Il-bizzilla ta’ Malta tiġbed l-għajn ta’ ħafna nies Maltin u barranin – ħaddiema tal-bizzilla, kollezzjonisti, delettanti u studjużi fost l-oħrajn. Hawn xi whud li jistaqsu ċerti mistoqsijiet bħal: “Mela l-bizzilla ta’ Malta mhix dik li jkollha is-salib tal-Kavallieri?’, “Mela l-bizzilla ta’ Malta mhux kollha l-istess?”, “Il-bizzilla li għandna mhux minn żmien l-Ingliżi bdiet?”, “X’differenza hemm bejn il-bizzilla li nsibu fil-knejjes u l-oħrajn li mdorrijin naraw bħall-għenuq antiki?”.

Kitba ta’ Anna Maria Gatt. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9(2010)3 Nru. 34

Dawn huma biss x’uħud mill-ħafna mistoqsijiet li niltaqa’ magħhom. Il-bizzilla ta’ Malta – dik maħduma biċ-ċombini mhix kollha l-istess. Għandna l-bizzilla tal-Bukketti, il-bizzilla tal-Festuni, il-bizzilla Torxon Malti, l-bizzilla tal-Balla, minbarra l-bizzilla tad-deheb u l-bizzilla tal-fidda. Ix-xempju ta’ dawn il-bizzilel għandhom disinni karateristiċi tagħhom. F’Malta kienet u għadha tinħadem il-bizzilla Filet li din hi maħduma kollha bil-labra, u l-bizzilla tat-Trina li hi maħduma parti biċ-ċombini u l-kumplament bil-labra. X’wassal li jkollna dawn il-bizzilel kollha speċjalment il-bizzilla tal-Balla fil-ġzejjer Maltin?

Palla tal-bizzilla “Tal-Balla” (Casa Rocca Piccola)

Sa mil-bidu ta’ l-1580, il-ġzejjer Maltin kienu ċentru importanti għall-attivita’ tat-trasbord. Frustieri speċjalment in-nobbli ta’ diversi nazzjonalitajiet, reliġjonijiet u professjonijiet kienu ġew Malta lejn l-aħħar tas-seklu sittax u matul il-bidu tas-seklu sbatax. Dan wassal biex is-soċjeta Maltija u Għawdxija mxiet minn stil medjevali lejn stil iktar modern ta’ dak iż-żmien, għal stil barokk. Dan seħħ ukoll permezz ta’ influss qawwi ta’ kapital barrani, diversi ħaddiema barranin, ideat ġodda u l-politika tal-Granmastri (1). Sadanittant, il-qbid ta’ merkanziji minn bastimenti pirati kien fenominu mxerred sew fil-Mediterran, u l-gżejjer Maltin kienu rinomati li jipproteġu jew jaħbu l-furbani(2).

Fis-seklu tmintax il-brigantini kienu mqabbda sew f’attivita’ merkantili, tant li rrendew diversi vantaġġi għall-attivita’ marittima u ħallew eluf ta’ muniti u flus barranin bħala profitt għall-gżejjer Maltin(3). L-esportazzjoni tal-qoton (kemm bħala ħajt kif ukoll bħala tessuti, ħwejjeġ, aċċessorji u bizzilla fost oħrajn) minn Malta għenu biex naqqsu l-iżbilanċ tal-pagamenti u żiedu l-volum tal-produzzjoni (4). Ħafna negozjanti Maltin innegozjaw ma’ negozjanti barranin minn pajjizi Mediterranji: Palermo, Katanja, Messina u Trapani fi Sqallija; Kaljari f’Sardinja; Ġenova, Livorno u Napli fl-Italja; Korsika u Marsilja fi Franza; Barċellona, Alikanti, Valenzja, Malaga u Kadiz fi Spanja; u Lisbona fil-Portugal (5).

