Ħal Tarxien hu għani fejn jidħol il-bini. Insibu tempji neolitiċi, vilel, palazzi, knejjes kbar u anke kappelli. L-aktar kappella qadima li għada wieqfa hija dik ta’ Santa Marija. Magħrufa fost it-Tarxiniżi, bħala l-kappella ta’ Santa Marija tar-Rokna. L-oriġini ta’ din il-kappella jmur lura għas-seklu 16. Skont l-istuduż tal-istorja Monsinjur Vinċens Borg kien Zano Azupard (Azzopardi) li bniha. Il-kappella għall-ewwel kienet tħares lejn fetħa li tinsab biswit il-kappella. Wara l-Assedju l-Kbir l-kappella reġgħet inbniet. Din id-darba mill-flus ta’ Dun Ġammari Barbara fl-1688. Matul is-seklu 18, studjuż ieħor, Joseph A. Farrugia, jgħid li l-kappella ġiet irranġata. Il-flus inħarġu mill-isqof Cocco Palmieri, u xi Tarxiniżi l-aktar Ġwanni Dumink Calleja. Mażżmien il-kappella ġiet mogħtija kopla, kampnari u anke faċċata ġdida.

Kitba ta’ Joseph C Camilleri BA DEAM M.Ed, L-artiklu oriġinali deher fl-Imnara Nru. 35, 2011.

IL-FESTA

Il-kappella ta’ Santa Marija għandha rabta kbira mal-poplu Tarxiniż. Andrea u Tereża Muscat ħallew piż biex mill-flus ta’ biċċa art, bl-isem ta’ Tas-Salib, jitħallsu l-ispejjeż ta’ quddiesa u għasar f’lejliet u nhar il-festa ta’ Santa Marija. Dan sar quddiem in-Nutar Massimiliano Troisi nhar l-10 ta’ Marzu 1826. Din il-festa żviluppat f’festa tipika Maltija. Il-ħitan tal-kappella bdew jiġu miksija bid-damask aħmar. Iż-żewġ artali, dak ewlieni u dak tar-Rużarju, bdew jiġu mżejna. Il-faċċata bdiet tiġi mżejna b’bozoz u bnadar. Fis-snin ħamsin dan l-armar kien isir minn Karmenu Massa, missier il-poeta Alfred Massa. Miegħu kien ikun hemm Ġużeppi Dalli, is-sagristan tal-knisja parrokkjali. Wara, l-armar għadda għand ulied Ġużeppi Dalli u mbagħad daħlu fix-xena Joe Schembri, Ġużeppi Cutajar, Aurel Gafá u Daniel Schembri. L-aqwa ħaġa ta’ din il-festa kienu l-qniepen. Minn qabel il-festa l-qniepen kienu jimlew l-arja bil-ħsejjes tagħhom. Dawn kienu jindaqqu mit-tfal li kienu joqogħdu qrib il-kappella. Wieħed minn dawn it-tfal kont jien. Biswit il-kappella kien hemm id-dar tan-Nanna Ġużeppa. Aħna l-kuġini konna nqattgħu l-jiem ta’ nofs Awwissu fil-kappella. Ma kienx hemm  bżonn nużaw il-kappella għaliex mill-bejt tad-dar tan-Nanna konna nistgħu nidħlu fil-kampnari. Meta joqrob nofs in-nhar kullħadd għal fuq Santa Marija. Kulħadd kien jieħu qanpiena u bid-daqq konna nqajmu lil kulħadd.

Kulħadd kien jieħu pjaċir bid-daqq. Billi Triq Santa Marija kienet waħda mit-toroq ewlenin ta’ Ħal Tarxien, in-nies li kienet tgħaddi, kienet tieqaf tħares. Kien hemm min kien jidħak għaliex kien jagħraf lilna t-tfal, kien hemm minn jgħid xi talba lil Omm Alla, u kien hemm min kien jibqa’ sejjer għax kien sar il-ħin tal-ikel. L-aktar waħda li kienet tħobb tisma’ l-ħsejjes tal-qniepen kienet mara li kellha ħanut tal-ħelu – Ġużeppa ta’ Tabibu. Din flimkien ma’ żewġha kienu joħorġu biex jaraw lilna t-tfal indoqqu. Magħna ġieli kien ikun hemm it-tfal iż-żgħar tagħhom. Id-daqq kien jieqaf ftit wara u jerġa’ għall-ħabta tal-erbgħa. Lejlet il-festa u nhar il-festa l-kleru Tarxiniż kien jitla’ biex ikanta l-għasar. Il-qofol tad-daqq kien ikun qabel u wara l-quddiesa. Il-quddiesa ta’ nhar il-festa kienet tkun mimlija nies.

In-Nanna Ġużeppa, magħrufa fost it-Tarxiniżi għall-ħanut li kellha biswit il-kappella, kienet tqabbad lil uliedha biex jippraparaw ftit kafè u xi ftit ħelu lill-kleru. Ġieli ma’ dawn kien ikun hemm ukoll il-ħobż biż-żejt. Dawn kienu servuti jew fis-sagristija jew għand Ġużeppa stess. In-neputini ta’ Ġużeppa kienu jinġabru mal-kleru jistennew li l-kleru jitlaq għaliex kienu jduru għal dak li kien jibqa’. Din id-drawwa spiċċat mal-mewt tan-nanna.

Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, l-kappella kienet tkun miftuħa għall-fidili lejliet il-festa. In-nies li kienu joqogħdu fl-inħawi kienu jżuruha biex jagħmlu l-Viżti tas-Seba’ Santa Marijiet. Skont il-kittieb Joseph A. Farrugia, wara li n-nies kienu jgħidu xi talba lill-Madonna, kienu jispiċċaw biswit l-għajn li kien hemm fil-misraħ ta’ quddiem il-kappella. Hawn kienu jixorbu jew jaħslu wiċċhom. Ta’ min jiftakar li lejlet Santa Marija kien ikun jum ta’ sawm u mixja wara sawma ma tantx tinżillek tajjeb.

EX-VOTO

Din il-kappella kienet ċentru ta’ devozzjoni Marjana. Skond il-kittieb Tarxiniż Joe Farrugia, fl-imgħoddi kien hemm diversi kwadri ex-voto. Illum insibu żewġ kwadri ex-voto. Wieħed minn dawn juri raġel fis-sodda u qribu hemm viżoni tal-Madonna tielgħa s-sema. Fir-rokna ta’ dan l-inkwardu hemm l-ittri VFGA (li jfissru Voto Fatto Grazia Accetta – Wegħda magħmula u grazzja maqlugħa). Dan ix-xogħol iġib id-data tal-15 ta’ Settembru 1789. l-ieħor juri tfajla maħkuma mix-xitan. Din tinsab quddiem l-altar tal-Assunta. L-ispirti ħżiena qegħdin joħorġu minnha. Dan hu aktarx xogħol tat-tmiem tas-seklu 18.

IL-KACCA

It-Tarxiniżi kienu fil-maġġorparti tagħhom raħħala tal-mogħoż. Fl-imħawi tal-kappella ta’ Santa Marija tar-Rokna hemm id-distrett ta’ Wara l-Bjut. Dan id-distrett kien mimli b’raħħala tal-mogħoż. Ir-raħħala kellhom delizzju wieħed: il-kaċċa. Għalhekk qabel joħorġu għall-kaċċa, kienu jżuru l-kappella ta’ Santa Marija biex jisimgħu l-quddies. Din il-quddiesa kienet tkun għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu. Dun Franġisk Penza kien iqaddes din il-quddies. Billi Dun Franġisk kien popolari mat-Tarxiniżi, rnexxielu, permess tal-flus ta’ dawn in-nies ikabbar u jsebbaħ il-kappella. Kien hu li bidel il-faċċata tal-kappella. Qabel, il-bieb tal-ġenb kien il-bieb ewlieni. Dan tah bixra Barokka u ġabu jagħti fuq Triq Santa Marija. Kien hu li żejjen il-faċċata bi statwa tal-ġebel ta’ Santa Marija. Din l-istatwa tixbah ħafna l-istatwa titulari ta’ Ħal Għaxaq. Din kienet xogħol Faurè.

IL-KAPPELLA F’JIEM TAS-SENA

L-aqwa jum tat-Tarxiniżi kien il-festa tal-patruna tar-raħal Marija Annunzjata. Għall-ewwel il-purċissjoni bil-vara kienet tgħaddi minn Triq Betta u kienet tispiċċa fil-misraħ ta’ biswit il-kappella. Meta l-purċissjoni kabbruha bdiet tgħaddi minn Triq Santa Marija. Dan kien ifisser li l-purċissjoni kienet tgħaddi quddiem il-kappella. Bil-mod il-mod bdiet tiżviluppa d-drawwa li waqt li tkun għaddejja l-vara r-reffiegħa kienu jdawru l-vara biex tħares lejn il-kappella. Dan kien issir billi meta tkun qiegħda riesqa l-vara xi nies kienu jitilgħu fil-kampnari. F’daqqa waħda jibdew idoqqu l-qniepen. Aktar ma tersaq il-vara d-daqq jiżdied u meta tasal kienu jdawru l-vara u xi kultant kienu jaħarqu l-musketterija minn fuq il-kappella. In-nies tal-madwar kienet toħroġ barra biex tara l-purċissjoni. Min kien iċapċap u min iħares. Kien ikun hemm atmosferija tassew sabiħa.

Nhar San Ġwann il-misraħ ta’ Santa Marija kien ikun mimli daqs bajda. Hawn kienu jiġbru kull biċċa għamara li l-mara tad-dar ma ridetx aktar. Kien ikun hemm muntanja ta’ affarijiet. Meta x-xemx tkun qed tbatti sewwa, kienu jqabbdu n-nar u l-ġuvintur tar-raħal kien juru s-saħħa u l-ħila tagħhom billi jaqbżu l-ħuġġieġa. It-tfajliet kienu jinġabru biex jaraw il-ġuvinturi jaqbżu. Għalhekk din kienet okkazzjoni biex it-tfajliet jaraw iż-żgħażagħ tar-raħal tagħhom. Minn dawn kienu jitwieldu l-familji. Il-qawl Malti jgħid: Baqra tajba tinbiegħ pajjiżha.

Meta jkun riesaq il-Milied, kienu jarmaw presepju kbir f’din il-kappella. Dan kien isir mis-sur Joe De Bono, għalliem tal-Matematika. Dan il-presepju kien jinfetaħ għall-pubbliku. Kien presepju  tradizzjonali. Kien ikun fih pasturi sew kbar u sew żgħar; u bix-xena fuq wara. Dan il-presepju kien iqanqal ir-ruħ fil-jiem tal-Milied. F’din il-kappella kienu jsiru wkoll xi priedki mill-membri tal-muzew.

ILLUM

Il-kappella ta’ Santa Marija tinsab bi stat li jitlob restawr sew minn ġewwa u sew minn barra. Hija waħda mit-teżori ewlenin ta’ dan ir-raħal. J’alla ssib patrun biex jagħtiha ftit tar-ruħ. Din il-kappella torqod matul is-sena iżda f’jum il-festa l-qniepen iqumu u jagħtu dik id-doża ħelwa lill-festa.

 

Referenzi:-

Buhagiar M., Marian – Art during the 17th and 18th centuries, Malta, 1983.

Farrugia J. A., – Triqat Ħal Tarxien, Kunsill Lokali Ħal Tarxien, 2007.

Borg V. Marian – Devotions in the Islands of Saint Paul (1600-1800), The Historical Society Malta, Malta, 1983.

Terribile T., – Teżori fil-Knejjes Maltin Birżebbuġa, il-Fgura. Ħal Għaxaq, Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 2008.

Terribile T., – Teżori fil-Knejjes Maltin is-Siġġiewi, ĦażŻebbuġ, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 2004.