F’din is-sensiela ta’ artikli qed naqbdu, wieħed wieħed, mal-karattri tal-fantasija li għandna fl-ilsien Malti, u nagħtu t-tagħrif kollu li nafu fuqhom, ħalli dawn il-karattri ma jintremewx u jintnesew, imma jibqgħu magħna għax huma wirt missirijietna.  Barra minn hekk qed nagħtu biżżejjed dettalji biex il-karattri jkunu jistgħu jitpenġew b’mod li nagħrfu wieħed minn ieħor, bħalma nagħrfu bejn Father Christmas u La Befana, u dan billi nagħtu lil kull karattru s-simbolu tiegħu, li jkun jingħaraf minn dak ta’ karattru ieħor.  Il-ħsieb tagħna fissirnieh aktar ċar fl-introduzzjoni għal dan il-proġett, li wieħed jista’ jsibha HAWN. Dan l-artiklu fuq Il-Belliegħa hu t-tmien wieħed fis-sensiela, imma hemm artikli oħra li tajjeb li taqrawhom ukoll.   L-artikli li xandarna s’issa tistgħu ssibuhom HAWN

IL-BELLIEGĦA .

Wara li fasslu l-pjanta u qiegħdu l-ewwel ġebla tagħha fl-1567, il-Belt Valletta bdiet tinbena bil-ħeffa, u l-bini fiha żdied u nfirex.  F’kemm ili ngħidlek, il-belt il-ġdida żegħdet bil-palazzi, bereġ, mħażen, djar, u ħwienet, u ma kien jonqosha xejn…  Imma le.  Stenna minuta.  Kien jonqasha xi ħaġa: kien jonqosha l-ilma.  F’din il-belt il-ġdida, ma kienx hemm għejun tal-ilma, la ilma ġieri u lanqas ilma tal-pjan.  B’xorti tajba, anke dak iż-żmien kellna awtorita tal-ippjanar.  Kien jisimha Officio delle Case u l-permess biex tibni  ma kienx joħroġlok jekk ma tintrabatx li int u tibni, tħaffer bir, ġiebja, jew ġibjun, u ssewwaq l-ilma tax-xita minn fuq il-bejt ta’ darek fejn jaqa’ meta tinżel ix-xita fix-xitwa, għal ġol-bir jew ġiebja li tkun ħaffirt taħt id-dar[1].  Il-kelma cisterna m’għandhiex titħalla tidħol f’ilsienna sempliċement biex taqla’ kelma oħra aħjar minnha.  Dak li jissejjaħ cistern bl-Ingliż, u cisterna bit-Taljan, bil-Malti jiġi ġibjun.  Fil-Belt Valletta l-Kavallieri ħaffru u bnew ħafna ġibjuni għall-ħażna tal-ilma.

M’għandniex xi ngħidu, ma kienx hemm għalfejn jiġu l-Kavallieri biex il-Maltin ikunu jafu li hekk kien hemm bżonn li jsir – jiġifieri li jrid ikollok bir id-dar.  X’aktarx li Malta u Għawdex ma kenux jiġu mgħammra bin-nies daqshekk bikri fl-istorja tagħhom, kieku min ġie hawn ma kellux is-sens li jaħżen l-ilma tax-xita  fix-xitwa x’imkien fejn jista’ jsibu u jużah fix-xhur twal tas-sajf li jkunu dejjem xotti u bla xita.  Dari, mhux fil-Belt Valletta biss, imma f’kull raħal u belt, il-bir kien parti integrali mid-dar.  Mhux biss fid-djar, imma mqar fl-irziezet u fir-raba’, il-bjar kienu ma kullimkien, u kienu postijiet qaddisa għax fuqhom kienet tiddependi l-ħajja.  Minbarra l-bjar, fid-dar, iktar iva milli le, jiġru mas-saqajn kien ikun hemm ukoll ħafna tfal.  It-tfal kurjużi u fitti, u jkunu jridu jittawlu fil-bir kull darba li l-omm tmur biex ittella’ l-ilma. Biex tbeżżagħhom mill-bir, l-omm kienet twissihom li fil-bir hemm il-Belliegħa, li kienet tiġbidhom u tiblagħhom jekk jixirfu rashom mix-xifer tal-ħerża tal-bir.  Dari, fil-bir in-nies kienu spiss jitfgħu xi sallura jew tnejn, biex dawn jieklu d-dud u fl-istess ħin isaffu l-ilma.  Jekk ifettilek tħares ‘l isfel lejn l-ilma tal-bir, mhux ħaġa kbira biex tara l-ilma jitħarrek.  Dik kienet prova ċara li ġol-bir hemm il-belliegħa.