Kien żmien fejn il-bizzilla kienet innegozjata ħafna, speċjalment fis-swieq Spanjoli (Barċellona, Valenzia, Kadiz, Kastilja u l-Andalusija)(6). Kwantitajiet enormi ta’ bizzillel kienu esportati lejn Spanja, minn Franza u l-Fjandra u xi ftit inqas mill-Isvizzera, l-Ingilterra, u l-Italja; ħafna minn dawn il-bizzilel kienu jerġgħu jiġu esportati lejn l-Amerika Latina(7). S’issa għadu ma nstabx dokument fejn jidentifika li ‘Bizzilla ta’ Malta’ kienet esportata minn Malta fuq brigantini jew bastimenti indipendenti li tajru bnadar ta’ pajjizi oħra. Kien diffiċli ħafna biex tiddistingwi tip ta’ bizzilla minn oħra fost dawk li kienu fis-suq għall-bejgħ, minħabba l-varjeta’ ta’ influwenza teknika minn bizzilel Ġenoviżi, Franċiżi u Fjamingi. Dak iż-żmien, il-bizzilla ta’ Malta setgħet kienet identifikata possibilment bħala ‘Spanjola b’aċċent Taljan jew Sqalli’(8). Fl-inventarji marittimi ‘Consolato del Mare’ (1697 – 1750)(9) kull oġġett impurtat fil-gżejjer Maltin kien miktub bit-Taljan. Insibu fost oħrajn pezze di merletti di filo jew bizzilla di filo għall-bizzilel tal-ħajt u pezze di pizzilli di bochetti għall-bizzilel bid-disinji tal-fjuri magħrufa aħjar bħala l-bizzilla tal-Bukketti. Il-bizzilla ta’ Malta żgur li ġiet rikonoxxuta meta fis-seklu dsatax filantropi Ingliżi (10) għenu biex reġgħu qabdu l-arti tal-bizzilla biex tiġi mgħallma sew, u nnegozjawha kemm f’Malta u barra minn xtutna speċjalment lejn is-suq Ingliż fejn il-bizzilla ġabet preżż tajjeb.

Il-moda tal-ilbies kienet waħda mill-kawżi li għenet biex tippromwovi il-produzzjoni tal-bizzilla. Dan jixhed f’ħafna pitturi kontemporanji minn artisti differenti, ta’ nies nobbli kif ukoll ekkleżjastiċi li jirreflettu l-bdil fil-kostumi matul iż-żmien(11). Fosthom insibu ritratt ta’ mara tal-Pittur Malti Francesco Zahra (1710-1773); lil Antoine Favray (1706-1798)(12) b’eżempji bħall-pittura tal-Granmastru ‘Emanuel Pinto de Fonseca’ Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann liebes lbies ċerimonjali inkluż il-bizzilla. Żewg eżempji oħra ta’ Favray huma l-pitturi ta ‘Maria Amalia Grognet neé Marchesi’ liebsa lbies tal-moda bil-bizzilla, u l-famuża ‘Xena Domestika Maltija’ fejn turi waħda min-nies nobbli bit-trajbu komplut biċ-ċombini f’idejha taħdem il-bizzilla.(13)

Velu bil-burdura tal-bizzilla tal-balla (Casa Rocca Piccola)

Il-bizzilla tas-seklu sittax kienet maħduma b’għażel oħxon u ħajt tal-metal (deheb, fidda u ram)(14). Hekk kif id-disinji ġew iktar ikkumplikati, ipperfezzjonati u fini, il-bizzilla bdiet tinħadem ukoll bi ħjut naturali (għażel u qoton)(15). Fis-seklu tmintax il-bizzilel taċ-ċombini fit-tramuntana tal-Italja – Milan, Ġenova, Venezja u l-inħawi kienu magħmula mill-għazel(16), ħarir u metal, filwaqt li l-bizzilel taċ-ċombini fi Fjandra u fit-tramuntana tal-Ewropa li kienu ikkupjati minn dawk il-bizzilel stil barokk ta’ Milan kienu maħduma delikati bl-ifjen ħajt tal-għazel. Konsegwentament, żviluppaw żewg tipi ta’ bizzilel – (i) il-bizzilel klassiċi, fejn l-aristokratiċi addattaw il-bizzilla għall-moda tal-ħwejjeg; u (ii) l-bizzilel tal-bdiewa, bizzilel ordinarji(17) fejn raħlin speċjalment nisa li ħadmu fir-raba’ qalgħu l-għejxien tagħhom mhux biss minn prodotti agrarji imma wkoll mix-xog]ol tal-bizzilla. Il-bizzilel tal-bdiewa ikkompetew mal-bizzilel klassiċi għalkemm il-livell tax-xogħol kien inferjuri ħafna. Is-soċjeta’ tal-klassi tan-nofs imitaw il-moda tas-sinjuri bl-aħjar li setgħu bir-ri\orżi li kellhom. Għalkemm il-bandu ikkontrolla l-infiq u irrestrinġa l-lbies bi drapp lussuż inkluż il-bizzilla, l-ħwejjeg xorta għaddew minn id għall-oħra iktar l-isfel fis-soċjeta’ sa ma’ waslu għand il-komunita’ tal-bdiewa. Dawn l-ilbiesi ġew immodifikati, mibdula u addattati kemm-il darba bil-bellus u bizzilel b’mod li żviluppat il-moda ‘fossilizata’ (18).

