Il-bniedem tgħallem is-SENGĦA TAL-FUĦĦAR (pottery) qabel tgħallem jikteb; jiġifieri s-sengħa tal-fuħħar hi parti mill-Preistorja. il-FUĦĦAR (earthenware) hu magħmul mit-TAFAL (clay) li l-bniedem kien isib bejn is-saffi tal-blat fl-għoljiet u l-widien. Xi darba, eluf ta’ snin ilu, xi ħadd intebaħ li:

Dan l-artiklu huwa l-ewwel parti minn tlieta, u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni”.

(1) It-tafal, meta jixxarrab, jirtab, u meta t-tafal jirtab, tkun tista’ tagħġnu fl- għamla li trid int.

(2) Jekk jitħalla jinxef bil-mod u mbagħad JINĦEMA (fired) bin-nar sakemm JINKEWA (fired to a red heat), it-tafal jibbies fil-għamla li jkun, u ma jerġax jirtab meta jixxarrab.

Meta intebaħ b’dan, il-bniedem kien ivvinta l-FUĦĦAR. Għaġen it-tafal imxarrab fil-għamla li xtaq hu, u kewa l-oġġetti fin-nar. Imma għalkemm it-tafal magħġun fl-ilma u mikwi bin-nar isir fuħħar, mhux dejjem isir fuħħar tajjeb. Għalkemm ma jerġax jinħall meta jmiss ma’ l-ilma, fuħħar magħmul mit-tafal meħud dritt mill-art xorta waħda jibqa’ PORUŻ (porous), jiġifieri l-ilma jista’ jnixxi bil-mod mill-pori tiegħu, u jibqa’ JIXXIEGĦER (friable), jiġifieri jixxaqqaq malajr u jinqasam għal kull ħaġa ta’ xejn.

It-tafal li tiġbor mill-art tista’ ttejbu biex minnu tagħmel fuħħar aħjar. F’Malta, it-tafal kien jinġabar (l-aktar) min-naħa ta’ Għajn Tuffieħa u f’Għawdex in-naħa tat-Taflija, bejn ir-raħal ta’ l-Għasri u r-raħal taż-Żebbuġ. Kemm jista’ jkun, kien jitwarrab it-tafal tal-wiċċ u jitttieħed it-tafal ta’ taħt, għax dak ikun aktar safi u nadif. Jekk it-tafal ma jkunx nadif biżżejjed kont trid TNAQQI t-tafal miż-żrar u frak ieħor li jkun fih. Dan isir billi IDDEKKEK (to pound) it-tafal, jiġifieri tfarrak it-tafal f’biċċiet żgħar; tisħaq it-tub u tkisser l-għoqiedi l-kbar b’mod li t-tafal isir trab. It-tafal tista’ ddekku biex trid, imma l-iktar biċċa għodda magħrufa kienet xi PAL tal-bennejja. It-tafal imdekkek kien JINTGĦARBEL (to sieve) ġo għarbiel. It-trab tat-tafal jaqa’, waqt li dak li jibqa’ “f’wiċċ l-għarbiel” kien jitnaqqa miż-żrar u frak ieħor li jkun fih, imbagħad jintefa’ ġo ĦAWT jew VASKA (wetting tank), magħmul mill-knaten, għoli xi żewġ filati. Dal-ħawt ġieli kien jissejjah “ġiebja”, l-aktar jekk minflok mibni bil-knaten ikun imħaffer fil-blat; u smajt ukoll b’min, minflok ħawt jew ġiebja, kien juża xi lembi jew lembija (aktar ‘l q issib disinuddiem għandekn). Fil-ħawt, ġiebja jew lembi, kien jintefa’ ħafna ilma bien ta’ kif ikunu dawn it-tnejtafal ikun lest biex jibdax it-tafal jixxarrab u jdub. Meta jsir qisu għaġina, it- jinħadem. Il-ħaddiem kien JAGĦĠEN (to knead) it-tafal, l-ewwel b’saqajh u mbagħad b’idejh. L-għaġna trid issir sewwa, għax imqar jekk jibqa’ ftit bżieżaq ta’ l-arja ġot-tafal, dawn għandhom ħabta jinfaqgħu meta t-tafal jiddaħħal ġol-forn, u x-xogħol “jixpakka”. Mela t-tafal, minbarra li kienu jagħġnuh, kienu wkoll IXEKKUH sew (to wedge). Kif? Taqbad iċ-ċappa tafal li għandek bżonn, issabbatha bis-saħħa fuq xi ħaġa iebsa u ċatta, u tibda l-ħin kollu taqta’ minnha felli felli b’xi ħaġa li jkollha xifer irqiq, jew bi spaga, jew tiġbed u taqta’ biċċa b’idek.

Taqbad il-felli li tkun qtajt u terġa’ ssabbtu bis-saħħa fuq it-tafal u terġa’ tagħġen sew. Tibqa’ sejjer hekk sakemm tara li t-tafal qed jinħadem sewwa. Sadattant, it-tafal ikun għadu MILWIEM (watery) wisq, jiġifieri jkun fih wisq ilma, u jkun hemm bżonn li TIXXUTTAH. Dan tagħmlu billi żżidlu miegħu xi ħaġa aktar xotta. Hawnhekk il-ħaddiem kien jolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda, għax għalkemm it-tafal mgħarbul hu aħjar mit-tafal mużrar (jiġifieri biż-żrar ġo fih), xorta jibqa’ l-fatt li t-tafal waħdu ma jagħmilx fuħħar tajjeb. Dan għaliex meta jinħema u jinkewa, it-tafal li ma jkunx imħallat b’xi ħaġa oħra għandu ħabta JITQAMMAT (to contract), JINBARAM (to warp) u JIXXIEGĦER (to crack). It-tafal kien jitħallat ma’ xi ħaġa oħra li minbarra li kienet tixxuttah, kienet isservi biex ittih it-TEMPRA (temper) biex ikun jiflaħ aktar għan-nar. Mill-ftit tagħrif li hawn miktub, u minn dak li nġabar bil-fomm m’għand dawk li għadhom jiftakru l-ħwienet tax-xogħol tal-fuħħar f’Birkirkara, ir-Rabat ta’ l-Imdina, iż-Żejtun u r-Rabat t’Għawdex, jidher li mhux kulħadd kien jaħdem l-istess. Kien hawn min ixarrab biss it-tafal li jibqa’ “f’wiċċ l-għarbiel” u juża t-trab tat-tafal li jaqa’ mill-għarbiel biex “jixxotta” bih. Ma’ l-għaġna kien jiżdied ir-RAMEL TAL-BAĦAR, id-DEFFUN (grogg) u anke l-IRMIED (ash) li jkun hemm fil-forn fejn jinħema l-fuħħar. Min kien iżid ħaġa, u min oħra; min kien iżid kollox u min ma kien iżid xejn. Id-deffun hu magħmul minn fuħħar imkisser li jinsaħaq b’ġebla kbira (xi pied wiesgħa u żewġ piedi twila) li tissejjah DEFFUNA. Il-qiegħ tad-deffuna jkun ġej għat-tond, u fil-ġnub ikollha bħal żewġt imqabad biex il-ħaddiem ikun jista’ jaħkimha u jbandalha ‘l hinn u ‘l hawn u jisħaq biha l-biċċiet tal-fuħħar li jitpoġġew taħtha. Il-biċċiet tal-fuħħar isiru trab li jissejjah deffun. Id-deffun kien jintuża l-aktar biex jinksew bih il-bjut qodma tat-torba; imma kien jintuża fix-xogħol tal-fuħħar ukoll. Dat-trab kien jitħallat mat-tafal biex jagħti t-tempra lill-fuħħar u jkun jiflaħ aktar għan-nar. Fuħħar li jkun fih iżjed ramel ikollu tempra differenti minn fuħħar ieħor li jkollu iżjed deffun.

Hawnhekk irridu nagħmlu daqsxejn ta’ parentesi. Biex ġbart dat-tagħrif, jien tkellimt ma’ dawn in-nies: Ma’ Pawlu Sacco “Tal-Fuħħar”, li missieru kien jaħdem il-fuħħar in-naħa ta’ Għajn Qatet, ir-Rabat t’Għawdex; ma’ Ġuża Grech li zijuha, Mikiel Tabone (Ta’ Sakranobis), kien jaħdem il-fuħħar fiż-Żejtun; ma’ Katarin Grima li kienet taħdem fil-ħanut ta’ Mikiel Tabone; u ma’ Anthony Borg Ta’ Peter the Potter li għadu jaħdem il-fuħħar, sengħa li tgħallem m’għand missieru, fir-Rabat ta’ l-Mdina. Fost il-ftit tagħrif bil-miktub li sibt, l-aktar importanti hu artiklu miktub fl-1921 minn L.H. Dudley Buxton u A.V.D. Hort fuq ix-xogħol tal-fuħħar f’Birkirkara. Dan l-artiklu nerġgħu nirreferu għalih aktar ‘l quddiem. It-tagħrif li tawni l-erba’ kelliema Maltin (u Għawdxin) kien jaqbel f’ħafna dettalji, imma l-proċess tax-xogħol sikwit kien ikun differenti wieħed mill-ieħor. Fiż-Żejtun, ngħidu aħna, l-għaġna tat-tafal kienet issir biż-żiemel, ħaġa li l-kelliema l-oħra ma kinux jafu biha. Ġuża Grech ikkonfermatli dak li kont sibt miktub, jiġifieri li zijuha Mikiel Tabone kien iġib it-tafal “minn Għawdex”. Katarin Grima qalet li kienet tisma’ l-ħaddiema jgħidu li kienu sejrin bil-karettun biex iġibu t-tafal “minn San Pawl il-Baħar”, imma ma kinitx taf jekk hux biex jaqtgħu t-tafal minn hemm stess jew inkella biex jiltaqgħu ma’ xi dgħajsa Għawdxija. Meta t-tafal jasal iż-Żejtun kienu jkissruh u jitfgħuh “ġol-vaska” fejn kien jitħalla jixxarrab il-lejl kollu. L-għada filgħodu kienu jitfgħu t-tafal imxarrab “ġol-magna”. Ġo kamra kbira kien ikun hemm żiemel, b’għajnejh mgħammda, marbut “mad-dawwara”, il-ħin kollu jdur. Fus tal-ħadid kien joħroġ minn din il-kamra u jdawwar fus ieħor li jkun nieżel ‘l isfel għal ġo kaxxa kbira “ta’ l-injam”.

Dal-fus kien idur ġol-kaxxa u jagħġen it-tafal permezz ta’ xi “nejbiet” jew “dras” tal-ħadid. Meta l-ħaddiema jaraw li t-tafal intgħaġen sew, kienu jneħħuh “għarka, għarka” minn ġol-magna u jqiegħdu “l-għerieki” fuq xi twavel ta’ l-injam. Dil-kelma “għarka” Katarin Grima qalithieli fis-singular u fil-plural, u għalkemm m’hi qiegħda fl-ebda dizzjunarju, qaltli li tfisser “bħal ċappa tafal daqsxejn kwadra”. Katarin, u ħaddiema oħra bħalha, kienu jieħdu l-għarka fuq “xriek” tal-ġebel, u hemmhekk jerġgħu jagħġnu u jxekku ċ-ċappa tafal sew. Kien hawnhekk, dejjem skond Katarin Grima, li t-tafal kien jitnaqqa minn xi farka jew żrara li jkun fih. Fuq it-twavel ta’ l-injam kienu jroxxu “l-irmied ta’ ġol-forn” biex it-tafal ma jeħilx mat-twavel.

Katerin qaltli li ż-żiemel u l-magna dejjem hemm tiftakarhom. Katarin mietet ta’ 80 sena, fl-2002. Mikiel Tabone kien waqaf jaħdem malli faqqgħet il-gwerra, għall-ħabta ta’ l-1940.

KIF JITLA’ X-XOGĦOL

F’Settembru ta’ l-1921, L.H. Dudley Buxton u A.V.D. Hort ippubblikaw artiklu fir-rivista antropoloġika Ingliża “Man”. L-artiklu kien jittratta s-sengħa tal-fuħħar f’Malta: “The Modern Pottery Industry in Malta”. It-tagħrif kien inġabar minn A.V.D. Hort waqt li dan kien qiegħed hawn bħala parti minn delegazzjoni msejha “The Oxford Anthropological Expedition to Malta”. Fl-artiklu jintqal li d-delegazzjoni ma setgħetx iddum ħafna, u billi kienu aktar interessati f’aspetti oħra tal-ħajja Maltija, kulma kellhom ċans jagħmlu kien li jżuru għal ftit ħin il-ħanut tax-xogħol tal-fuħħar li kien hemm Birkirkara (qrib il-mitħna ta’ Ganu). Qalu li ż-Żejtun u Għawdex kien jinħadem il-fuħħar ukoll imma ma sabux ħin imorru hemm. Iż-Żejtun (dejjem skond dan l-artiklu) kienu jġibu t-tafal minn Għawdex, waqt li ta’ Birkirkara kienu jieħdu it-tafal “minn wiċċ l-art” f’Birkirkara stess. Fil-ħanut tax-xogħol f’Birkirkara, dak iż-żmien kien hemm żewġ metodi ta’ xogħol: il-qadim u l-ġdid. Il-ħaddiema l-kbar ma kinux jafu jħaddmu l-apparat il-ġdid li kien “daħal xi għaxar snin qabel”, u ż-żgħar ma kinux jafu jaħdmu bis-sistema l-qadima. Is-sistema l-qadima kienet din: Il-ħaddiem kien ikollu bħal qawwara (ċirku) tal-fuħħar 10 ċentimetri wiesa’ fil-qiegħ, li tidjieq għal għal xi erba’ ċentimetri n-naħa ta’ fuq.

