Id-drawwiet popolari insibuhom anki fl-affarijiet reliġjużi, pereżempju fl0użu tal-bulettini tal-preċett tal-Għid. Billi din id-drawwa issa ilha madwar għoxrin sena li nqatgħet, tajjeb li wieħed issemmiha fost it-tifkiriet tal-imgħoddi.

Kitba ta’ J.F. Porsella-Flores. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 3(1989)2-3.

Bħalma jafu l-qarreja, wieħed mill-ħames preċetti tal-Knisja hu li tqerr u titqarben għall-anqas darba fis-sena. Il-ġurnata tagħzilha int, iżda fiż-żmien li tistabbilixxi l-Knisja. L-aħjar żmien huwa tal-Għid, wara li wieħed ikun mar jagħmel kors ta’ eżerċizzi spiritwali!

Allura kienu jirrikorru għas-sistema tal-bdil tal-bulettin, jiġifieri, sinjal li jixhed, li wieħed ikun issodisfa dan il-preċett tal-Knisja.

Il-bulettin kien jingħata għall-ewwel darba taħt forma ta’ santa, wara li t-tifel jew tifla jkunu għamlu l-ewwel tqarbina, imsejħa wkoll il-Preċett, kif għadna ngħidu u għadu jsir sal-lum.

Hekk kif joqrob żmien ir-Randan, il-kappillan kien iżur id-djar tal-parruċċani tiegħu, jiġbor il-bulettini tas-sena ta’ qabel, u jħalli flokhom oħrajn, wieħed għal kull membru tal-familja li għandu jwettaq dan id-dmir. Imbagħad f’ġurnata bejn Ħadd il-Passjoni u Ħadd it-Trinità, meta wieħed jersaq jitqarben bl-intenzjoni li jwettaq dan id-dmir tiegħu, jibdel dan il-bulettin ma’ ieħor li jgħid li wieħed resaq jitqarben.

Il-bulettin li jservi biex wieħed jersaq għat-tqarbin, fih il-kliem bil-Latin: “Signum Admissionis ad Paschale Praeceptum Adimplendum” jew kliem ieħor li jixbħu li bil-Malti jfisser: “Sinjal biex wieħed iwettaq il-preċett tal-Għid”. Malli wieħed jitqarben, jagħti dn il-bulettin lill-abbati li jkun mas-saċerdot li jibdilulu ma’ ieħor li fih dan il-kliem: “Panem coelestem acceptit tempore Paschali”, jew kliem ieħor jixbħu, li bil-Malti jfisser: “Tqarben fi żmien il-Għid.”

Il-bulettini kienu jkunu ttimbrati wkoll bis-sena, isem il-knisja u isem il-kappillan, jew rettur ta’ dik il-knisja. B’dan il-mod, meta s-sena ta’ wara l-kappillan kien jerġa’ jżur id-djar, biex jieħu lura l-bulettini tas-sena ta’ qabel, kien jista’ faċilment jikkontrolla min issodisfa dan id-dmir jew le.

Il-parruċċani kien ikollhom il-faċilitajiet kollha biex jibdlu l-bulettin fil-knisja fejn soltu jmorru għall-quddies. Pereżempju, il-knejjes tal-patrijiet li mhumiex parroċċi, kienu jistampaw il-bulettini tagħhom. Akni l-kappillani tat-tliet servizzi kienu jipprovdu bulettini  għan-nies tas-servizz tal-ajru (R.A.F.), tal-art (K.O.M.R jew R.M.A) u tal-baħar (Royal Navy). Dan għax kien ikun diffiċli għalihom li jmorru jwettqu dmirhom fil-parroċċa tagħhom. Il-membri tal-pulizija ukoll kienu jistgħu jagħmlu l-preċett fil-kappella tad-Depot li kellhom fil-Belt, għax anke hawn, minħabba d-dmirijiet tagħhom setgħu jsibuha diffiċli li jmorru jitqarbnu f’xi knisja tar-raħal tagħhom.

Anke l-morda tal-isptarijiet u l-ħabsin kien jingħatalhom bulettin mill-kappillan tal-isptar jew tal-ħabs, skont il-każ. Isimhom kien jinkiteb fuq il-bulettin sabiex meta jmorru lura d-dar, imorru bih għand il-kappillan tagħhom.

Min ikun bidel l-indirizz tiegħu minn raħal ieħor kien jagħti lill-kappillan il-bulettin tal-parroċċa fejn kien joqgħod qabel. Jekk xi ħadd ikun tilef il-bulettin, xorta waħda kien jakkwista ieħor, għax il-kappillan kien ikun jaf sewwa l-parruċċani tiegħu. Min ma jkunx laħaq bidel il-bulettin tiegħu fi żmien għaxar ġimgħat li semmejna, kin jinħtieġlu l-ewwel imur jistqarr dan in-nuqqas tiegħu lill-konfessur, li kien imbagħad jieħu ħsieb li bl-akbar segretezza jirranġalu biex jibdlu u hekk jiġi in regola.

Tista’ tgħid li kulħadd kien ikun ħerqan li juri li kien qeda dmiru mhux għal wiċċ in-nies, iżda għaliex l-insara jipprattikaw it-tagħlim tal-Knisja. Dak il-wieħed ‘l hemm u ‘l hawn li seta’ kien imbiegħed mill-Knisja, kien ikun magħruf minn kulħadd; allura kien ikun tort tiegħu biss, jekk meta jmut, jiġi miċħud difna f’art imbierka.

Ftit ilu sirt naf mingħand wieħed patri anzjan, li l-użu tal-bulettin kienet ħaġa lokali. Għaldaqstant hi ħaġa aktar f’waqtha li nfakkru, fost id-drawwiet tal-imgħoddi, din il-waħda tipikament Maltija.