Pero’, ma kinetx il-moda imma l-bandu u d-devozzjoni lejn ir-reliġjon li wassal nies għonja u fqar (mill-ftit ġid li kellhom) biex jagħtu għotjiet ta’ flus lill-knisja jew oġġetti prezzjużi jew li jikkontribwixxu għall-oġġetti finanzjarjament kif setgħu (19). Dan wassal ukoll biex lill-ħaddiema tal-bizzilla professjonali jew delettanti, nobbli, nies għonja jew fqar, f’kunventi, f’orfanatrofji jew fid-djar, biex jikkonċentraw fuq il-produzzjoni ta’ bizzilla ekklesjastika kemm tal-ħajt (għazel u qoton) u tal-metal (deheb u fidda) biex tingħata lill-knisja minbarra li jaħdmu għall-kummerċ (20). Dawn kienu jinkludu trieħi ta’ l-artal, albi u rukketti fost l-oħrajn. Ma rridux ninsew ukoll li l-ekkleżjastiċi Maltin u barranin kienu ukoll jivvjaġġaw u żgur li kkontribwew ukoll għall-introduzzjoni tal-bizzilla fil-gżejjer Maltin(21) possibilment jaddottaw ukoll drawwiet mill-knejjes ta’ Spanja, l-Italja u Franza.

Sadanittant, minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni f’ħafna pajjiżi inkluża Malta u l-waqfa tal-esportazzjoni minn Franza għal ċertu pajjiżi fi żmien ir-revoluzzjoni (1789-1793) l-kutrabandu nfirex fuq skala kbira ħafna(22). Il-kompetizzjoni kummerċjali bejn bizzilla u oħra ma naqsitx ukoll. F’kull ħin u f’ħafna postijiet, l-ikkupjar ta’ disinni, l-idejat, u t-teknika ta’ kif tinħadem il-bizzilla kienu misruqa, filwaqt li l-ħaddiema tal-bizzilla kienu mfittxija ħafna (23). Dan jista’ jispjega żewġ fatturi – (i) il-famuż punt point de Paris (magħruf bħala l-punt tal-Balla) tal-bizzilla Fjaminga jinsab fil-bizzilla ta’ Malta; u (ii) ir-relazzjoni teknika fil-bizzilla Maltija mal-bizzilla ta’ Cluny ta’ Franza magħmula f’Le Puy ukoll fi Franza (24). Bizillel bil-point de Paris kienu mprezzabbli għall-ilbies ta’ taħt, velijiet, kappuni tan-nisa fost ħwejjeġ u aċċessorji oħra speċjalment fi Franza(25).

F’Malta nsibu kitbiet dwar il-bizzilla f’inventarji ekkleżjastici sa mill-1618, dokumenti minn żmien il-kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Gwann(26) kif ukoll kuntratti taż-żwieġ, testmenti, kotba u rapporti minn awturi Maltin u barranin. Per eżempju, fl-1716 Giacomo Capello jirraporta kif nisa nobbli tal-bizzilla Maltija kellhom ix-xempju fuq xiex jahdmu: “donne lavorano merli finissimi quando hanno il modello; guanti di filo, di gottone, e seta, e fiori bellissimi”(27).

Disinn tal-kunjom tal-Baruni de Piro (Casa Rocca Piccola) – Treasures of Malta Vol. VI, No.1

Disinn ta’ għonq magħmul minn Dun Ġużepp Diacono

Bizzilla bil-kunjom tal-Baruni de Piro maħduma fuq it-trajbu mill-awtriċi.

