Fl-1592 il-kommunità ta’ Ħal Tarxien inqatgħet mill-matriċi tal-Assunta ta’ Bir Miftuħ u saret parroċċa għaliha [1]. Ħames snin wara, twaqqfu żewġ fratellanzi f’din il-parroċċa l-ġdida. Waħda kienet iddedikata lis-Santissimu Sagrament u l-oħra lill-Madonna tar-Rużarju [2]

Kitba ta’ Joseph C. Camilleri. L-Artiklu deher l-ewwel darba fl-Imnara 2012, Nru. 36.

SFOND STORIKU

Forsi dawn l-iżviluppi kollha kienu mera ta’ dak li kien qed jiġri fil-parroċċa matriċi ta’ Bir Miftuħ. F’Bir Miftuħ kienet twaqqfet l-fratellanza tas-Sagrament. Kien Monsinjur Pietru Duzina li ordna li kull parroċċa jkollha dan it-tip ta’ fratellanza. Wara, l-patrijiet Dumnikani bdew il-ħidma tagħhom biex titwaqqaf il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju f’kull parroċċa, meta kienu huma li waqqfu fratellanza  fit-tliet knejjes tagħhom, f’dik tar-Rabat, il-Birgu u l-Belt Valletta. Is-Siġġiewi kellu fratellanza tar-Rużarju fl-1585, u wara kien imiss lil Bir Miftuħ u Ħaż-Żebbuġ fl-1588[3] . Il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju f’Ħal Tarxien twieldet disa’ snin wara dik tal-Matriċi (Bir Miftuħ).

Skont l-istudjuż Joseph A Farrugia u oħrajn, fil-Knisja parrokkjali ta’ Marija Annunzjata kien hemm diġà jeżisti artal iddedikat lill-kult Marjan tar-Rużarju [4] . Il-fratellanza Tarxiniża twaqfet b’digriet tal-Ġeneral tal-Patrijiet Dumnikani, mogħti fil-belt ta’ Ruma fl-20 ta’ Lulju, 1597. Billi kien hemm il-ħtieġa ta’ knisja parrokkjali ikbar, imbniet knisja ġdida. Snin wara l-1610 il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ħadet ħsieb li jkollha artal f’din il-knisja l-ġdida. Skont ir-rapport tal-Isqof Cagliares li sar fl-1621 insibu li din il-kappella kienet lesta. L-artal kien tal-ġebel u kellu kwadru. Bejn is-sena l-1671 u l-1679, dan l-inkwadru ġie mdawwar bi ġwarniċ [5].

Maż-żmien il-fratellanza bdiet tarma r-riżorsi tagħha biex tkun tista’ xxerred il-kult tar-rużarju fost il-poplu Tarxiniż. Fl-1699 l-Isqof Cocco Palmieri rraporta li l-fratellanza kellha statwa. Din kellha niċċa ħdejn il-bieb tal-lemin tal-artal maġġur. Skont l-istudjużi il-Profs V. Borg u Dr Keith Sciberras, din l-istatwa kienet saret minn id Giovanni Maria Saliba fl-1698 [6]. Meta ż-żewġ kappelluni ġew absidati fl-1723, wieħed mill-kappelluni ġie mogħti lis-Sodalità tal-Agunija. Maż-żmien minħabba l-popolarità tal-fratellenza tar-Rużarju, il-kappellun għadda għand tar-Rużarju waqt li l-kappella tar-Rużarju għaddiet għand is-Solidalità tal-Agonija. Dawn poġġew salib kbir fuq l-artal tagħhom. Joe G. Debono jikteb hekk: ‘Il-kappillan Dun Franġisk Attard għamel rikors fit-13 ta’ Frar 1894. Fih talab lill-Isqof biex il-pittura tal-Madonna tar-Rużarju li kellu mitwija fuq l-artal tal-kappella dedikata lilha, titneħħa minn hemm għax kien qed jiġrilha ħafna ħsara, kemm bit-tinjiet kif ukoll bl-umdità. Hu wera x-xewqa li din titpoġġa fuq l-artal tal-kappellun flok il-Kurċifiss. Ir-rikorrent żied jikteb li dan ma kellux isib oppożizzjoni għaliex is-Sodalità ta’ l-Agunija ma kinetx għadha tiffunzjona.’ [7]

