Dan l-artiklu huwa t-tieni parti minn tlieta, u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni”.

IL-FORN

Meta x-xogħol ikun lest u ilu jinxef għal xi xahar jew iżjed; u fuq kollox, ikollok biżżejjed xogħol biex timla l-FORN (kiln), tkun tista’ taħmi t-tafal u tikwih.

Dudley Buxton u Hort ma semmew xejn fuq il-għamla tal-forn. Qalu biss li kien “forn sempliċi” u li l-ħaddiema kienu jibblukkaw id-daħla tiegħu bil-brikks meta jaħmu. In-nar kienu jqabbduh bil-ĦATAB (chiefly ‘brushwood’). Faħam ma setgħux jużaw għax “kien jagħti sħana qawwija wisq u x-xogħol kien jixpakka”. Jien tkellimt ma’ Pawlu Sacco ‘Tal-fuħħar’ mir-Rabat t’Għawdex, ma’ Anthony Borg ‘Ta’ Peter the Potter’ mir-Rabat ta’ Malta, u ma’ Katarin Grima li kienet taħdem għand ‘Ta’ Sakranobis’ iż-Żejtun. Il-fran li fissruli bil-fomm is-Sur Sacco u s-Sinjura Grima, u l-forn li wrieni s-sur Borg, jirrappreżentaw għamliet ta’ fran differenti magħrufa sewwa fil-pajjiżi tal-Mediterran. Il-forn tas-sur Sacco probabbli li hu aktar “tipiku Malti”; waqt li l-forn li wrieni s-Sur Borg kien magħmul minn missieru, li kien tgħallem is-sengħa m’għand xi barranin. Is-Sur Pawlu Sacco li joqgħod lejn Għajn Qatet, wara l-knisja ta’ San Franġisk, ir-Rabat t’Għawdex, qalli li missieru kien idum xi sitt xhur sakemm ilesti biżżejjed xogħol biex ikollu biex jimla l-forn u jkun jista’ jaħmi. Meta jinqala’ minn fuq it-torn, ix-xogħol lest kien jitħalla jinxef għal ftit fix-xemx, imma mbagħad kien jiddaħħal ġewwa, fuq xi xkaffa f’xi remissa, probabbli qalb il-faxex tal-basal u t-tewm u l-imħaret u l-għodda l-oħra tal-biedja, għax missier is-Sur Sacco, minbarra li jaħdem il-fuħħar kien ukoll bidwi. Hemmhekk kien jibqa’ jistenna sakemm ikun hemm biżżejjed xogħol biex jimtela l-forn. Skond is-Sur Sacco, missieru kien jaħmi xi darbtejn fis-sena. Il-forn kien mibni bil-kantun “tal-ġebla tar-ratba” jew tal-franka. Il-knaten kienu mqiegħda fuq xulxin u mhux imkaħħla. Kien għoli xi erba’ piedi u daqshekk ieħor wiesa’, kellu bieb, u kien imsaqqaf “bil-ħnejjiet”. Jidher li l-ħnejjiet kienu qrib ħafna ta’ xulxin biex jiffurmaw speċi ta’ troll għax “ma’ kienx hemm xorok”, imma kien hemm xi xaqq żgħir bejn ħnejja u oħra biex jgħaddi ftit tan-nifs. Fuq il-ħnejjiet kien jintefa’ ħafna “xaqquf u trab”. Ix-xaqquf hu biċċiet tal-fuħħar imkisser u “t-trab” hu l-istess trab tat-tafal milli kien ikun hemm fil-ħanut. Ġewwa l-forn, fl-art, kien ikun hemm xi knaten mqiegħda ‘l hinn u ‘l hawn u, bi dritt il-bieb, żewġ “żjar” (plural ta’ “żir”, speċi ta’ buqar tal-fuħħar) wiċċhom ‘l isfel. Biex jimlew il-forn kienu l-ewwel ipoġġu x-xogħol il-kbir, merfugħ mill-art, iserraħ fuq il-knaten u ż-żjar. Imbagħad kienu jkomplu “jimburġaw” bix-xogħol li jkun iżgħar fid-daqs sakemm il-forn jimtela sew. Il-ħatab kien jitqiegħed taħt, bejn il-knaten, iż-żjar u x-xogħol tat-tafal. L-ewwel jibdew “bil-qasbija”, li tkun bħal tiben u zkuk u ħaxix ieħor niexef li jaqbad malajr u allura l-forn jibda jisħon. Imbagħad kienu jkomplu bil-ħatab, li kien ikun “tas-siġar” u kienu jġibuh “minn Malta”. Kienu jdumu jaħmu tlett ijiem, dejjem għassa tal-forn. Ma jidhirx li kien hemm xi ċumnija, u skond is-Sur Sacco, id-duħħan kien “joħroġ mil-bieb” u mix-xquq ta’ bejn il-ħnejjiet tas-saqaf. Ħaddiem tas-sengħa kien jista’ jieħu idea ta’ fiex wasal il-fuħħar ġol-forn billi jifli x-xaqquf ta’ fuq il-ħnejjiet.

