Wara li tajna titwila l-ewwel lejn l-parti l-kbira tax-xatt ta’ Malta, xieraq li nkomplu niflu x-xatt t’Għawdex. Se nkunu qed nitħaddtu dwar id-Dwejra.

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 8(2006) Nru. 30. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Din il-biċċa mill-kosta Għawdxija ssaħħar kemm lill-Maltin kif ukoll lit-turisti, u tabilħaqq ġiet ukoll proposta uffiċċjalment bħala wirt dinji (teknikament imsejħa “Candidate UNESCO World Heritage Site”) minħabba s-sbuħija naturali u l-importanza ġeoloġika u ambjentali tagħha. F’dan l-artiklu se nitfgħu ħarsitna lejn xtut mill-isbaħ minfudin minn għerien kbar, lejn sisien għoljin li jdawruhom kemm mit-tramuntana kif ukoll min-nofsinhar, lejn il-widien fondi li jferrgħu għal ġo l-inħawi, u lejn forom ta’ l-art tassew partikolari. Bħalma se naraw, Id-Dwejra hija wkoll waħda mill-ogħna rkejjen fejn tidħol it-toponomastika. Ma jonqsux lanqas xi kelmtejn antiki li tista’ tgħid għadhom ħajjin biss fl-ismijiet qodma tal-post, u hemm saħansitra xi żewġ leġġendi ċkejknin ukoll.

It-Tieqa u ż-Żirka

It-Tieqa tad-Dwejra qabel ma ġġarfet bil-maltemp.

Tista’ tgħid li kull min iżur id-Dwejra jibda l-mawra tiegħu mill-parkeġġ tal-karozzi li hemm taħt il-kappella pjuttost ġdida ta’ Sant’Anna. Minn hawn minnufih tintlemaħ waħda mill-aktar veduti famużi t’Għawdex: It-Tieqa, imsejħa wkoll It-Tieqa tad-Dwejra biex tingħaraf minn oħra bħalha (It-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ) li tinsab fil-limiti ta’ l-Għarb. Dawn iż-żewġ “twieqi” (għoljin xi tmien sulari l-waħda) huma l-akbar arkati naturali f’Għawdex, u fil-bqija tal-Gżejjer Maltin tiżboqhom biss Il-Ħnejja li hemm ħdejn Wied iż-Żurrieq. Mhux ta’ b’xejn li r-ritratti sbieħ tat-Tieqa tad-Dwejra spiss narawhom għall-bejgħ bħala kartolini, għalkemm ta’ min igħid ukoll li t-Tieqa l-oħra ta’ Wied il-Mielaħ illum isservi bħala bokka tad-dranaġġ, frott ta’ proġett tas-sittinijiet li rnexxielu jħassar wieħed mill-isbaħ pajsaġġi ta’ pajjiżna! Jekk tqabbel ir-ritratti li ttieħdu matul l-aħħar tletin sena tintebaħ li fis-snin sebgħin It-Tieqa tad-Dwejra tidher soda u tixbaħ lil bieb bil-blata ċatta, filwaqt li wara t-tmeninijiet ħadet għamla ta’ ħnejja bis-saqaf għat-tond u bi ġnub irqaq. Dan minħabba li t-Tieqa tad-Dwejra qed tiġġarraf biċċa biċċa. Tassew ħasra, iżda huwa fatt magħruf li dawn l-iskulturi naturali għandhom għomor li xi darba jintemm ukoll, peress li l-mekkaniżmu naturali li joħloqhom fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa biex jeqridhom hu stess. It-Tieqa rat il-bidu tagħha meta l-qilla tal-baħar miftuħ bdiet tgħawwar għar kbir ġol-blat żonqri, u billi sabet ras irqiqa (L-Ixprun, spiss indikat ħażin fil-mapep bħala “Dwejra Point”) nifdet minn naħa għall-oħra. Il-mewġ kompla jiekol il-blat u b’hekk it-toqba li ffurmat baqgħet dejjem tikber sa ma saret kif nafuha llum. Iżda mbagħad maż-żmien is-saqaf beda jċedi wkoll, megħjun mhux ftit mill-mewġ qawwi tal-majjistral li hawnhekk jaf ikun tal-waħx. Xi ritratti juru l-Ixprun nofsu mgħaddas taħt mewġ m’ogħla tliet sulari li jsawtu minn kull naħa…x’ma titheżżiżx it-Tieqa! Aktarx li meta s-saqaf tat-Tieqa jaqa’ għal kollox, it-tarf ta’ l-Ixprun jisfa’ maqtugħ bħala skoll irqiq u għoli mifrud mill-art.