L-istoriku Għawdxi Gian Piet Frangisk Agius De Soldanis (1712-1770) kiteb li l-industrija tal-bizzilla lokali kienet tinħadem b’sengħa kbira u li kienet stabbilita flimkien ma’ industriji oħra bħall-manifattura tal-qoton, insiġ u rakmu (28). F’dokument tal-kamra tal-Kummerċ li sar qabel l-embargo tal-1743 hemm referenża li l-bizzilla tal-ħajt maħduma Malta (possibilment tal-qoton għax l-oġġetti l-oħra kienu kollha tal-qoton) nħarġet minn Malta u mbiegħet f’inqas minn sena f’Lisbona fil-Portugal (29). F’wieħed mill-inventarji tal-katidral tal-Imdina hemm referenża għall-bizzilla tal-Balla ta’ l-Isqof Paolo Alpheran de Bussan li ħalla l-albi tiegħu lill-knisja fl-1767:

“…alter due albe di tela fina con coda, e merletto di palla colli loro amitti…”;(30)

F’rapport ippubblikat dwar l-industriji Maltin miġbur mil-Professur Nicola Zammit fl-1886(31) kif ukoll gazzetti lokali tal-istess perjodu bħall-gazzetta The Malta Times and United Service Gazette fost oħrajn jirrapurtaw li Malta kienet famuża għall-bizzilla tal-balla, bizzilla kkumplikata magħmula bil-ħajt tal-għażel u maħduma minn xi delittanti kemm għall-knisja u kif ukoll għall-ilbiesi bħal tat-tiġijiet (32). Mentri fl-1908 is-sinjura Hungerford Pollen fil-publikazzjoni tagħha Seven Centuries of Lace kitbet dwar il-borduri tal-bizzilla Maltija li kienu jinħadmu f’Malta madwar l-1780.

Kien hemm diversi Maltin u Għawdxin, mhux biss negozjanti, li ħadmu b’riżq il-bizzilla Maltija. Fosthom insibu lil Francesco Saverio Caruana (1759-1847) li flimkien ma’ missieru, negozjant tal-qoton f’ħaż-Żebbug, ipprovda xogħol tal-għażil, l-insiġ u bizzilla lill-maġġorparti tal-familji Maltin u l-istituti tal-Karita’ (33). Dun Salv Bondi (1790-1859) pinġa disinni tal-bizzilla u ħadem biex ixerred it-tagħlim tal-bizzilla f’konservatorju r-Rabat u rħula oħra f’Għawdex (34). Twaqqfet is-Soċjeta Maltija għall-Arti, Manifattura u Kummerċ fl-1851. Fl-1863 infetħu skejjel għat-tagħlim tal-bizzilla f’Malta fosthom f’Casal Zebbug immexxija minn Dun Salvatore Trevisan (35), u f’Citta Vecchia (illum Mdina) taħt it-tmexxija tal-Arċipriet Kanoniku Saverio Vassallo, Rev. Dun Saverio Galea, Dr. Chappell, u Dr. Gouder (36). Hemm lista sħiħa ta’ għalliema tal-bizzilla li ikkontribwew fit-tagħlim speċifikament tal-bizzilla Maltija, fosthom Lorenzo Cumbo. Fl-1864 Adelaide Cini fetħet Konservatorju (illum magħruf bħala Cini Institute) fejn tfal bniet ġew imħarrġa speċjalment fil-bizzilla tal-ħarir (37). Saru diversi esibizzjonijiet internazzjonali bħall-Wirja l-Kbira ta’ Londra fl-1851, il-Wirja Internazzjonali f’Londra wkoll fl-1862 fejn P.P.Borg rebaħ medalja għax-xogħol eċċellenti tal-bizzilla u f’Pariġi fl-1867 fost oħrajn kif ukoll saru esibizzjonijiet anki lokali bħal dik tal-1864 L’Esposizione di Industrija Maltese. Dun Gużepp Diacono (1847-1924) kompla jiżviluppa iktar b’mod innovatttiv u distint id-disinn tal-bizzilla Maltija – (i) il-bizzilla tal-festuni għall-kummerċ xieraq mhux biss għas-suq Ingliż imma għas-swieq oħra barranin (38); u (ii) l-bizzilla tal-Balla għall-paramenti u lbies ekklesjastiku. Hu wkoll waqqaf l-industrija tal-bizzilla f’Għawdex u Malta.

Għalkemm għadu mhux magħruf meta oriġina l-point de Paris zġur li origina fi Fjandra ta’ Franza(40) u kien magħmul għas-swieq ta’ Pariġi. L-ewwel darba li ssemma il-point de Paris kien fl-inventarju Inv. D’Anne d’Escoubleau, Baronne de Sourdis, veuve de Francois de Simiane ta’ l-1681(41). Jacques Savray, Franċiż minn Pariġi wkoll isemmi l-punt tal-balla point de Paris fis-sezzjoni tal-bizzilla taċ-ċombini fil-ktieb tiegħu ‘Dictionnaire Universel de Commerce’ ta’ l-1723(42). Il-point de Paris kien ikkupjat u maħdum f’ċentri oħra bħal f’Turnhut, Anvers, Malines, Normandija, Faubourg St. Antoine (43), St. Denis, Écouen and Groslay(44) kollha fi Franza, u għalhekk kien diffiċli ħafna biex tiddistingwi dawn il-bizzilel minn dawk originali Fjamingi (45).