Fl-1760 tneħħa l-kwadru u tpoġġa ieħor li kien imdawwar bi 15-il kwadru żgħir tal-Misteri tar-Rużarju. L-artist tiegħu kien il-magħruf Francesco Zahra. Il-kwadru l-qadim, għall-ewwel għamluh fis-sagristija u wara ħaduh fil-kappella ta’ Santa Marija tar-Rokna [8] fejn għadu hemm sal-lum.

FOLKLOR

Skont l-istudjuż Profs V.Borg, il-fratellanzi tar-Rużarju bdew jiżviluppaw diversi drawwiet [9]. Kemm minn dawn ġew addottati mill-fratelli tal-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Ħal Tarxien? Peress li l-Knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien bdew jiżviluppawha f’forma ta’ salib Latin, l-ewwel drawwa kienet li wieħed mill-kappelluni tal-Knisja jkun iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju. Kif rajna, dan seħħ ukoll f’Ħal Tarxien. Drawwa oħra kienet li l-artal ikun mżejjen bi kwadru bi 15-il misterju tar-Rużarju. Kif rajna wkoll dan ukoll seħħ f’dan ir-raħal. It-tielet drawwa kienet li fl-ewwel Ħadd t’Ottubru ssir il-festa ddedikata lill-Madonna tar-Rużarju. Xi parroċċi daħlu wkoll il-festa tal-Madonna tal-Warda. F’Ħal Tarxien il-festa t’Ottubru żviluppat, iżda dik tal-Warda ma qabditx l-art. Festa trid statwa. Hawn fuq semmejna statwa tal-injam xogħol Gio Maria Saliba. Din l-istatwa ma kinetx l-ewwel waħda. Fl-1709 sar rikors minn Luca Mongibello rettur tal-fratellenza tal-Madonna tar-Rużarju, li kien indirizzat lill-Kurja [10]  . Permezz ta’ dan ir-rikors sirna nafu li qabel l-istatwa tal-injam, kien hemm statwa oħra – dik li tissejjaħ manikin. Din il-figura kellha ras bil-għonq, idejn u l-Bambin. Meta saret l-istatwa l-ġdida, dik qadima qatt ma ntużat aktar. Iżda kien hemm devot li ried jixtrihom u biex isir dan kien hemm bżonn il-permess tal-Kurja. Is-Sur J.G. Debono u studjużi oħra kienu tal-fehma li l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju kienet tintuża għal aktar minn okkażjoni waħda [11].

Drawwa oħra kienet dik li l-membri kienu jiltaqgħu fl-ewwel Ħadd tax-xahar u jitqarbnu waqt il-quddiesa li kienet issir fuq l-artal tal-Madonna tar-Rużarju. Kienet issir ukoll purċissjoni fil-Knisja stess. Barra din id-drawwa Profs Borg ikompli jgħidilna li qabel il-festa t’Ottubru kien hemm il-‘Quindicina’, 15-il jum li fihom issir quddiesa kuljum u jingħad ir-Rużarju. Drawwa li daħħlu l-fratellanza tar-Rużarju kienet dik tan-Novena tal-Milied. Din id-drawwa nsibuha wkoll fir-raħal ta’ Ħal Tarxien. Hemm il-possibilità li fi żmien in-Novena, f’Ħal Tarxien fil-Knisja parrokkjali, jintrama lampier differenti. Dan jieħu 10 xemgħat. Ix-xemgħa tan-nofs tkun kbira, waqt li d-disgħa l-oħra li jdawru x-xemgħa l-kbira huma żgħar. Dan il-lampier jissejjaħ ‘il-brimba’. Ix-xemgħat iż-żgħar jinxgħelu jum wara jum tan-novena. Għall-ewwel ikun hemm xemgħa, waħda tixgħel żgħira waqt li għall-aħħar jum tan-novena jkun hemm id-disgħa xemgħat iż-żgħar. Knisja parrokkjali oħra li għandha dan it-tip ta’ lampier li jintuza wkoll fi żmien in-Novena tal-Milied hi dik ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Il-lampier Tarxiniż jinxgħel bix-xemgħat waqt dak Qormi sar jinxegħel bl-elettriku.