Il-forn li fissritli bil-fomm Katarin Grima kien ftit iktar ikkumplikat. Il-forn taż-Żejtun kien ikbar – wiesa’ xi seba’ piedi. Taħtnett kien hemm kamra għall-ħatab, b’bieb baxx, għoli xi żewġ piedi. Din l-ewwel kamra kienet imsaqqfa “bix-xorok” li ma kinux imissu ma’ xulxin għax kien hemm l-ispazju bejniethom. Mhix ħaġa kbira biex kien hemm ukoll xi kolonni jerfgħu u jirfdu ‘l dawn ix-xorok, imma Katarin ma tiftakarx. Is-saqaf kien pjuttost baxx. ‘Il fuq minn din l-ewwel kamra kien hemm kamra oħra “fejn kienu jqiegħdu x-xogħol”. L-istess bħal fil-każ tal-forn t’Għawdex, ix-xogħol kien jiġi stivat sewwa biex il-forn jieħu xogħol kemm jiflaħ u kemm jesa’. Dit-tieni kamra kellha bieb ukoll u kellha saqaf “għat-tond, qisu saqaf ta’ knisja”. F’nofs is-saqaf kien hemm toqba li minnha wieħed seta’ jittawwal għal isfel. Is-saqaf kienu jiksuh b’ ħafna “katusi tal-fuħħar imkissrin milli kien ikollna”. Jonqos kamra oħra – it-tielet waħda, li kont tista’ titla’ għaliha minn taraġ tal-ġebel maġenb il-forn. Jekk titla’ t-taraġ, tidħol mill-bieb tal-kamra u tirfes fuq l-art miksija bil-katusi mkissrin, kont tista’ tittawwal mit-toqba tas-saqaf tat-tieni kamra u tara x-xogħol fil-forn fiex wasal.

Kienu jdumu tlett ijiem “isaħħnu l-forn bil-ħatab”. “Il-ħatab” kien jiġi mill-affarijiet ta’ l-injam imkissrin li kienu jiddubbaw m’għand in-nies tar-raħal, għalkemm kien ikun hemm xi ftit ħatab tas-siġar ukoll. Kienu jsaħħnu l-forn bil-mod. Qabel ma jagħlqu l-ħanut filgħaxija kienu jitfgħu żewġ ħatbiet oħra biex meta jerġgħu jiġu filgħodu jsibu l-ġamar għadu jikwi. Wara tlett ijiem sħana, kienu jagħmlu ġurnata “jitimgħu ċ-ċana lill-forn”. Mikiel Tabone kien “jieħu l-kuntratt taċ-ċana mit-tarzna”, u minn tard filgħodu sa xi l-ħamsa ta’ wara nofsinhar kienu jkebbsu ħuġġieġa qawwija billi jitfgħu ċ-ċana fil-forn. Id-duħħan kien joħroġ mit-toqba tas-saqaf tat-tieni kamra u mill-bieb tal-kamra ta’ fuqnett.

It-tielet għamla ta’ forn rajtha għand is-Sur Toni Borg Ta’ Peter the Potter, ir-Rabat ta’ l-Mdina. Il-biċċa t’isfel, imħaffra fil-blat, hi magħmula għat-tond, b’ fetħa żgħira kemm jgħaddi bniedem biex ikun jista’ jimla l-forn bil-ħatab. Din il-kamra jew ħofra fil-blat hi msaqqfa għat-tond, għamla ta’ koppla, bi ċnagen żgħar tal-fuħħar, magħmula u moħmija minn missier is-Sur Borg. Il-koppla fiha l-VENTILATURI (perforations) li kollha jinfdu għal fuq. ‘Il fuq minn din l-ewwel koppla, hemm it-tieni saff: kamra tonda, mibnija wkoll miċ-ċnagen tal-fuħħar, u li għandha koppla oħra, bil-ventilaturi bħal ta’ qabilha. Fil-kamra t’isfel jitqiegħed il-ħatab u jitqabbad in-nar. Fil-kamra ta’ fuq iqiegħdu l-qsari tat-tafal, imburġati f’borġ wieħed, waħda fuq l-oħra. It-tafal jinħema u jinkewa bis-sħana li tgħaddi mill-ventilaturi tal-koppla ta’ taħt, waqt li d-duħħan joħroġ mill-ventilaturi tal-koppla ta’ fuq. Id-disinn juri żewġ saffi, għax il-forn hekk kien fil-bidu. Aktar tard is-Sur Borg żied koppla oħra. Din saret biex tilqa’ r-riħ, li xi kultant, meta jkun jobrom, kien itellef ix-xogħol tal-forn.