Borża tal-Preċett (Kollezzjoni Privata)

Id-disinji kienu fil-biċċa l-kbira ta’ fjuri, b’weraq u girlandi. Il-point de Paris hu l-istess bħal dak li jinstab fil-bizzilel Pottenkant ta’ Antwerp tas-seklu tmintax (tip ieħor ta’ bizzilla Fjaminga) li kienet esportata lejn Spanja minn Kadiz. Hu wisq probabli li l-bizzilla ġiet introdotta f’Malta minn kull aspett – meta n-negozzjanti innegozzjaw il-bizzilla, minn baħħara, ħaddiema, ekklesjastici u frustieri li vjaggaw minn pajjiż għall-ieħor, artisti permezz tal-pitturi tagħhom u kitba ta’ dak iż-żmien. Dan wassal ukoll biex fl-1831 il-bizzilla bil-Point de Paris bdiet tinħadem bil-magni mil-kumpanija Leavers Lace Machine u fl-1858 mill-kumpanija Barmen Machine fl-Ingilterra (46).

 

Għall-bidu f’Malta l-bizzilla tal-balla maħduma kemm dejqa, kif ukoll wiesgħa kienet tinkorpora disinni tat-tila maħduma fil-punt tal-balla b’mod inferjuri. Il-quddiem din żviluppat minn stil Fjaming għal stil ewlieni b’teknika Maltija. Dawk maħduma għall-knisja, minbarra d-disinni ta’ weraq, fjuri u annimali fuq sfond ta’ reticella ġew inklużi l-festuni ekklesjastiċi bħal per eżempju l-pellikan, il-ħaruf, l-ewkaristija u simboli oħra inkluż tal-qaddisin. L-istess bħall-bizzilla tal-Pottenkant tas-seklu tmintax, il-bizzilla tal-Balla ta’ Malta inkorporat ukoll il-vażun simetriku ta’ żewġ widnejn kif ukoll tip ta’ vażun ieħor bil-fjuri fuq stil barokk li fit-teoloġija Nisranija dan jirrappreżenta lill-Madonna bħala simbolu ta’ purita’ jew il-Lunżjata(47). Tliet fjuriet b’ħames petali kull waħda jfissru l-ħames posti tar-rużarju bit-tliet misteri. Xi qassisin għadhom jilbsu l-albi b’dawn il-bizzilel u ħafna knejjes iżejnu l-artali u s-sagristiji tagħhom speċjalment fi żmien il-festi. Għalkemm il-bizzilla ta’ Malta tal-punt tal-Balla hi iktar magħrufa u l-iżjed imsemmija għall-ħwejjeġ u aċċessorji ekklesjastiċi kienet ukoll tinħadem għall-ilbiesi fosthom tat-tiġijiet.

Maktur – il-burdura: bizzilla tal-festuni (festun tal-fjura u festun tas-salib ta’ Malta); ta’ ġewwa: bnadar Ingliżi fil-bizzilla tal-balla (kollezzjoni Privata)

Manika – Kollezzjoni Privata

 

Kif tagħraf il-bizzilla tal-balla? L-ewwel ma trid tħares huwa lejn il-punt tal-balla. Dan il-punt huwa wieħed minn ħafna punti li jsawwru l-bizzilla Maltija. Huwa dekorattiv, delikat, ftit imġebbed, f’għamla ta’ kaxxa b’sitt iġnieb fejn żewġ naħat huma vertikali jew orizzontali u erba’ naħat dijagonali, b’ħajt b’barma waħda, kull par ċombin maħduma flimkien b’punt sħiħ. Il-punt jifforma ċirku fin-nofs u sitt trijangoli madwar iċ-ċirku.