Kif kienet issir in-Novena? Il-quddies tan-novena kienet issir kmieni kemm jista’ jkun. Din kienet waħda kantata u kienet issir ad unur il-Madonna, il-patruna tar-Rużarju. Filgħaxija kienu jsiru d-devozzjonijiet Marjani, fosthom il-litanija, kant u l-barka sagramentali. In-Novena tal-Milied żviluppat fl-aħħar tas-seklu 17 u fil-bidu tas-seklu 18. In-novena kompliet tikber fl-importanza tant li fl-1685 il-quddiesa tan-novena setgħet issir ukoll fil-festa ta’ San Tumas u fir-Raba’ Ħadd tal-Avvent, jiġifieri Ħadd qabel il-festa tal-Milied.

F’Ħal Tarxien il-fratellanza tar-Rużarju bdiet torġanizza kors ta’ eżerċizzi spiritwali [12]. Dawn kienu jsiru għal tlett ijiem. Il-purċissjoni tar-Rużarju kienet ferm popolari mat-Tarxiniżi. Il-gazzetta ‘Tarxien’ fis-snin sittin irrapportat kemm kienet kbira l-folla wara l-istatwa matul il-purċissjoni. L-editur fl-1962 kiteb hekk fuq is-sehem tan-nies f’din il-purċissjoni. : ‘Il-festa tar-Rużarju hija ta’ devozzjoni kbira u bħal snin oħra bosta parruċċani ħadu sehem fil-proċessjoni [13]. Sena wara sena l-istess editur, jiġifieri Kelinu Cachia, jikteb ‘Kif soltu, wara l-vara mxew għadd kbir ta’ devoti li baqgħu jiltaqgħu matul ix-xahar biex flimkien jirreċitaw din it-talba għażiża[14] .

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju f’Ħal Tarxien hija manifestata b’niċċa fuq dar privata fi Triq il-Kbira jew aħjar Strada Irjali kif kienet magħrufa fost it-Tarxiniżi. Din in-niċċa fiha skultura u disinji arkettettoniċi. Naraw ukoll pilastri ta’ stil Korint kif ukoll l-arzelel. Il-figuri tal-Madonna u tal-Bambin fihom xogħol dettaljat grazzi għall-ħila li kellu l-iskultur li kien għamilha [15]. Din in-niċċa ġiet restawrata fis-sena 2010 mis-sidien tad-dar.

