Il-fenek hu annimal li fl-istat naturali tiegħu kien jinstab biss fin-naħat t’isfel ta’ l-Ewropa u fl-Akrika ta’ Fuq. Il-fniek ġejjin mir-razza tal-firien, imma minflok għandhom żewġ SINNIET (incisors) fuq quddiem, bħal m’għandu l-far, il-fniek għandhom erbgħa. Fix-xedaq ta’ fuq, fuq quddiemnett, il-fenek għandu żewġ sinniet kbar, u tnejn oħra pariġġhom fix-xedaq t’isfel. Dawn l-erba’ sinniet jibqgħu jikbrulu għomru kollu, u għalhekk il-fenek ikollu bżonn igerrem fuq l-iebes biex isinnhom, għax inkella s-snien jibqgħu jikbru u ma jkunx jista’ jiekol sewwa. Dan li għidna jgħodd għall-far ukoll; imma l-fenek, eżatt wara ż-żewġ sinniet ta’ quddiem, ikollu tnejn oħra, ftit iżgħar. Bejn is-snien ta’ quddiem, u d-DRAS (molars), ikun hemm spazju daqsxejn kbir.

Dan il-kapitlu deher oriġinarjament bħala parti mill-ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni” ta’ Ġużi Gatt.

Il-fenek hu ANNIMAL TAL-MERĦLA (social annimal) u jgħix ma’ fniek oħra ġo bejta mħaffra fit-trab jew ħamrija u li tissejjah GĦAWRA (warren). L-għawra jkollha ħafna dħul u ħruġ minn postijiet differenti, biex b’hekk il-fenek ifixkel u jifxel lill-għadu, jekk dan jipprova jew jidħol għalih fl-għawra, jew jistennieh joħroġ minnha. Il-ħmieġ tal-fniek jissejjaħ REDUS (crottels). Ftit ‘il bogħod mill-għawra il-fenek jagħmel r-REDDIESA – post fejn jitlaq ir-REDUS kollu. Dan għaliex ir-redus jagħmel ir-riħa, u din tista’ tinxtamm minn min jikkaċċja l-fenek. Imma kelb tan-naskja ta’ l-affari tiegħu, imur ixammem l-ewwel fuq ir-reddiesa, u minn hemm ikompli jimxi mar-riħa tal-fenek sakemm isib l-għawra.

Il-FENEK (buck) hu r-raġel tal-FENKA (doe). Il-frieħ tagħhom jgħidulhom ŻRAMEĠ (sing. żarmuġ), u kollha flimkien jgħidulhom BOTON żrameġ (litter). Il-fniek ikollhom ħafna żrameġ. Jekk ma jkunux qegħdin f’xi pajjiż b’temp kiesaħ, u allura jistrieħu ftit bejn Novembru u Jannar, il-fniek jistgħu jitgħammru s-sena kollha. Il-fenek IBERREK il-fenka, jiġifieri jitla’ fuqha minn wara u jġegħelha toqgħod kokka. Imbagħad ILIKKEM jiġifieri jagħti l-iskossi (thrusts). It-TQALA (gestation) tkun ta’ minn 28 sa 30 ġurnata, u l-boton ikun ta’ minn tlieta sa disgħa. Meta l-fenka jkollha l-frieħ, ngħidu li SABET (to kindle). Qabel ma SSIB, il-fenka tħalli l-għawra u tħaffer toqba oħra ftit ‘il bogħod, li jkollha dħul dejjaq li jagħti għal ħofra wiesgħa taħt l-art. Il-fenka tiled ġol-ħofra wara li tkun ksietha bil-ħaxix niexef u s-suf li taqla’ mill-pil ta’ sidirha stess. M’għandniex xi ngħidu, meta l-fniek ikunu ġo gallinar, ma jistgħux iħaffru għawra fil-ħamrija, u l-bniedem irid jaddattalhom kif jista’.

Il-fniek li qed nitkellmu fuqhom (oryctolagus cuniculus), m’għandhomx jiġu mfixkla ma’ annimali oħra li jissejħu FNIEK TAL-LIEBRU (Lepus). Il-fniek tal-liebru, li bl-Ingliż jissejħu hares, huma ta’ razza oħra. Iż-żrameġ tal-FNIEK jitwieldu ġo għawra taħt l-art, għarwenin, għomja u torox, b’widnejhom magħluqa. Il-FENKA TAL-LIEBRU ma tidħolx taħt l-art u tista’ tgħid li ma tagħmel l-ebda bejta speċjali għall-frieħ. Iż-żrameġ tagħha jitwieldu lesti bis-suf u b’għajnejhom miftuħa. Il-fniek tal-liebru (hares) għandhom ukoll mixja jew ġirja li tingħaraf malajr minn dik tal-fniek (rabbits). Mel’allura f’Malta m’għandniex fniek tal-liebru. Il-fniek kollha li hawn, kemm dawk fil-gallinari, u kemm dawk il-ftit li għadhom jiġġerrew fix-xagħri f’Malta, Għawdex u Kemmuna huma FNIEK u MHUX FNIEK TAL-LIEBRU. Il-fniek li jiġġerrew barra jistgħu jissejħu fniek slavaġġ, jew, aħjar minn hekk FNIEK TAL-GRIXTI (wild rabbits).

Iż-żrameġ tal-fniek jiftħu għajnejhom ta’ ħdax-il ġurnata u ftit wara jiftħu widnejhom. Ta’ ħmistax ikunu libsu u jafu jiġru weħedhom, u ta’ xahar ikunu jfendu għal rashom. Ta’ sitt xhur tista’ tgħammar il-fenka. Il-fenek jgħix minn sebgħa sa tmien snin.

Il-fenek ITAPTAP jiġifieri jħabbat b’saqajh ma’ l-art, (thumps the ground), u l-ħoss tat-taptipa jservi biex iwissi ‘l sħabu bil-periklu. Il-fenek m’għandu l-ebda għajta; ma jagħmel l-ebda ħoss b’ħalqu; imma meta jinqabad jew jindarab sewwa, iwerżaq twerżiqa rqiqa u twila.

In-nies tar-raba’ u n-nies ta’ l-irħula fil-pajjiżi tal-Mediterran ilhom ħafna li daħħlu l-laħam tal-fenek fid-dieta tagħhom. Imma l-fenek ma jiswiex biss għal-laħam. Ħafna minn dak il-materjal imsejjaħ felt, daż-żmien isir mill-ġlud tal-fniek. Il-ġild tal-fenek jintuża wkoll f’ħafna ġgieget u kowtijiet.

Il-fenek hu annimal mans, imgerrex u mistħi. Snienu ma jużahomx biex jigdem, bħalma jagħmlu l-ġrieden u l-firien, għallanqas sakemm ma jkunx veru dahru mal-ħajt, jew il-fenka biex tipproteġi ż-żrameġ. L-ikel jomogħdu sewwa qabel jibilgħu. Iċaqlaq ix-xedaq ta’ fuq laġenba, bil-kontra ta’ kif iċaqlaq ix-xedaq t’isfel; l-ewwel lejn naħa, imbagħad bil-kontra. Dil-ħaġa ma jagħmilha l-ebda annimal ieħor.

Bħal ħafna annimali oħra b’widnejhom kbar, il-fniek jistgħu jimirdu bil-QXUR FIL-WIDNA (ear canker). Il-marda tiġi minn dud irqiq li jbid f’widnejn il-fenek, imqar jekk ikunu ndaf. Il-bajd jibqa’ rieqed sakemm iħoss li l-fenek ikun dgħajjef. Ngħidu aħna jekk tkun sħana kbira, il-fenek ma jiflaħx għaliha. Jintelaq u jnaqqas mill-ikel, u allura jegħja u jsir bla ħeġġa. Malli jiġri hekk, il-mard jibda jattakka. Il-ħmar il-magħkus, idur għalih id-dubbien. Għat-tidwija tal-qxur fil-widna hawn it-tilqim, il-qtar u d-dlik.

Minn xi għoxrin sena ‘l hawn daħlet Malta marda tal-fniek li jgħidulha l-MARDA TAN-NEMUSA (myxomatosi). Il-fenek jintefaħlu mnieħru, ħalqu, in-naħa t’isfel tal-widna u l-warrani. Il-fenek imut wara xi ħdax jew tnax-il ġurnata mindu tirkbu l-marda. Il-virus ta’ dil-marda jiġi min-nemusa u anke mill-BERGĦUD (flea). Jgħidu li briegħed infettati b’dil-marda nstabu fit-tajr tal-passa li jpassi minn pajjiż għal ieħor, u allura jġorr dil-marda miegħu. Kontra dil-marda hawn it-tilqim.

Il-fniek ibatu wkoll mis-slieħ u l-ġdiem.

MIKLEM

 

Rabbits Il-Fniek
   
Buck Fenek
Doe Fenka
Young Żrameġ
Litter Boton
Warren/burrow Għawra
To kindle Issib      
Crottels Redus
Wild Rabbit Fenek tal-grixti                  
Hare Fenek tal-liebru  

Fniek tal-grixti hemm “ix-xeheb” u hemm “ix-xoqor”, li jissejħu wkoll “il-ħomor”. Ix-xeheb huma l-griżi (dil-kelma diġa ltqajna
magħha meta semmejna iż-żiemel “ixheb”), Anke mogħża tissejjaħ “xaqra” meta tkun ta’ lewn ismar ħamrani.

Il-bdiewa ġieli kienu jitilqu xi żrameġ tal-grixti mal-fniek l-oħra li jkunu jrabbu fil-gallinari, u dan biex isaħħu r-razza. Il-fenek tal-grixti jkun
pjuttost żgħir. L-isem “fenek tax-xiber” jgħodd għal xi fenek daqsxejn żgħir.

(c) Ġużi Gatt