Għalkemm insibu disinji tal-bizzilla Maltija mpenġija b’linka bajda fuq karta blu għax dawk huma ta’ żmien il-Malta Industries, id-disinni l-oħra huma mpittra b’żewġ kuluri – (i) bil-linka ħadra li jfisser li x-xogħol tal-bizzilla jrid jinħadem tila, nofs punt jew moski; u (ii) bil-linka sepia għall-punt retiċella, ix-xibka, bħalma hu l-punt tal-balla. F’xempji antiki ħafna il-punt tal-balla ma kienx ikun impitter madwar id-disinn, u l-ħaddiema tal-bizzilla kellhom jixtarru kif jinħadem madwar id-disinn. Ħaddiema tal-bizzilla professjonali jaħdmu din it-tip ta’ bizzilla kontinwa dritta għat-tul, itellgħu x-xogħol għal diversi kuxxinati mingħajr ma jużaw labar tar-ras ħlief fit-truf tal-bizzilla maħduma fuq it-trajbu Malti – tawwali . Il-ħjut jidħlu fit-tejjel u jerġu joħorgu fir-retiċella u xi kultant issir għoqda fuq il-par vertikali eżatt wara li l-par djagonali jkun maħdum. Dan kien biex iżomm sod matul il-ħidma tal-bizzilla ta’ dan it-tip. Dun Guzepp Diacono fil-pubblikazzjoni tiegħu ta’ l-1920 ‘Bizzilli li jinhadmu f’Malta u Ghaudex’, jiddeskrivi tip ieħor ta’ trajbu – mħadda twila romblu magħmula attaposta għall-bizzilla tal-balla: “…isiru bhal rombli uesghin xorta uahda ma tulhom collu; hecc jigiu maghmulin l’imhadet li fukhom jinhadmu il bizzilli li jeghdulhom tal-balla u minn daun l’imhadet jisseihu tal-balla.” Dan it-tip ta’ romblu msemmi wkoll f’inventarju tal-Casa Industriale t’Għawdex mmexxija minn Diacono stess: “Imhadda al bizzilli tal Balla fuli rigla pulita.” Hu kiteb dwar kif tipproduci disinji tal-bizzilla aħjar u aktar attraenti. Saħaq li l-bizzilla Maltija li hi dejqa tinħadem f’biċċa waħda imma dawk iktar wesgħin jinħadmu biċċiet separati: “Ghal heffa tax-xoghol ahiar jinhadem maksum, izda ghal gmiel u ghaz-zina tal bizzilla, ahiar jinhadem shieh”. Kien sostna wkoll li kull biċċa xogħol tal-bizzilla għandha taħdimha ħaddiema waħda biex ix-xogħol ikun t’id waħda ; u kien kuntrarju li disinn tal-bizzilla jinqasam mir-retiċella speċjalment il-punt tal-balla: “Jatu cbir mancament meta icollhom xi ksim fil fili specialment fein jinghatau il fili hec imseihin tal-balla.”

Il-bizzilla tal-Balla għadha tinħadem sal-lum kemm b’disinji antiki tradizzjonali kif ukoll b’mod kontemporanju modern mhux biss b’ħajt abjad, krema jew iswed imma wkoll bil-ħajt tal-kulur, ħajt tal-metal, xagħar taż-żiemel u riżorsi oħra.

(C) Anna Maria GAtt

NOTI

1.- Freller, T., Gozo, The Island of Joy, Colour Image, Mgarr, Malta, 1997, p22, pp39-53; Wismayer, J.M., Privateers and Corsairs, Part I, Tune In Magazine, 1996, pp48-49; Dan kien speċjalment fi żmien il- Granmastri La Cassiere u Verdalle.

2.- Lane-Pool, The Barbary Corsairs. London, New York, 1890, p24.

3.- Muscat, J., The Lateen-Rigged Maltese Brigantine, PIN Publications, Malta, 2001, p26.

4.-Il-bilanċ tal-pagamenti huwa id-differenza bejn il-ħlasijiet li pajjiż jagħmel lil pajjiżi oħra għal oġġetti importati, servizzi u investimenti u dawk li jirċievi minn pajjiżi oħra għal dak li jkun esporta. L-art, ix-xogħol u l-kapital minbarra l-intraprenditur, huma it-tlett rizorsi ewlenin biex il-kummerc jipproduci oġġetti u servizzi jigifieri, il-fatturi tal-produzzjoni. Iżda, dokumenti maħruġa mid-Dwana Maltija ta’ dak iż-żmien jistgħa possibilment ma jixdhux il-verita’ dwar il-kummerċ minn negozjanti Maltin.

5.-Debono, J., The Cotton Trade of Malta 1750-1800 in Archivium – The Journal of Maltese Historical Research No.1, Midsea Books Ltd, Malta, 1981, p99.

6.-Palliser, B., History of Lace, Constable and Company Ltd, U.K., 1984, p101.

7.-Levey, S.M., Lace: A History, V. & A. Museum, U.K., 1990, p24, pp62-63. Il-bizzilel Fjamingi kienu irħisa meta kumparata ma’ dawk ta’ Franza u l-Italja.

8.-Vassallo, C., Corsairing to Commerce – Maltese Merchants in XVIII Century Spain, Malta University Publishers Malta, 1997, pp12-18, p133;

9.-Vassallo, C., Corsairing to Commerce – Maltese Merchants in XVIII Century Spain, Malta University Publishers Malta, 1997, pp12-18, p133; Azzopardi, C., Antique Maltese Lace of the Time of the Knights 1530-1798, M.Phil. thesis (unpub.), University of Malta, 2002, pp100-104; Azzopardi, C., Il-Bizzilla tal-Gżejjer Maltin, Publikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 2003, pp131-133.

10.-Azzopardi, C., Lace: An Introduction to Lace Making in the Maltese Islands, Gozo Press, 1991, p18.

11.-Racinet, A., Illustrated History of European Costume, Collins & Browns, Great Britain, 2000, p56, p62, p87; Sella, D., European industries 1500–1700 in Cipolla, C.M. (ed.), The Fontana Economic History of Europe – The Sixteenth and Seventeenth Centuries, William Collins Sons & Co Ltd., 1970, p375.

12.-Zammit, W., The Communicative Role of Visual Media in Malta 1700-98 in Cortis, T., Freller, T. & L. Bugeja (eds.), Melitensium Amor – Festschrift in honour of Dun Gwann Azzopardi, 2002, pp328-330.

13.-Il-pitturi jinsabu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti. Pitturi kontemporanji jinsabu wkoll f’kolezzjonijiet privati bħal f’Casa Rocca Piccola u kollezzjonijiet ekkleżiastiċi bħall-Mużew tal-Katidral u Sagristiji f’diversi knejjes. Pitturi kontemporanji oħra jidhru f’irkanti lokali.

14.-Levey, S.M., Lace: A History, V. & A. Museum, U.K., 1990, p16; Earnshaw, P., The Identification of Lace, Shire Publications Ltd., 1980, p10.

15.- Earnshaw, P., Lace in Fashion – From the Sixteenth to the Twentieth Centuries (2nd ed.), Gorse Publications, U.K., 1991, p145 – Fil-kotba tad-disinni spe`jalment dawk tal-bizzilla taċ-ċombini (Veneja 1557 u 1561) juru kollezzjonijiet ta’ bizzilla ordinarja / tal-bdiewa (peasant laces) u jidher l-iżvilup ta’ disinni aktar kumplikati ghall-ħajt rikk aktar addatati għall-moda.

16.- Levey, S.M., Lace: A History, V. & A. Museum, U.K., 1990, p22.

17.-Diacono, G., ‘Bizzilli li jinħadmu f’Malta u Ghaudex’, Malta, 1920, p34. Dun Ġuzepp Diacono isejjaħ peasant laces bizzilla ordinarja.

18.-Minchinton, W., Patterns and Structures of Demand 1500-1750 in Cipolla, C.M. (ed.), The Fontana Economic History of Europe – The Sixteenth and Seventeenth Centuries, William Collins Sons & Co Ltd., 1974, p133; Levey, S.M., Lace: A History, V. & A. Museum, U.K., p71.

19.-Cini, G., Litugical Vestments Exhibition in Council of Europe Campaign, Times of Malta, 02-10-2000, p29.

20.-Palliser, B., History of Lace, Constable and Company Ltd, U.K., 1984, p90.

21.-Bezzina, J., The Elegant Gozitan Lace, Malta This Month – Air Malta in-flight magazine,1988.

22.-Earnshaw, P., The Revival of the Art of Lacemaking in de Piro, N. & V.A. Cremona (eds.), Costumes in Malta, A History of Fabric Form and Fashion, Fondazzjoni Patrimonju Malti, Malta, 1998, p138.

23.-Reigate, E., An Illustrated Guide to Lace, Antique Collectors’ Club, U.K., 1986, p32; Lewis, F., Lacemaking in France in Davanzano Poli, P. (ed.), Cinque Secoli di Merletti Europei – I Capolavori, Burano, Italy, 1984, pp210-212; Azzopardi, C., Il-Bizzilla tal-Gżejjer Maltin, Publikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 2003, pp27-28, 34.

24.-Levey, S.M., 1990, Lace: A History, V. & A. Museum, U.K., 1990, p105.