SALVU PORTELLI

 Fil-bidu tas-seklu 20 Salvu Portelli nħatar prokuratur  tal-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Ħal Tarxien. Salvu dam f’din il-kariġa tnejn u ħamsin sena [16]. Taħt Portelli l-fratellanza imxiet ‘l quddiem. Kabbar in-numru tal-imseħbin, kemm fratelli (irġiel) u kemm sorelli (nisa).  Hu żied ukoll opri tal-fratellanza. Dawn kienu pedestall għall-istatwa flimkien ma’ erba’ gastri tal-injam indurati bil-fjuretti. Saret wkoll bradella tal-kawba interzjata kif ukoll standard abjad tad-damask irrakkmat bil-ħajt tad-deheb. Dan l-istandard kellu wkoll lasta tal-fidda bi kruċċetta tal-fidda wkoll. Saru żewġ ventartari bi gwarniċ indurat u drapp tal-lama bajda irrakkmat għall-artal tal-fratellanza u dak tal-maġġur. Sar sett ta’ ventaltarli tal-lama tad-deheb iffjuriti għall-artali tan-navi kif ukoll il-gandlieri tal-injam skolpiti, sew tal-prima u sew tas-sekonda, għall-artal tal-Madonna tar-Rużarju. Saret terħa bil-bizzilla bi ħmistax-il figura li jirrapprezentaw il-Misteri tar-Rużarju. Din l-opra ta’ xogħol tal-id saret miċ-ċumbini ta’ Mikelina u M’Dolores Piscopo fuq disinn ta’ Emmanuel Gerada. Fl-aħħarnett saret terħa tal-bellus irrakkmata [17] . Salvu Portelli ħoloq drawwa fi ħdan il-fratellanza tar-Rużarju. Għall-festa tal-Madonna ta’ Pompej jiġifieri fit-8 ta’ Mejju, Salvu kien jarma ħmistax-il xemgħa, bil-kuruni tal-ward artifiċjali. Kien ikun hemm ħamsa bil-ward abjad, ħamsa bil-ward aħmar u ħamsa bil-ward isfar. Dawn kienu jirrappreżentaw il-ħmistax-il misteru tar-Rużarju [18].

Salvu Bonello jispjeġa kif dawn l-opri kollha saru bil-gbir tal-flus minn dan Salvu Portelli. Dan kien żmien meta l-flus kienu skarsi. Salvu Portelli kien iqassam il-flieles mall-fratelli u sorelle biex ikabbruhom. Meta dawn jikbru, Salvu kien jarma gallinar marbut ma’ karettun żgħir. Miegħu kien ikun hemm żewġ żgħazagħ. Dawn kienu jbiegħu dawn it-tjur u bil-flus li jdaħħal jagħmel xi opra fuq l-artal tar-Rużarju.

PIKI BEJN IL-FRATELLANZI TARXINIŻI

Il-fratellanzi f’Ħal Tarxien kienu popolari u bejniethom kien hemm pika kbira. Il-fratellanza tal-Madonna taċ-Ċintura kienet taħt Salvu Camilleri, magħruf bħala Salvu s-Sold. Il-fratellanza tal-Madonna tad-Duttrina kellha lil Mattew Agius tat-Tajda waqt dik tar-Rużarju kienet taħt Santu Piscopo. Jum wieħed, għall-festa titulari, dik ta’ Marija Annunzjata, il-Kummissarju tal-Puliżija, ma kienx ta puliżija biex iżommu l-ordni waqt il-purċissjoni. Il-kappillan ried l-ordni u għażel ftit nies li kellu fiduċja fihom biex jagħmlu x-xogħol tal-puliżija. Biex jintgħarfu kellhom faxxa ma’ jdejhom. Wieħed minn dawn kien Salvu Camilleri. Dan Camilleri ordna xi ħaġa lil Santu Piscopo li kien qed jieħu sehem fil-purċissjoni. Dan Santu ma riedx jobdi u f’daqqa waħda dawn ġew fl-idejn [19] .

DRAWWIET OĦRA

Bħala festa sekondarja l-purċissjoni tal-festa tar-Rużarju kellha r-rotta tagħha. Din kienet toħroġ mill-Knisja parrokkjali tgħaddi għal Triq Paola, Triq l-Annunzjata, Triq is-Sorijiet (biex tgħaddi quddiem id-dar ta’ Dun Ġużepp Theuma) tiġbed lejn iċ-Ċimiterju tal-Erwieħ  għat-triq tal-Karmnu, Triq San Ġużepp, Triq Ħal Tarxien, Triq Santa Marija u wara għal Triq Birżebbuġa u fl-aħħarnett issib ruħha fi Triq il-Kbira (Stada Irjali) u għall-knisja. Kien Dun Dione Cutajar li meta kien kappillan ta’ Ħal Tarxien beda d-drawwa li din il-purċissjoni tgħaddi minn rotta differenti kull sena.  Għadha hekk sal-lum.

Drawwa oħra kienet l-armar fil-Knisja parrokkjali. Fl-imgħoddi l-festa tal-Madonna tar-Rużarju kienet il-festa sekondarja ta’ Ħal Tarxien. Għalhekk kienu jintramaw l-artali  kollha,  u jsir xi armar fil-Knisja. Quddiem l-artal maġġur kien jintrama l-lampier ta’ Rapa (Dun Anton Rapa kien wieħed mill-kappillani ta’ Ħal Tarxien). Quddiem l-artal tar-Rużarju jintrama lampier bid-data 1664. Dan għadu jsir sal-lum. Kien jintrama wkoll id-damask fil-kappellun tar-Rużarju kif ukoll mal-pilastri u fil-fris tal-kor. Id-damask sar bil-flus ta’ Leli Mizzi, waqt li l-ħjata saret minn id Doris Cachia [20]. Barra l-eżerċiżżi, kienu jsiru 15-il quddiesa, waħda kull nhar tas-Sibt kmieni filgħodu qabel il-festa tar-Rużarju. Din il-quddiesa kien ikollha prietka. Il-flus għal dawn il-quddies kien jiġborhom Ġużeppi Dalli li kien is-sagristan . Lejlet il-festa tar-Rużarju kien issir l-Għasar. Dun Anton Zammit li kien wieħed mill-kleru ta’ Ħal Tarxien kien jgħid ir-Rużarju fit-tlieta u nofs kull jum tax-xahar t’Ottubru. Min-naħa l-oħra xi fratelli kienu jagħtu daqqa t’id lis-sagristan biex jippreparaw il-knisja għall-festa tar-Rużarju. Fl-aħħarnett il-fratelli kienu jieħdu sehem fil-purċissjoni kollha barra dik tal-Madonna tad-Duttrina. Il-purċissjonijiet kienu Korpus, il-Qalb ta’ Ġesù, id-Duluri, il-Lunzjata, taċ-Ċintura, u l-Kunċizzjoni [21].

Il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju kienet tieħu sehem ukoll fil-festi tal-‘Prima Messa’ bħal fil-każ ta’ Dun Valent Borg. Meta qaddes Dun Valent il-fratellanza tar-Rużarju ħadet sehem fil-mixja mid-dar tiegħu sal-knisja parrokkjali u kienet tagħtu riġal ta’ sebgħa liri Maltin (16-il ewro u 31 ceneżmu). Il-fratellanza ħadet sehem ukoll fil-festa tal-pussess ta’ kappillani ġodda bħal fil-kaz ta’ Dun Dione Cutajar. Dan seħħ ukoll fl-1981 u f’din l-okkazzjoni l-fratelli taw lill-kappillan is-somma ta’ għaxar liri Malti bħala riġal (23 ewro 30 ċent)

LEĠĠENDI U TWEMMIN MARBUTIN MAL-KULT TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU F’ĦAL TARXIEN

Waħda mil-leġġendi Tarxiniżi tgħid li l-injam tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju kien  ittieħed minn siġra li kienet tikber fuq iż-żuntier tal-Knisja parrokkjali [22]. Leġġenda oħra tgħid li l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju qalgħet daqqa fuqha waqt purċissjoni. Meta mort kellimt lil Renzo Gauci, hu qalli li dan kien minnu. Ir-ras tal-Bambin u waħda mill-idejn Tiegħu huma mwaħħla [23]. Hemm leġġenda oħra li tgħid li l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju tixbaħ sewwa lil dik tar-Rabat xogħol il-Gafà. Il-kavallier Rafel Bonnici Cal* kien tal-fehma li hemm xebħ qawwi iżda, dejjem skont dan il-bniedem li ħabb lil Ħal Tarxien b’imħabba kbira, l-istatwa tar-Rabat hija waħda sinjorili waqt dik ta’ Ħal Tarxien hija waħda kampanjola.

Fost il-fratelli hemm twemmin li is-sett tal-figuri tal-Appostli li jintramaw fuq l-artal il-maġġur waqt il-festa tar-Rużarju huma l-isbaħ sett ta’ Appostolat li hemm fil-Knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien [24].  Xi fratelli kienu ħarġu l-flus biex saru dawn l-Appostli. Toninu Portelli (tal-Majjit) kien ħallas għall-figura ta’ San Ġwann.[25]

STANDARDI

Fratellanza li kellha f’idejha s-sekonda bilfors li kellha diversi stendardi. Id-drapp ta’ dawn l-istendardi hu dejjem abjad fl-isfar bhal lewn il-muzzetta ta’ dawn il-fratelli. Il-fratellanza kellha stendard magħruf bħala Trizi. Dan kien jintuża għall-funeralli tal-membri tagħha. Kellha ieħor tal-festi sekondarji. Dawn kienu tal-Qalb ta’ Ġesù, Korpus, tad-Duluri, taċ-~intura u tal-Kunċizzjoni. L-aħjar stendard jintuża sew għall-festa titulari u sew għall-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Jingħad li darba Salvu Portelli ried jagħmel stendard ieħor. Dan żejnuh bir-rakkmu. Tant ġie tqil li ma setgħax jintrefa u spiċċa terħa għall-artal maġġur.

DRAWWIET BL-ISTATWA

Billi l­-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju kienet l-unika li kien hemm fil-Knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien,  għal bosta snin din l-istatwa kienet tintuża għal kull purċissjoni tal-Madonna li kienet issir f’dan ir-raħal, anke dik tal-festa titulari. Dan baqa’ jseħħ sas-sena 1829 meta Ħal Tarxien kellu l-istatwa titulari, tal-Lunzjata.

[1] Borg V: Marian devotions in the Islands of St Paul (1600-1800), The History Society, Malta, 1983 p143.

[2] Farrugia J.A: Triqat Ħal Tarxien, maħruġ mill-Kunsill Lokali Ħal Tarxien, 2007. P168.

[3] Borg V: op cit p137.

[4] Farrugia J.A: op cit p168.

[5] Ditto op cit p168.

[6] Ditto op cit p168.

[7]  Debono J. G: il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju u xi kurżitajiet. Website Il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju.

[8] Farrugia J.A. op cit p169.

[9] Borg V: op cit p138.

[10] Debono J. G; Tagħrif varju fuq il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, f’Il-Knisja parrokkjali ta’ Hal Tarxien 1610-2010,

[11] Op cit p111.

[12] Tarxien, Leħen il-parroċċa, Novembru 1962- Jannar 1963.

[13] ditto

[14] ditto

[15] Terribile T: Niċeċ u Statwi fit-Toroq Maltin, Pubblikazzjoinijiet Indipendenza, Malta, 2000, p 197. Is-Sur Terribile jgħid li hemm żewġ niċeċ tal-Madonna tar-Rużarju. Waħda fi Triq il-Kbira u l-oħra f’kantuniera ma’ Triq Xintill. Din tal-aħħar hija tal-Madonna tal-Karmnu u mhux tar-Rużarju.

[16] Salvatore Bonello, Salvatore Portelli (fuljett) Fratellanza tar-Rużarju – Parroċċa Ħal Tarxien, 1597-1997, fl-okkajoni tal-erba’ mitt sena mit-twaqqif tal-Fratellanza tar-Rużarju p 6

[17] Op cit p6.

[18] Op cit p 6/7

[19] Intervista lil Gejtu Sciberras, li saret fl-17-10-11 fid-dar tiegħu. Dan Sciberras kien fratell tar-Rużarju.

[20] Op cit

[21] Op cit

[22] Op cit

[23] Intervistat lil Renzo Gauci fil-istudju tiegħu f’Ħal Tarxien. Dan kien fis-7 ta’ Novembru 2011. Miegħu kien hemm martu. Hu qalli li meta beda r-restawrazzjoni fuq l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju sab li ras  u idejn il-Bambin  ma kienux f’posthom.

[24]  Intervista lil Gejtu Sceberrras op cit

[25] Farrugia J.A: Triqat Ħal Tarxien ……p 170,