Ismijiet ta’ nħawi u toroq mill-imgħoddi.

Bormla hekk kienet magħrufa sa ma l-Gran Mastru Zondadori sejħilha “Il-Belt Cospicua”.  Ir-raġuni kienet għax saret tant imfittxija għall-abitazzjoni minn għad kbir ta’ familji tal-ħaddiema li riedu jsibu fejn jaqilgħu l-biċċa ħobż fl-inħawi tal-Port il-Kbir.

Kitba ta’ Lorenzo Zahra. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9(2010) Nru. 3.

Dan l-isem ta’ “Belt Cospicua” kien aktar popolari fi żmien il-ħakma Ingliża.  Illum donnu qed jitwarrab.  Għaliex ma nafx.

F’dil-kitba se nsemmi kif ċerti nħawi kienu magħrufa sa mill-imgħoddi, u li ċerti ismijiet baqgħu fl-użu, u oħrajn żdiedu maż-żmien.  Jiena ġbart minn kitbiet tal-Kappillani li fl-imgħoddi kienu jduru mal-belt bil-għan li jitħarsu l-erwieħ taħt il-kura Parrokjali, magħrufa bħala “Status Animarum”.

Għall-bidu ż-żjara kienet bla indikazzjoni ta’ nħawi; hekk, per eżempju, fl-Isla nsibu biss il-lokal imsejjaħ “Kwartier Nru 1, 2, eċċ.  Iżda f’Bormla xi nħawi kienu diga’ jġibu isem jew laqam.  Imma bla dubju, l-ismijiet ingħataw formalment lit-toroq tagħna fi żmien il-ħakma Ingliża.

Għall-bidu Bormla kellha l-Kwartier “tal-knisja”, dak “tal-kurċifiss”, u l-inħawi “tal-oratorju”.  Kien hemm it-toroq: “Strada Zucchero, Strada della Dighira, Strada Gibja, Ta’ Lhud, u Strada Tal-Pirwiel (?), tal-Mictitin, ta’ Matzzin, ta’ Carletti, ta’ Graziulla, ta’ Demarco, ta’ Roina.

Wara nsibu ismijiet ta’ qaddisin f’diversi toroq:  Strada Santa Elena, Santa Teresa, Santa Maria, San Giorgio, San Andrea, San Michaele, Santa Margherita, San Rocco, San Francesco, San Lazzaro, u San Felice.

San Pawl kellu Strada Reale San Paolo, u Vallone San Paolo. L-inħawi ta’ Santa Liena kellhom il-wied magħruf bħala Vallone Santa Elena.

Kien hemm inħawi oħra li kienu qrib postijiet ta’ difiża: ta’ Fortini di Formosa, Fortini Sant Antonio, Fortini del CapoMastro, u Fortini della Cottonera.  Kien hemm Strada del Castel Nuovo, Strada della Torre della Guardie, Strada del Bastione, Strada del Fosso, Strada Verdala, u Strada Cottoner.  Strada San Francesco di Paola kienet qrib is-sur li safa maħtut meta saru l-baċiri.

It-toroq li jmorru lejn bnadi oħra kienu: Strada Porta Zabbar, Strada Porta Senglea, u Strada Porta Cospicua.  San Ġwann t’Għuxa kien imsejjaħ San Giovanni l-Elemosiniere.  Billi kien hemm mitħna, dawn l-inħawi kienu jissejjħu Strada del Molino al Vento di San Giovanni Elemoisniere.  Nifhem li ssemmew hekk għax fl-inħawi ta’ Santa Margerita wkoll kien hemm l-imtieħen: Strada Molino di Santa Margherita.

Kien hemm Via della Mammana (nifhem li kienet it-triq fejn toqgħod il-qabla), u Strada Mitlufa, Strada tar-Rokna, u Via Ta’ Zbibi.

F’Bormla kien hemm ukoll l-isqaqien, imsejħa “vicoli”: Hekk, qadim tassew hu l-isem “Vicolo Ta’ Paguasco in Piazza dei Viveri.  Vicolo Srejdek għadu jeżisti sal-lum.  Vicolo Piccolo, Vicolo di Liparot, Vicolo Dolori, Vicolo Garetella, Vicolo Scoccese, u Vicolo Oratorio.

Lejn ix-xatt kien hemm: Strada Marina, Strada Manderaggio vicino l’Arsenale, u Strada Grinualdi – fejn nifhmu li kien hemm xi ħoloq fejn jorbtu x-xwieni.

Il-ħakma Ingliża ġabet sistema li t-toroq ikollhom l-ismijet.  Sa mill-bidu tas-seklu XIX it-toroq ingħataw laqam, isem jew kunjom ta’ xi wħud prominenti fl-inħawi:  Hekk insibu Strada Ta’ Cordina, Ta’ Gafa’, Ta’ Gelfu, Ta’ Bongiorno,, Ta’ Edwardo, Ta’ Nelson, Ta’ Alessandru, u Tal-Pittur Barbara.

Insibu oħrajn bl-ismijiet Strada Leone, Strada Aquila, Strada Toro.  Oħrajn b’ismijiet bħal Strada Irlandese, Brittanica, Annover, Strada Lampa delle Anime (Tal-Erwieħ), Strada Stretta, Strada Stella, Strada del Cimiterio, Strada del Giargino, Strada Sofia, Strada del Conservatorio, u Strada del Campanile.

Naturalment illum huwa faċli li wieħed jara l-ismijiet tat-toroq preżenti.  Tajjeb ngħidu li fl-1940, fi żmien il-Gwerra, l-ismijiet mit-Taljan inqalbu għall-Malti. Wara, meta kellna żewġ lingwi uffiċjail, kienu bl-Ingliz u bil-Malti. Illum f’diversi postijiet insibuhom bil-Malti biss, waqt li oħrajn għadhom biż-żewġ ilsna uffiċjail – l-Malti u l-Ingliż.