Fuqha kienet titqiegħed ROTA (disc) ta’ l-injam. Il-ħaddiem kien iroxx ir-ramel tal-baħar fuq ir-rota (turntable) biex it-tafal ma jeħilx magħha, igerbeb it-tafal li jkun se juża fir-ramel, u jqiegħed biċċa tafal ċatta fuq ir-rota. Din il-biċċa tafal ċatta issir il-qiegħ ta’ l-oġġett li jkun se jagħmel. Jagħti daqqa b’idu ħalli r-rota tibda ddur, filwaqt li jdawwar mal-qiegħ ċatt biċċa tafal oħra ċatta li tifforma l-ġnub tal-“qasrija”. (Il-ħaddiema kellhom ħabta jsejhu “qsari” l-oġġetti kollha tal-fuħħar li jkunu qed jaħdmu, speċjalment jekk dawn ikunu għadhom mhux moħmija.) Jekk ikun hemm bżonn, il-fuħħari kien jista’ jdomm biċċa tafal oħra ċatta fuq l-ewwel waħda biex jgħolli u jkabbar aktar ix-xogħol.

Dis-sistema tissejjaħ ITTELLA’ X-XOGĦOL BIĊ-ĊATT (slab building). Il-fuħħari jbill idu fl-ilma, u biha jsawwar il-qasrija fil-għamla li jixtieq. Il-ġewwieni u l-wiċċ ta’ barra jogħrokhom b’biċċa qasba żgħira maqtugħha minn kannol ta’ qasba daqsxejn ħoxna ħalli kollox jiġi lixx u sabiħ. Malli tkun lesta, jerfa’ l-qasrija minn fuq ir-rota u jġennibha xi mkien biex tinxef. Meta jkun kważi nixef, ix-xogħol kien jintgħorok b’biċċa ċagħka u, min ikun tas-sengħa, kien ikollu l-ħila li jġib it-tafal kważi jleqq.

Is-sistema l-ġdida li Dudley Buxton u Hort, fl-1921, sabu ġol-ħanut tax-xogħol f’Birkirkara, u li qalu li kienet daħlet “xi għaxar snin qabel”, kienet tiddependi mill-użu tat-“torn”. It-torn kien fus tal-ħadid imdaħħal wieqaf ġo l-art. Il-fus kien jiddaħħal fl-art biswit il-bank tax-xogħol, u jkun imwaħħal miegħu permezz tal-BEJTA (bearing) li kienet tippermetti l-fus idur bla tbatija (ara d-disinn). L-għoli tal-fus kien jaqbeż, bi ftit, l-għoli ta’ wiċċ il-bank tax- xogħol.

Ir-rota ta’ l-injam, did-darba, teħel fuq il-fus, ftit ‘il fuq mill-bank tax-xogħol. Iktar ‘l isfel, ftit pulzieri ‘l fuq mill-art, teħel rota oħra kbira. Il-fuħħari, bilqiegħda quddiem il-bank tax-xogħol, idawwar ir-rota l-kbira b’siequ (kontra l-arloġġ) filwaqt li jaħdem il-fuħħar fuq ir-rota ż-żgħira ta’ fuq.

XOGĦOL BIL-FETTUL

Mhux ix-xogħol kollu kien jittella’ biċ-ċatt. Jiddependi mix-xeħta li jkollok u mix-xogħol li tkun qed tagħmel, stajt ittella’ x-xogħol BIL-FETTUL (coil building). Il-ħaddiem kien jirrombla biċċa tafal fuq wiċċ lixx biex jagħmel FETTUL (coil). Il-kelma ‘fettul’ tintuża wkoll mill-furnar. Fettul hu ħobż magħmul minn biċċa għaġina irrumblata għat-tul, biex il-ħobża tiġi għamla ta’ bezzun. Fil-fuħħar, il-fettul isir coil meta ddawru int u ttella’ x-xogħol. Il-fettul iddawru fil-għamla li trid int, u meta jispiċċalek, tagħmel fettul ieħor u żżidu ma’ l-ewwel wieħed sakemm tilħaq l-għoli li tixtieq int.

Meta l-oġġett ikun lest, tillixxalu l-ġnieb b’subgħajk, jew b’xi biċċa għodda sempliċi, biex il-ferq bejn fettul u ieħor jinħeba u jidher wiċċ lixx.

Metodu sempliċi ieħor kien li taqbad qabda tafal u TONTOBHA (pinching) b’sebgħak biex tagħmel bħal ħofra. Ix-xogħol jitla’ billi traqqaq il-ġnieb u twessa’ l-ħofra b’subgħajk, l-aktar b’sebgħak il-kbir. B’dal-mod tista’ tasal sa bieqja jew xi musbieħ jew borma żgħira. Għal xi ħaġa ikbar tkun trid tkompli biċ-ċatt jew bil-fettul u tkabbar kemm trid.

Jissokta.

(C) Ġużi Gatt