IX-XAQQUF

Il-kelma XAQQUF diġa ltqajna magħha u nafu li tfisser fuħħar imkisser (sherds). Fl-istess ħin dil-kelma għandha wkoll tifsira oħra, għax meta ngħidu li xi oġġett hu TAX-XAQQUF inkunu rridu nfissru li hu tal-fuħħar ileqq, fuħħar miksi bil-glaze (glazed earthenware). Ikun kemm ikun maħdum tajjeb, il-fuħħar dejjem jibqa’ poruż; xi ftit jew wisq dejjem jibqa’ jixrob l-ilma. Mal-mixja tas-snin, il-FUĦĦARI (potter) ra x‘seta’ jagħmel biex itaffi dil-problema. Waħda mis-soluzzjonijiet kienet li l-fuħħar jinkesa b’kisja li ma tħallix l-ilma jgħaddi. Hawn Malta jidher li din it-teknika ta’ kif tiksi l-fuħħar b’kisja tleqq qisha ħġieġ intnesiet għal ħafna snin, x’aktarx meta beda jsir aktar faċli li affarijiet tax-xaqquf jiġu minn barra, l-aktar mill-Italja. Imma mhux bilfors kien hekk minn dejjem.

Tista’ tgħid li kull ħaddiem tas-sengħa jipprova jara kif jagħmel biex ix-xogħol li joħroġ minn idejh mhux biss ikun tajjeb biex jintuża, imma jkun ukoll sabiħ fil-għajn. Fix-xogħol tal-fuħħar, l-aktar ħaġa ħafifa hi li tbill idek fl-ilma u, b’idek imxarrba sew, tagħti “d-daqqa ta’ l-imgħallem” lix-xogħol. L-ilma jservi mhux biss biex jillixxa u jwitti xi difetti, imma anke biex, xi ftit jew wisq, jagħlaq il-pori u jissiġilla l-uċuh ta’ barra u ta’ ġewwa ta’ l-oġġett li tkun qed taħdem. Biċċa xogħol aktar iebsa, imma li tagħti riżultati ferm isbaħ, hi li TOGĦROK (to burnish) minn barra u minn ġewwa, l-oġġett tat-tafal b’biċċa ċagħka lixxa meħuda minn xatt il-baħar. Dan isir meta x-xogħol ikun nixef sewwa, imma qabel jiddaħħal fil-forn. L-għorik jillixxa t-tafal, iġib il-wiċċ ileqq sabiħ u jagħmel il-fuħħar inqas poruż. Din is-sengħa baqgħet magħrufa fostna u l-fuħħar tradizzjonali Malti spiss kien ikun mogħruk ukoll. Dan il-fatt joħroġ ukoll mill-artiklu ta’ L.H. Dudley Buxton u A.V.D. Hort.

Minflok toqgħod togħrok, tista’ tagħżel li “tħalleb”. A.V.D. Hort, fl-artiklu li diġa semmejna, qal li fl-1921 f’Malta ma kienx jinħadem FUĦĦAR IMĦALLEB (slip ware). Imma fir-rapport li kiteb T.F.C. Blagg wara l-iskavi li kienu saru fl-1977 fil-kappella tal-Kunċizzjoni ta’ Ħal Millieri qrib iż-Żurrieq, jissemma tip ta’ fuħħar imħalleb li, skond analiżi petroloġika li saret minn Dr. D.P.S. Peacock, jidher li kien jinħadem f’Malta fil-Medju Evu. Il-fuħħar issejjah FUĦĦAR IMĦALLEB AĦMAR (Red Painted Ware). Il-ĦALIB (slip) hu magħmul mit-tafal maħlul f’ħafna ilma. Jekk trid ħalib aħmar, trid issib tafal ħamrani u tħollu fl-ilma. Meta l-qasrija tkun nixfet sewwa, imma qabel ma tiddaħħal fil-forn, jgħaddsuha fil-ħalib tat-tafal, jew inkella jiżbgħuha bil-ħalib bil-pinzell. Xi fuħħar li nstab f’Ħal Millieri jidher li kien imżejjen b’żewġ kuluri. Hawn tafal aħmar u hawn tafal aktar bajdani, jew safrani, jew kaħlani. Jekk tħallih jinxef, oġġett imħalleb b’ħalib aħmar tista’ żżejnu b’disinji magħmula (ngħidu aħna) minn ħalib abjad; u bil-kontra – tħalleb bl-abjad u żżejjen bl-aħmar.