Il-belliegħa kienet tkun mhux biss fil-bjar, imma wkoll f’xi għar ikrah u mudlam mimli bl-ilma tax-xita: ngħidu aħna bħal m’hemm fit-tarf tar-Rabat t’Għawdex, f’dik ix-xaqliba ta’ art biswit il-kunvent tal-Patrijiet Kapuċċini.  Il-kunvent, bil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja, qiegħed fuq ir-riħ ta’ tliet widien. Faċċata tal-kunvent hemm għar, u l-post hu magħruf bħala l-Belliegħa.  Hemm leġġenda li tgħid li darba, seba’ xebbiet daħlu fl-Għar tal-Belliegħa.  Daħlet l-ewwel waħda u ma reġgħetx ħarget.  Oħtha daħlet tfittixha u ma ħarġix lanqas. U baqgħu deħlin waħda wara l-oħra; waħda tfittex lill-oħra  L-ebda waħda minnhom ma reġgħet ħarġet – kollha nbelgħu mill-belliegħa.[2]  L-Għar tal-Belliegħa għandu, bir-raġun kollu, jibqa’ jissejjaħ L-Għar tal-Belliegħa.  M’hemm xejn ħażin b’daqshekk.  Imma aħna nħossu li dik li serqet lis-sebgħat aħwa bniet ma kinitx il-Belliegħa, kif se naraw meta naslu għan-Nanna Għula.

Hawnhekk naslu għal dan il-punt: Il-belliegħa ġie li ssemmiet ukoll f’xi għar mal-baħar, l-aktar meta l-għar ikun imiss mal-ilma baħar imma jibqa’ dieħel ‘il ġewwa fil-ġewwieni tal-art.  F’postijet bħal dawn, bil-baħar dieħel u ħiereġ, jofrogħ u jimla, idur u jobrom,  l-ilma wkoll jista’ jibla’ lin-nies.  Imma mal-baħar iktar hemm ċans li ssib il-MILGĦUBA .[3]  Wieħed jista’ jqis il-Milgħuba bħala karattru ieħor, imma jien aktar inħoss li l-kelma għandha tibqa’ tinftiehem u marbuta biss mal-fenominu naturali ta’ meta l-baħar jofrogħ u jimla f’daqqa. F’Għawdex jgħidu li għandhom ukoll l-IMĦALLA tal-BIR li, skont Anton F. Attard, hi serp twil.[4]  L-Għawdxin jistgħu ipenġu karattru ieħor għalihom, jekk jidhrilhom hekk, imma aħna naħsbu li l-Imħalla tal-bir hi isem ieħor għall-Belliegħa.  Biex tgħaxxaqha “l-Imħalla” hu wkoll il-laqam tas-saħħara Maltija u Għawdxija, li isimha proprja hu Żulejma – kif rajna f’kitba oħra qabel din.  Biex nimxu ‘l quddiem, hemm bżonn li niddistingwu sewwa bejn il-karattri u ma ndaħħlux ċerti dettalji f’iktar minn karattru wieħed; dettalji li jservu biss biex ifixklu karattru ma’ ieħor.

Fil-fehma tagħna, biex issib lill-Belliegħa, l-aħjar li tfittixha fil-bjar.  U kif tkun sewwa sew meta taraha?  Ħafna jxebbħuha ma’ serp twil, imma din x’aktarx li tkun biss is-sallura ta’ ġol-bir.    Ġie li intqal u inkiteb li meta tibilgħek, il-Belliegħa taħtfek bis-swaba’ ta’ saqajha, għax “il-Belliegħa għandha sieq b’ħafna swaba’, mhux bħal tagħna”.[5]   Min jaf jekk hux veru?  Stephan D. Mifsud jgħid li l-Belliegħa taħtfek ukoll b’ilsienha, li hu twil u tista’ tisparah bħal ma jagħmel il-kamaleonte.[6]  Jista’ jkun, mela le, jista’ jkun.