25.-Earnshaw, P., Lace in Fashion – From the Sixteenth to the Twentieth Centuries (2nd ed.), Gorse Publications, U.K., 1991, p73, p146; Tilly, L.A., Three Faces of Capitalism: Women and Work in French Cities in Merriman, J.M. (ed.), French Cities in the Nineteenth Century, 1981, pp181-182; Gwynne, J.L., The Illustrated Dictionary of Lace, Batsford Ltd, U.K., 1997, p153.

26.-Azzopardi, C., Il-Bizzilla tal-Gżejjer Maltin, Publikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 2003, pp44, 49, 125.

27.-Mallia-Milanes, V. (ed.), Descrittione di Malta Anno 1716 – A Venetian Account. Bugelli Publications, Malta, 1988, pp56-57. Il-ħaddiema tal-bizzilla li jirreferi għalihom huma żgur nobbli minħabba li kienu jitkellmu bit-Taljan. In-nisa Maltin tar-raħal kienu jitkellmu bid-djalett Malti li kien jitqies vulgari u baxx.

28.-Agius De Soldanis, G.P.F., Damma tal-Kliem Kartaginiz Mscerred Fel Fom tal Maltin u Ghaucin. National Library, Valletta: Ms. 143 A; Agius De Soldanis, G.P.F., Nuova Scuola dell’Antica Lingua Punica Scoperta nel Moderno Parlare Maltese e Gozitano. National Library, Valletta: Ms. 143 80; Agius De Soldanis, G.P.F., Degli Abiti, Costume, Sponsali, Matrimoni e Funerali dei Maltesi. National Library, Valletta, Ms.142, Vol. V, 218-219.

29.-NLM, Lib. Misc. 1020.

30.-ACM, Misc.217, Inventario 1767, fol.59r.

31.-Zammit, N., Ricami in Malta e Sue Industrie, Malta, 1886, p71.

32.- A.A., Malta – Silk in The Malta Gazette, 5-11-1887, p2.

33.-Farrugia Randon, J, R. Farrugia Randon & S. Farrugia Randon, Three Maltese Personalities, Nadur, Gozo, 1996, p2, p30, p32

34.-Azzopardi, C., Il-Bizzilla tal-Gżejjer Maltin, Publikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 2003, p146

35.-A.A., The Lace and the Cotton Trade in Malta in Malta Times and United Service Gazette, 27-11-1862, pp1-2; A.A., Establishment of Another Lace School in Malta in Malta Times and United Service Gazette, 5-2-1863, p2; A.A., The Lace Schools in Malta in Malta Times and United Service Gazette, 19-3-1863, p2.

36.-A.A., The Lace and the Cotton Trade in Malta in Malta Times and United Service Gazette, 27-11-1862, pp1-2; A.A., Establishment of Another Lace School in Malta in Malta Times and United Service Gazette, 5-2-1863, p2; A.A., The Lace Schools in Malta in Malta Times and United Service Gazette, 19-3-1863, p2.

37.-Guida Generali di Malta e Gozo, Malta, 1905, p141.

38.-A.A., The Lace Schools in The Malta Times and United Gazette, 19-3-1863, p2.

39.-Diacono magħruf sew ukoll għad-disinji tal-bizzilla bil-punt Ingliż li hu u\at kemm fil-bizzilel Maltin kumerċjali kif ukoll dawk ekklesjastiċi.

40.-Levey, S.M., Lace: A History, V. & A. Museum, U.K., 1990, p54

41.-Palliser, B., History of Lace, Constable and Company Ltd, U.K., 1984, p33, n17 – “Une chemisette de toile d’hollande garnye de point de Paris”

42.-Savary, J., Dictionnaire Universel de Commerce I, 1723, pp1677-1679.

43.-Gwynne, J.L., The Illustrated Dictionary of Lace, Batsford Ltd, U.K., 1997, pp152-153.

44.-Palliser, B., History of Lace, Constable and Company Ltd, U.K., 1984, p210.

45. -Levey, S.M., Lace: A History, V. & A. Museum, U.K. 1990, p34, p55.

46.-Gwynne, J.L., The Illustrated Dictionary of Lace, Batsford Ltd, U.K., 1997, p152-153.

47.-Gwynne, J.L., The Illustrated Dictionary of Lace, Batsford Ltd, U.K., 1997, p21; Palliser, B., History of Lace, Constable and Company Ltd, U.K., 1984, p130.