Minflok “tħalleb” tista’ “tigglejżja”. Minflok il-kelma Ingliża glaze hawn min juża l-kelma Taljana smalto u jgħid “tiżmalta; fuħħar żmaltat”. Imma l-kelma li kienu jużaw missirijietna għal dil-kisja tleqq li biha kien jinkesa l-fuħħar kienet TILA (bl-‘i’ maħtufa, bħal fil-kelma ‘xita’ jew ‘nida’). Għalkemm is-sens veru tagħha insejnieh, dil-kelma għadna nużawha, forsi bla ma nafu. Meta ngħidu “kont qed niġri fix-xita, waqajt, u ntlejt tilja tajn”, nkunu qed ngħidu “igglejżjajt ruħi bi glejżjatura tajn”. Il-fuħħari kien JITLI (to glaze) l-fuħħar bit-TILA (glaze) biex l-oġġett ma jibqax jixrob l-ilma. Kif diġa għidna, fuħħar mitli bit-tila jissejjaħ XAQQUF (glazed earthenware). Din is-sengħa jidher li kienet inqatgħet minn Malta u Għawdex għal ħafna żmien. Imbagħad reġgħet daħlet fi żminijiet aktar moderni. Fl-iskavi ta’ Ħal Millieri nstabu wkoll xi xaqqufiet (sherds) medjevali li kienu mitlija. Għadu mhux ċar minn fejn ġie dax-xaqquf, imma mhux impossibbli li nħadem f’Malta.

Teknikament, il-glaze hu kisja ta’ ħġieġ mdewweb. Il-ħġieġ hu magħmul mis-silica. Is-silica hi komuni ħafna fin-natura u tinstab, fost l-oħrajn, fir-ramel. Anke oġġett magħmul mit-tafal ikun fih is-silica, speċjalment jekk meta ħadmuh ttemprawh bir-ramel tal-baħar. Imma s-silica, jew il-ħġieġ, irid nar qawwi ħafna biex idub, nar aktar qawwi milli jkun hemm fil-forn tal-fuħħar. Li trid tagħmel hu li tidlek l-oġġett tat-tafal b’xi kimika, li bl-Ingliż tissejjah modifier, li l-preżenza tagħha ġġiegħel il-ħġieġ idub f’temperatura inqas minn tas-soltu. L-aktar ħaġa komuni kienet li jużaw blat li jkun qrib il-minjieri taċ-ċomb u li jissejjah galena. Kienu jisħqu l-galena u jagħmluha trab, imbagħad iroxxu t-trab tagħha fuq l-oġġett tat-tafal qabel ma jinħema, jew iħalltu t-trab tagħha ma’ l-ilma u jidilku jew jitlu l-oġġett tat-tafal b’dit-taħlita. Galena f’Malta m’għandniex, u trid tinġieb minn barra, imma hemm affarijiet oħra li tista’ tagħmel. L-irmied tas-siġar u x-xtieli ikun fih il-putassa (potassium carbonate). Dan l-irmied, imħallat ma’ l-ilma, jista’ jintuża wkoll bħall-galena u tista’ titli l-fuħħar bih. Jew inkella tista’ twaddab il-ponnijiet tal-melħ fil-forn waqt li t-tafal ikun qed jinħema. Il-melħ jirreaġixxi mas-silica u l-fuħħar jiġi jleqq. Għadna ma nafux sewwa f’Malta x’kien isir minn dan kollu. F’Birkirkara, xi kultant kienu jqabbdu l-forn bl-injam tad-dgħajjes imkissra u l-melħ tal-baħar li jkun hemm fl-injam kien jagħti l-fuħħar “kulur bajdani” (Dudley-Buxton & Hort).

Il-fuħħar kien jiżżejjen ukoll b’xi disinji minquxa fuqu qabel ma jinħema. Skond Dudley-Buxton u Hort dawn kienu jkunu disinji “sempliċi” magħmula “bis-swaba’” jew bid-difrejn. Pawlu Sacco qalli li missieru kien juża moxt bi ftit snien, u kien jonqox id-disinji bih.

Jissokta.

(C) Ġuzi Gatt