 

Il-Ħofra tal-Bidwin biswit iż-Żirka

Ma jistax jonqos li t-Tieqa tislef ukoll isimha lill-inħawi ta’ madwarha. Fuq il-blat għoli ta’ warajha (Fuq it-Tieqa) tikber is-sempreviva (Helichrysum melitense), xitla salvaġġa li tinsab biss fil-punent t’ Għawdex madwar id-Dwejra. Hawn ukoll jidhru xi kalati (cart ruts) antiki, kif ukoll Il-Borġ tas-Salvatur li huwa l-fdal ta’ kappella medjevali li ilha sekli sħaħ imġarrfa. Ilum, għajr xi ħaġar kbir fil-post, għad baqa’ biss l-isem, filwaqt li l-inkwatru titulari tal-kappella jingħad li qiegħed fil-knisja ta’ l-Għarb. Minn Fuq it-Tieqa hemm veduta li ssaħħrek iżda li ma tgħoddx għal min jibża’ mill-għoli, għax din l-art għolja b’sisien weqfin fuq iż-żewġ ġnub qisha xoffa dejqa li tifred il-ħofra fonda ta’ Il-Qawra mill-baħar miftuħ lejn il-majjistral. Aktar ma nitbiegħdu mit-Tieqa, aktar ikomplu jogħlew is-sisien, u l-inħawi jibdlu isimhom għal Fuq il-Qawra. Minn hawn ‘il quddiem inkunu ħriġna ‘l barra mid-Dwejra u qrobna lejn Ta’ Slima; din il-parti tal-kosta narawha aktar ‘il quddiem u għaldaqstant nerġgħu mmorru lejn It-Tieqa.

 

Insibu wkoll Taħt it-Tieqa, fejn il-blat għoli jinżel ħesrem għal fuq daħla żgħira ta’ baħar fl-irdoss tat-Tieqa. Mhix xi daħla kennija wisq, iżda jidher li l-għamla tagħha kienet biżżejjed biex iddubbatilha laqamha: Il-Għejbija. Din il-kelma qatt ma nzertajtha band’oħra, iżda aktarx tfisser post fejn xi ħaġa miexja (ngħidu aħna, dgħajsa) qisha tinħeba wara ħarrieġa blat u għaldaqstant ma tibqax tidher minn kullimkien. Is-sajjied xiħ li semmihieli fl-1999 kien qed iħoss l-ittra “għ” (il-›ejbija), kif dari kienu jitkellmu fid-djalett ta’ l-Għarb. Din kienet l-unika darba li smajt dan id-djalett, filwaqt li fi tfulitu missieri (li huwa mill-Għarb) jiftakar in-nies tar-raħal iħossuha sew l-“għ”: Il-›arb, l-im›ażqa, eċċ. Il-ġenb l-ieħor tad-daħla, sewwasew faċċata t-Tieqa, huwa magħmul minn għonq irqiq ta’ blat baxx mal-baħar (Ix-Xriek). Dan jinżel għal xejn għal xejn sa ma jgħib taħt wiċċ il-baħar, mnejn imbagħad titfaċċa sikka twila (L-Iskuljetti) li tibqa’ ħierġa ‘l barra lejn il-punent bi dritt l-Ixprun. Biswit is-sikka, il-baħar jiffonda f’daqqa billi l-ġenb tas-sikka mhux għajr sies taħt wiċċ l-ilma, u l-baħar baxx u jlaħħaq ta’ fuq is-sikka huwa l-quċċata tiegħu.

 