Aħna nħossu, bis-saħħa, li għandna nissimplifikaw it-taħwid li hawn f’dawn il-karattri.  Inħossu li l-Belliegħa għandha tkun biss fil-bir.  Żgur li trid tkun tgħix fl-ilma, u ilma fond.  Naħsbu li jkun ta’ xejn li nifirdu bejn il-Belliegħa u l-Imħalla tal-Bir – imma għandna nħallu t-tnejn li huma f’karattru wieħed.  Jekk minflok bir, il-ħrafa ssemmi xi għar, speċjalment għar li tista’ tidħol bil-mixi fih, jekk jidħlu fih xi żgħażagħ nofs ras u jgħibu minn wiċċ id-dinja u ma jinstabux, ma tkunx il-belliegħa li belgħetu – imma karattru ieħor li se nsemmu aktar ‘il quddiem.  Jekk l-għar ikun mal-baħar, u jkun fond u mudlam, u l-mewġ, meta jkun qawwi, jagħmel ħoss kbir u tal-biża’ meta jidħol bir-ras ġo fih, għar bħal dak ġieli ssejjaħ Dragunara, u jekk ikun taħt l-ilma iktar hemm ċans li jaħtfek is-Serp tas-Seba’ Rjus jekk ifettillek tidħol fih.  Il-Milgħuba hi kelma li għandha tibqa’ marbuta ma’ dak il-fenominu naturali ta’ meta l-baħar jofrogħ u jimla f’daqqa, u jekk ma toqgħodx attent jaħfnek u jieħdok miegħu.  Jiġifieri l-Milgħuba mhix il-Belliegħa.  Nieħdu gost ninnutaw li l-Ingliż m’għandux kelma tajba daqs tagħna għal dal-fenominu li aħna nafuh bħala l-Milgħuba!  L-eqreb li hemm hi l-kelma Meteotsunami, kelma li vvintawha lbieraħ u mhix qadima daqs tagħna.

Hi kif inhi, għalkemm nifhmu li mhux kulħadd bilfors jaqbel magħna, aħna naħsbu li l-Belliegħa għandna npenġuha xi ħaġa hekk:

Il-Belliegħa: Xogħol tal-artist grafiku Eric Leon

Pittura ta’ Joseph Bugeja: L-Imħalla tal-Bir, li dehret fil-wirja Hotel Babaw li ttellgħet fil-Belt Valletta fl-2016.

Il-Belliegħa: Pittura oħra ta’ Joseph Bugeja

Il-Belliegħa – Interpretazzjoni ta’ John Spiteri Gingell

Nittamaw li aħna l-Maltin nibqgħu niftakru li l-bir Malti jkun imħaffer fil-blat, mhux mibni bil-brikks, il-ħerża tkun magħmula minn ġebla waħda, u l-plieri jkunu tal-ġebel.  Ġie li rajna xi plieri tal-injam, imma dan biss meta l-użu tal-bir beda jinqata’, u l-bir ikun x’aktarx finta – biex iżejjen xi bitħa jew ġnien.  Bħal ħafna affarijiet oħra, din l-għamla ta’ bir għebet minn quddiem għajnejna, imma m’hemm l-ebda raġuni għala għandha tgħib mill-memorja kollettiva tagħna.  M’hemm l-ebda raġuni għala wliedna, meta jpenġu bir, ipenġuh bħall-bir ta’ Jack and Jill.  Tagħna mhux hekk kien.

Ħerża (jew ħorża) ta’ bir Malti, magħmula minn ġebla waħda.  M’hemmx għalfejn tkun tonda; iktar kienet tkun rettangolari.  Mill-internet – Maltapark

Bir Malti ta’ veru

(C) Ġużi Gatt

REFERENZI

[1] Bonello, Giovanni, Histories of Malta, Convictions and Conjectures, Vol. 4, Malta 2003, 44

[2] Pisani, George, GħawdexJjoħlom bil-Leġġendi, Malta 1980,  40-41

[3] Attard, Anton F., Mid-Dinja tals-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002, 7

[4] Ibid, 9

[5] Zarb, Tarcisio, Folklore of An Island, Malta 1998,  112-113

[6] Mifsud, Stephan D., The Maltese Bestiary, Malta 2014, 50-52