebbaħ xi ġnien. Mikiel Tabone li kien jaħdem il-fuħħar iż-Żejtun, ħadem ħafna mill-konok li hemm fil-ġnien ta’ Sant’Anton. Dik li tidher fid-disinn qiegħda l-Argotti.

Il-ĠARRA: (pl. ġarar) Il-ġarra kienet għall-inbid, għaż-żejt, għaż-żebbuġ, għall-ġbejniet, u l-bqija. Imma ma kinitx bħall-qolla, u l-qannata, u ż-żir u l-buqar, li kienu maħsuba għall-ilma u likwidi oħra bħall-ħalib, u kellhom fommhom usa’ minn tal-ġarra. Ġarar kien hawn ħafna għamliet u qisien differenti u diffiċli li tagħti eżempju wieħed li jolqothom kollha. Kollox ma’ kollox, il-ġarra jkollha l-għonq ftit dejjaq meta tqabblu mal-bqija ta’ ġisimha.

Il-BARRADA: (pl. brared) Dari l-mara tad-dar kienet tagħġen biżżejjed għaġina biex il-furnar ikun jista’ jaħmilha l-ħobż għal ġimgħa sħiħa. Meta ġġib il-ħobż id-dar riedet tara fejn se taħżnu biex jibqa’ frisk. L-aħjar post kien fil-barrada – bħal konka kbira b’fommha wiesa’ li kienet tesa’ ħafna. Jgħidu wkoll li l-magħruf Censu Brared minn Birkirkara, li kellu sehem kbir fl-imblokk tal-Franċiżi, kienu jgħidulu hekk għax kien iżomm ħafna tin imqadded fil-brared. Is-sajjieda jużaw il-barrada wkoll – fuq il-laneċ u l-luzzijiet. Din tkun mimlija bl-ilma baħar biex fiha jżommu l-qabda tal-ħut friska kemm idumu fuq il-baħar. Imma l-barrada li kienu jużaw sa ftit ilu ma kinitx tkun tal-fuħħar.

Il-QOLLA TAN-NAĦAL: Din tkun bħall-qolla ta’ l-ilma, imma ma jkollhiex qiegħ. Il-qolla kienet titqiegħed daharha mal-ħajt jew ma’ xi kantun. In-naħal kien jidħol mit-toqba ta’ quddiem u jimla x-xehda bl-għasel. Meta n-naħal ilesti x-xogħol, l-għassiel kien jaqla’ l-qolla minn mal-ħajt u jisraq l-għasel tan-naħal mill-qiegħ tal-qolla – li jkun vojt. Jekk xtaq li jkollu qolla ikbar, kien jista’ jqiegħed biċċ’oħra tal-fuħħar, li kienet tissejjaħ iż-ŻIEDA, fuq in-naħa ta’ wara, u hekk l-ispazju fil-qolla kien jiżdied.

AFFARIJIET OĦRA LI MA SSEMMEWX.  Dari kienu jsiru ħafna affarijiet oħra tal-fuħħar li ma ssemmewx f’din il-lista.   Ħafna minnhom huma affarijiet li għadhom magħrufa, imma li llum isiru minn materjal ieħor.  Kien hawn, ngħidu aħna, l-imwieżeb tal-fuħħar (sing. miżieb), katusi,  mniekeb (sing. minkeb) għall-katusa (dak li llum ngħidulu elbow),  platti, sjetti (li kienu l-platti ċ-ċatti), gandlieri, kalċijiet, bottijiet, kaffieri (bħall-istanjata),  u anke xi buġija  –  bħal plattina bil-widna u post fin-nofs fejn tista’ żżomm xemgħa wieqfa biex timxi biha minn kamra għal-oħra, għalkemm, fil-biċċa l-kbira, il-buġija kienet tkun tal-metall.

MIKLEM

Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti. Is-suġġett, f’dal-każ, hu L-ARKEOLOĠIJA. L-istorja ta’ Malta għandha bżonn kbir tat-tagħrif li jista’ jinkiseb mill-iskavi arkeoloġiċi. Dan jgħodd għal kull żmien ta’ l-istorja, imma l-aktar għall-perjodu Medjevali. Għandna bżonn kbir ta’ nies li jkollhom il-ħila li jiktbu, jew ta’ lanqas jitkellmu, u jużaw it-terminolġija t-tajba fuq das-suġġett. It-tifsira tal-kelma, kemm bl-Ingliż u kemm bil-Malti trid tinftiehem dejjem f’kuntest arkeoloġiku u li għandha x’taqsam mal-fuħħar jew mal-ħġieġ. Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond il-loġika tas-suġġett:

Hand-made Mtella’ bl-idejn
Turntable Rota
Wheel Torn
Wheel-made/thrown Mtella’ bit-torn
Burnishing Għorik
Burnished ware Fuħħar mogħruk
Slip Ħalib
Slip ware Fuħħar imħalleb
Painted ware Fuħħar imħalleb                               
Coated Miksi
Glaze Tila, żmalt, glejż
Glazed ware Xaqquf, fuħħar mitli, żmaltat, igglejżjat
Fired Moħmi
Well fired Mikwi sewwa
Poorly fired Nofs sajran
Temper It-tempra
Fabric L-għaġna tat-tafal
Coarse fabric Magħġun imkarwat
Fine fabric Magħġun fin
Gritty Mużrar
Inclusions (e.g. limestone inclusions) Frak
Fine ware Fuħħar fin
Coarse ware  Fuħħar raff
   
Collar L-għonq
Rim Ix-xifer
Base Il-qiegħ
Sherd Xaqqufa
Body sherd Xaqqufa mill-ġenb
Base sherd Xaqqufa mill-qiegħ
Rim sherd Xaqqufa mix-xifer
Spout Iż-żennuna
Handle Il-widna
Lip Xoffa
Decration Tiżjin
Corrugated/corrugation Mfdewwex/fdewwex
Cross-hatching Tixtib/mxattab
Combed decoration Disinji mimxuta ngħidu aħna mewġ mimxut; trijangli mimxuta
Latice decoration Kaxxi kaxxi
Scalloped Bil-pizzi
Ribbed Irrigat
Chevron Nofs maqrut
Strip Strixxa
Blob Boċċa; ballun
Amphora Amfora
Bowl Bieqja; żinġla;
Basin Lembija; lembi
Cooking-pot Borma
Dish Nħasa; mafrad; metred
Ewer Buqar
Flagon Qarraba
Jar Vażett
Jug Bott, żir
Lamp Musbieħ
Pitcher Qannata; dorga; bekbieka; bomblu
Pot Qasrija
Storage jar Ġarra
Vase Vażun; moħfija
Water-pot Qolla; qannata
Water spout Miżieb
   
China Kina
Faience Fajjenza, għalkemm din tista’ tfisser wkoll crockery
Majolica Majjolika
Porcelain Porċellana
Terra-cotta Terrakotta

 

Nieħdu eżempju ta’ kif tista’ tiġi użata dit-terminoloġija. Il-paragrafu li ġej hu meħud mill-ktieb “Excavations at Ħal Millieri, Malta”, sewwa sew mill-artiklu miktub minn T.F.C. Blagg, jismu “The Pottery”, f’paġna 53:

Seventeen sherds identifiable as pottery of the Borġ in-Nadur phase (ca. 1450-800BC) were found in the excavations. There are no rims, bases or handles, and none of the pieces has the incised decoration characteristic of this ware. They do, however, have the usual dark red or brown, slightly crackled or flaky, surface, and a fabric which is coarse, heavily-gritted, and reduced grey at the core.

Bil-Malti:

Fl-iskavi nstabu sbatax-il xaqqufa li jintgħarfu li huma ta’ żmien Borġ in-Nadur (ca. 1450-800QK). Ma nstabet l-ebda xaqqufa tax-xifer jew tal-qiegħ, l-ebda widna, u l-ebda xaqqufa li kienet imżejna b’dawk id-disinni minquxa, magħrufa minn fuħħar ieħor ta’ l-istess żmien. Imma x-xaqquf kien ta’ l-istess lewn aħmar skur jew ismar, b’wiċċ ftit imxiegħer, jinstelaħ malajr, u magħmul minn tafal magħġun imkarwat, mużrar, u b’ġewwieni griż, jidher moħmi fgat.

X’jiġifieri “Moħmi fgat”?

Fil-biċċa l-kbira, il-fran tal-fuħħar ikunu magħmula b’mod li l-arja u n-nifs jgħaddu minnhom bla tbatija. Imma ġieli l-ħami jsir ġo forn jew sistema fejn l-arja ssib ix-xkiel biex tgħaddi. Fil-qedem, ngħidu aħna, kienu jħaffru ħofra fl-art , jitfgħu l-oġġetti li jkunu se jaħmu fiha, jgħattu kollox bil-ħatab, u jqabbu l-ħuġġieġa. B’dal-mod, l-arja ssibha iebsa biex tgħaddi mill-fuħħar ‘l barra u l-fuħħar joħroġ aktar sewdieni. Fuħħar bħal dan bl-Ingliż jissejjaġ reduced, u bil-Malti: moħmi fgat.

(C) Ġużi Gatt