Imkennija wara x-Xriek u l-Iskuljetti hemm bħal għadira ta’ baħar tassew baxx, magħrufa bħala Iż-Żirka. Skond id-dizzjunarju, it-tifsira ta’ dil-kelma għandha x’taqsam mas-seduzzjoni, iżda hawnhekk forsi tidher imġebbda wisq. Fil-fatt, l-aktar spjegazzjoni loġika li sibt hija li l-isem tal-post huwa forma djalettali ta’ “żerqa”, aktarx minħabba l-lewn ċar tal-baħar, u fid-dizzjunarju t’Aquilina l-isem tarah miktub bħala “Iż-Żerqa”. Jekk dan huwa tabilħaqq korrett, allura ta’ min ifakkar li f’Għawdex il-pronunċja ta’ l-ittra “q” bħala “ka” l-aktar li tiltaqa’ magħha huwa fix-Xewkija u fix-xlokk tar-Rabat madwar Għajn Qatet (jiġifieri ferm ‘il bogħod mid-Dwejra). Għaldaqstant f’dan it-toponimu hija ħaġa pjuttost kurjuża. L-“għ” li tinħass (›) fl-Għarb, l-“h” li tinħass (N) fir-raħal tal-Mellieħa f’Malta, u l-“q” li tinħass bħala “k” (o) fix-Xewkija jingħad li huma lkoll fdal ta’ l-istess ilsien Malti kif kien mitkellem fl-imgħoddi meta kien jixbaħ aktar lill-Għarbi. U allura, l-isem “Iż-Żirka” aktarx ilu jintuża minn qabel ma l-“ka” sparixxiet mill-Għarb u l-inħawi tiegħu. Hemm ukoll Il-Wied taż-Żirka, li jidher bħala wied żgħir li jinżel mill-parkeġġ tal-karozzi saż-Żirka nnifisha; il-ġnub tiegħu maqtugħin minn taħt u l-kwantità ta’ tirxien kbar li għoddhom isodduh jindikaw li sata’ fforma bħala għar kbir fil-baħar li mbagħad sfrondalu s-saqaf. Jidher li t-titlu kummerċjali “Azure Window”, isem ivvintat li llum naraw fil-fuljetti turistiċi u fit-tabelli tat-toroq minflok l-isem propju “It-Tieqa”, beda bħala traduzzjoni ta’ l-isem “Iż-Żirka”.

 

Fiż-Żirka, sewwasew biswit ix-Xriek, hemm ukoll toqba fonda (Il-Ħofra tal-Bidwin), li hija fost l-aktar imkejjen imfittxija mill-bugħaddasa. Tinfed ‘il barra lejn Il-Għejbija minn ġo ħnejja oħra mdaqqsa taħt il-baħar, tant li x-Xriek mhux għajr is-saqaf tal-ħnejja, filwaqt li fuq in-naħa ta’ ġewwa tagħha għandha għar kemmxejn kbir u wiesa’ li wkoll jinsab mgħaddas għal kollox. Fi tfuliti niftakar lil nannti tirrakkontali l-leġġenda ta’ tliet bdiewa (jew “bidwin”) li, wieħed wara l-ieħor, ittantaw jgħodsu bin-nifs għal ġol-ħofra u qatt ma dehru aktar; l-isem donnu tnissel minn dil-ġrajja. Minħabba nuqqas ta’ għarfien u apprezzament tal-kultura lokali, l-isem propju tal-post bil-mod il-mod qed jintesa u minfloku qed jidħol dejjem aktar l-isem artifiċjali “Blue Hole”— ħlieqa ta’ żminijiet reċenti li suppost tagħti togħma eżotika lill-fuljetti turistiċi. Ħasra!

 

Il-Qawra

Il-Qawra

Fil-viċin, iżda max-xaqliba l-ġewwenija tal-parkeġġ, trejqa dejqa tniżżlek ‘l isfel lejn Il-Qawra, ħofra kbira u tonda mdawra b’sisien għoljin li mad-daqqa t’għajn tixbaħ lil xi kratèr. Fil-fatt, dan l-iskerz tan-natura tħaffer mill-ilma ħelu bħala għar daqsiex taħt l-art li mbagħad sfrundalu s-saqaf; għalhekk għandu għamla qisha borma kbira. Huwa, tista’ tgħid, l-istess proċess bħal dak li naqax Il-Maqluba (qrib il-Qrendi f’Malta), iżda fil-Qawra il-ħofra hija saħansitra akbar, wisq eqdem, u qrib il-baħar. Maż-żmien, il-mewġ nifed minn ġos-sies li jkenninha mill-baħar miftuħ u għarraq l-aktar parti baxxa tagħha biex ifforma għadira ta’ baħar kemmxejn baxx (reklamat għat-turisti bħala “inland sea”). Din l-għadira hija magħquda mal-kumplament tal-Mediterran permezz ta’ mina naturali li tissejjaħ L-Għar tal-Qawra, L-Għar tad-Dwejra, jew It-Toqba tal-Qawra. Dan l-iżbokk huwa kbir biżżejjed biex minnu jgħaddu dgħajjes żgħar, li jużaw Il-Qawra bħala kenn naturali. Anke meta x-xtut mikxufa tad-Dwejra jkunu milqutin mill-mewġ, fil-Qawra jkun hemm bnazzi żejt. Il-maltemp jaħkimha biss f’xi majjistralata tajba, meta l-ħalel jiġu eżatt faċċata ta’ L-Għar tal-Qawra u għaldaqstant jibqgħu deħlin dritt għal ġo fiha. Kultant, dan ġieli jwassal biex jogħla mhux ftit il-livell ta’ l-ilma, li jinqabad ġewwa għax ma jkunx jista’ joħroġ kontra l-mewġ dejjem ġej. Il-kmamar qodma tas-sajjieda li hemm max-xatt ċagħqi tal-Qawra mhix l-ewwel darba li sfaw nofshom mgħarrqin taħt l-ilma. Fl-aħħar tletin sena, mal-ftit kmamar qodma mibnijin bl-istess ġebla tal-post u fi stil tradizzjonali, żdied ħafna bini ikrah u partijiet miċ-ċagħqija nksew bil-konkos, u b’hekk bdiet titnaqqar is-sbuħija unika tal-lokal. Ftit passi ‘l bogħod mill-għar li semmejna, ġo l-istess għadira tal-Qawra, hemm għar ieħor ċkejken (L-Għar tan-Nisa) li ma jinfidx mal-baħar miftuħ; ġieli jkun mimli b’gambli rqaq li malajr tinduna bihom għax tgħidx kemm joqorsu!

 

Ix-xtut tal-punent

Il-Qala tad-Dwejra

Jekk terġa’ lura lejn iż-Żirka, iżda did-darba tkompli miexi max-xatt lejn in-nofsinhar, tiltaqa’ ma’ medda mdaqqsa ta’ salini tal-melħ, magħrufa bħala Il-Mellieħa jew Ta’ Ġanan. Ftit ‘il bogħod hemm ukoll xi barrieri baxxi, illum mitluqa, mnejn tqatta’ l-blat samm biex inbnew il-kmamar qodma tad-dgħajjes fid-Dwejra stess (fil-Qawra u fil-Port). Il-ġebel tagħhom jintgħaraf mill-ewwel mid-dehra ramlija tiegħu u mill-fossili kbar ta’ rizzi ċatti (Scutella subrotunda) li jżewquh.

 

Fit-tarf tal-Mellieħa hemm Il-Blajta (ponta maħruġa ‘l barra li tħares lejn l-Iskuljetti) u qribha jinsabu Il-Ħarxa (blata ċatta qisha mejda), Il-Ħalq tal-Blajta (xaqq żgħir fil-blat mal-baħar) u Maqgħad Raġel (xkaffa ċatta ma’ xifer il-baħar). Ix-xatt ta’ madwar il-Blajta huwa mfittex ferm mis-sajjieda tal-qasba. Moħbi f’rokna ftit aktar ‘l hinn, hemm L-Għar ta’ Ġanan jew L-Għar ta’ Maqgħad Raġel, fejn ir-raxx tal-baħar jogħla minn ġo toqba fis-saqaf meta jkun il-maltemp. U mbagħad imiss ħarrieġa oħra żgħira (Is-Sider) u, ftit ‘il bogħod minnha, Il-Kamra tal-Melħ (kmajra qadima marbuta ma’ l-użu tal-mellieħa li semmejna, li wkoll jidher li nbniet mill-istess ġebel tad-Dwejra).

 

Bi dritt L-Għar ta’ Ġanan u Is-Sider, jinsab skoll imdaqqas, għoli madwar sular minn wiċċ il-baħar. Għandu l-ġnub weqfin u maqtugħin minn taħt, hekk li l-parti l-għolja tisporġi ‘l barra. Isibuh bħala Il-Ġebla tal-Melħ, inkella Il-Blata tal-Melħ, L-Iskoll tal-Melħ jew Il-Mejda. Minħabba li jintlaħaq sew mir-raxx tal-baħar, il-quċċata ċatta tiegħu għandha blat mill-eħrex, miżgħud b’ħofor żgħar (bejn ponot jaqtgħu qishom skieken) fejn jinġabar il-melħ wara li jinxfu l-agħdajjar ta’ ilma baħar li jsibu ruħhom hemm fuq. M’hemmx dubju li dan wassal għall-ewwel tliet ismijiet, filwaqt li l-isem “Il-Mejda” huwa dovut għall-għamla ta’ l-iskoll. Il-fliegu dejjaq li jifirdu mix-xatt huwa l-fdal ta’ ħnejja naturali (bħat-Tieqa, imma iżgħar) li qabel ma ċediet kienet tgħaqqdu mas-Sider. Ftit metri ‘l bogħod hemm skoll ieħor iċken u baxx mal-baħar; huwa t-tarf spuntat ta’ sikka bi dritt Il-Kamra tal-Melħ u wkoll għandu aktar minn laqam wieħed: Il-Ġebla ż-Żgħira, L-Iskoll iż-Żgħir jew Is-Siġġu. Jidher li l-aħħar isem ħadu mill-pożizzjoni tiegħu, prattikament taħt l-iskoll ta’ maġenbu, u żgur mhux għax il-blat salvaġġ tiegħu tajjeb biex tpoġġi fuqu!

It-Torri tad-Dwejra

Minn hawn ‘il quddiem, ix-xatt jieħu bixra ta’ żurżieqa li mill-baħar togħla lejn Iċ-Ċnus, fejn jispikka It-Torri tad-Dwejra (jew sempliċement It-Torri). Dan kien inbena mill-Università fis-Seklu XVII, matul il-ħakma tal-Gran Mastru Lascaris, sabiex titjieb l-għassa kontra l-furbani. Matul din il-parti tal-plajja niltaqgħu ma’ għadd ta’ posti tas-sajjieda: L-Għawejna, Il-Barriera, Il-Ħalq, Il-Ħofra, Ta’ l-Ilsna u L-Irdum. Il-kelma “għawejna” hija d-diminuttiv ta’ “għajn”, u tabilħaqq hawn naraw il-blat sewdieni bil-ħażiż u dejjem imxarrab matul ix-xitwa bħal donnu hemm xi nixxiegħa żgħira. Il-posta l-oħra Ta’ l-Ilsna ħadet isimha mis-snien ta’ klieb il-baħar li jinsabu bħala fossili ġol-blat u li n-nies issejħilhom “ilsna ta’ San Pawl”. Jekk inħarsu madwarna, naraw li l-plajja nnifisha ssegwi nofs ċirku li jibda mis-sikka tal-Ġebla ż-Żgħira (lejn it-tramuntana) u jintemm f’ponta tawwalija u dejqa lejn in-nofsinhar. Ir-Ras tad-Dwejra (jew Ir-Ras) hija din, u mhux it-tarf tat-Tieqa kif juru xi mapep; l-idjaq parti tagħha tissejjaħ Id-Dejjaq tar-Ras. Warajha tispikka Il-Ġebla tal-Ġeneral.

 

Hemm ukoll L-Iskoll tad-Dwejra, imsejjaħ ukoll L-Iskoll il-Kbir, Il-Baqra, L-Iskoll, jew (isem aktarx reċenti) Il-Kukkudrill. Din il-blata baxxa hija maqtugħa ‘l barra ħafna mix-xatt u l-baħar miftuħ għal kollox madwarha huwa popolari fost il-bugħaddasa, għalkemm tista’ tgħid jintlaħaq biss b’dgħajsa. Il-fetħa wiesgħa fil-baħar bejn l-Iskoll tad-Dwejra u l-Ġebla ż-Żgħira ukoll għandha isimha: Bejn il-Ġebliet. Jekk tħares mill-għoli, tintebaħ li l-Iskoll tad-Dwejra u l-Ġebla ż-Żgħira fil-fatt kienu jkomplu mal-plajja mdawra ta’ taħt it-Torri u li flimkien kienu jiffurmaw ix-xifer ta’ ċirku kbir bil-qiegħ tiegħu mgħaddas taħt l-ilma. Iċ-ċirku m’hu xejn inqas minn ħofra oħra kbira li tixbaħ lill-Qawra kemm fit-tiswir tagħha kif ukoll fid-daqs, ħlief li tinsab taħt il-livell tal-baħar bejn l-Iskoll tad-Dwejra u l-art. Il-baħar ta’ ġo fih jissejjaħ Il-Qasir, għax il-qiegħ huwa inqas fond mill-ibħra ta’ madwar, iżda xorta waħda bilkemm temmen li dan ix-xatt maħkum mill-mewġ kien is-saqaf sfrundat ta’ għar li naqqxu l-ilma ġieri!

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri