Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 8(2006) Nru. 30. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Il-Port u l-Ġebla tal-Ġeneral

Malli taqbeż ir-Ras tad-Dwejra, titfaċċa waħda mill-isbaħ irkejjen tal-gżira Għawdxija: Il-Port, jew kif ġieli jissemma f’xi kitbiet qodma, Il-Qala tad-Dwejra. Din id-daħla kbira u tonda bi ġnub tabilħaqq għoljin ukoll għandha għamla ta’ borma fonda, u bħalma tista’ tobsor, l-istorja ġeoloġika tagħha tixbaħ ħafna lil tal-Qawra u ‘l tal-Qasir. Bħala xenarju, hija saħansitra l-isbaħ minnhom ilkoll, kemm minħabba li s-sisien jidhru ogħla mad-dawra kollha kif ukoll għax l-ambjent bilkemm huwa mittiefes mill-id qerrieda tal-bniedem. Hawnhekk ma tarax karozzi, u ssaltan il-ħemda. L-istess bħall-Qawra u l-Qasir, il-ħofra li dari kienet taħt l-art inzertat qrib il-baħar u maż-żmien il-baħar faqagħlha l-ġenb (f’dal-każ minn żewġ bnadi man-naħa tal-punent), u mlieha bl-ilma. Il-fetħiet kbar li minnhom nifed il-mewġ imbagħad waqagħlhom is-saqaf (l-istess bħalma qed jiġri lit-Tieqa bħalissa) u l-blat għoli li kien hemm bejniethom tħalla waħdu fin-nofs bħala skoll m’ogħla sittax-il sular, imdawwar bil-baħar. Dan nafuh bħala Il-Ġebla tal-Ġeneral, isem li f’xi kitbiet jidher mibdul f’Ħaġret il-Ġeneral jew Ras il-Ġeneral. Jista’ jkun li l-isem “Ras il-Ġeneral” fil-fatt jirreferi għall-quċċata ta’ l-iskoll jew inkella għal xi waħda mit-tliet ponot li dan l-iskoll jagħti għal fuq il-baħar, aktar milli għall-iskoll sħiħ.

Vista tal-Ġebla tal-Ġeneral mill-għar magħruf bħala Tal-Għassa

Il-Ġebla tal-Ġeneral hija aktarx l-aktar parti famuża tad-Dwejra, tant li narawha tissemma f’ħafna kitbiet li uħud minnhom jeħduna lura lejn Żmien il-Kavallieri. L-istorja tal-Ġebla tal-Ġeneral hija marbuta ma’ xitla rari, l-għerq sinjur jew għerq il-ġeneral (Cynomorium coccineum), li tikber fuqha. Skond id-drawwiet ta’ dawk iż-żmenijiet, dan l-“għerq” kienu jaħsbu li kellu valur mediċinali kważi maġiku, u kien preġjat l-aktar bħala duwa għal kull xorta ta’ mard li kellu x’jaqsam mad-demm jew mal-fertilità. Illum nafu li dawn l-ideat ftit li xejn għandhom valur xjentifiku, u jekk toqgħod tqis, mhumiex għajr superstizzjonijiet ibbażati fuq tixbiħ imġebbed. Ngħidu aħna, ġaladarba joħroġ sugu ħamrani meta tagħsar ix-xitla, allura jfejjaq id-demm……u l-immaġinazzjoni dwar il-forma tawwalija tax-xitla ma naqsitx lanqas! Imma dak iż-żmien, l-awtoritajiet tant kienu jqisuh bħala ħaġa ta’ valur li l-post kien mgħasses sew u min kien jinqabad jaqta’ minnu jew jixxabbat mal-Ġebla tal-Ġeneral kien jissogra piena ta’ qdif forzat fuq ix-xwieni ta’ l-Ordni. Aktarx li l-isem tal-post ifakkar ir-rabta mal-ġeneral tax-xwieni, u did-darba anke l-ismijiet li jidhru f’kitbiet barranin (“Fungus Rock”, “Scoglio del Fungo”, eċċ) għandhom xi bażi storika għax tnisslu mit-twemmin żbaljat li din ix-xitla stramba hija tip ta’ faqqiegħ. U, bħas-soltu, fil-mapep u t-tabelli Maltin aktar naraw l-isem barrani minn dak bil-Malti! Dettall ieħor interessanti marbut ma’ l-istess ġrajja, li tant kien jolqot lill-pitturi ta’ l-imgħoddi, kien pont tal-ħabel li dari kien jgħaqqad it-tarf tat-tramuntana ta’ l-iskoll mar-Ras tad-Dwejra. Il-pont ilu li spiċċa, iżda kemm fuq Ir-Ras kif ukoll fuq il-blat għoli tal-Ġebla tal-Ġeneral għadhom jidhru l-ħofor maqtugħin fil-blat fejn kien imqabbad il-pont. Fil-għoli, fuq ix-xaqliba l-ġewwenija tal-Ġebla tal-Ġeneral għad hemm ukoll taraġ u għar żgħir li kien inqata’ fil-blat bħala kamra għall-kenn mill-maltemp. Pariġġhom hemm għar ieħor ftit ‘il bogħod mid-Dejjaq tar-Ras, li jgħidulu Ta’ l-Għassa.

Ras Id-Dwejra bit-torri tad-Dwejra fl-isfond

Mal-ġenb tar-Ras tad-Dwejra hemm Il-Misjad, mejda ta’ blat ċatt li tagħti għal fuq il-Port. Din il-kelma, li fid-dizzjunarju t’Aquilina tidher bħala “masjad” hi n-nom mimmat li jfisser “post mnejn tistad”. Aktar ‘il ġewwa, fl-aktar rokna kennija tal-Port, hemm skal għad-dgħajjes b’għadd żgħir ta’ kmamar qodma maqtugħin fil-blat biswitu; dawn jintlaħqu minn taraġ li jinżel mas-sies minn ħdejn it-torri. Il-ġebel imdaqqas ta’ l-ilqugħ li jkennen l-iskal mill-punent u l-lbiċ jidher li nqata’ mid-Dwejra stess. Jekk inkomplu nduru mal-Port, naslu ħdejn iż-żewġ bokok ta’ Għar il-Bumarini, għar kbir fil-baħar illi kieku kellna narawh fuq pjanta, qisu l-ittra “H”. Dan l-għar joqtor l-ilma ħelu mis-saqaf tiegħu u jidher li huwa magħmul minn żewġ għerien tal-baħar minfudin minn għar dejjaq li tħaffer mill-ilma ġieri u li ġie qisu traversa bejniethom. L-isem ta’ l-għar huwa kurjuż għax juri li hawn fl-imgħoddi kien igħix il-bumarin jew monka. Dan l-annimal rari li bl-Ingliż isibuh bħala “Mediterranean monk seal” u bit-Taljan bħala “bue marino” jew “foca monaca” (mnejn ħa ż-żewġ ismijiet bil-Malti) illum tista’ tgħid li minn pajjiżna nqered għal kollox. L-isem ta’ dan l-għar naraw oħrajn bħalu ħdejn Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex stess (Ta’ Bumbarin) u f’bosta gżejjer Mediterranji oħra (ngħidu aħna, Grotta dei Bovi Marini f’Lampedusa, Cala del Bue Marino f’Pantelleria, Grotta del Bue Marino f’Favignana, Grotta del Bue Marino f’Filicudi, u Le Grotte del Bue Marino ħdejn Cala Gonone f’Sardegna). Jidher li llum għeb minn dawn l-imkejjen kollha.

Bejn iż-żewġ bokok ta’ Għar il-Bumarini hemm bħal kanal wieqaf misluħ fil-blat li jinżel mill-quċċata tas-sies sal-baħar. Hawnhekk fix-xitwa jinżel l-ilma tal-Wied tal-Port, kif spjegat aktar ‘il quddiem. F’rokna fil-qrib, hemm Il-Menqa ta’ Kurrat, daħla ċkejkna fil-baħar b’għar żgħir fuq ġewwa; ma nafx jekk l-isem għandux x’jaqsam max-xitla tal-kurrat jew inkella ma’ l-isem Kurrad (Corrado). Minn hawnhekk, il-blat jogħla saħansitra aktar u jsibuh bħala Is-Sisien. X’imkien fil-blat għoli ta’ l-inħawi hemm ukoll L-Għawejna (mhix l-istess Għawejna ta’ ħdejn it-torri), li sajjied xiħ kien indikahieli bħala għar żgħir bil-ħamiem. Fl-aħħarnett, hemm is-salini naturali li kienu jsejħulhom Il-Mellieħa ta’ Ħarrux, fejn il-melħ kien jinġabar fil-ħofor naturali ta’ wiċċ il-blat. Dawn qegħdin fuq ħarrieġa baxxa u ċatta taħt is-sies (Il-Mejda ta’ Ħarrux) li tintlaħaq biss mill-baħar. It-tarf ta’ din il-ħarrieġa, jew aħjar Il-Ponta ta’ Ħarrux, iħares lejn il-Ġebla tal-Ġeneral u jagħlaq il-Port min-naħa tal-lbiċ. Minn hawn ‘il quddiem jerġa’ jitfaċċa l-baħar miftuħ. L-isem Ta’ Ħarrux narawh ukoll fl-artijiet fil-għoli sew li jiddominaw Il-Port min-naħa tan-nofsinhar u li minnhom saħansitra l-Ġebla tal-Ġeneral tidher ċkejkna taħtek.

Is-sisien lejn in-nofsinhar tad-Dwejra…

Wara l-Ponta ta’ Ħarrux, jibda Il-Ġebel tax-Xurbebb, ħajt ta’ blat tassew għoli li jaqta’ dritt ċomb għal ġol-baħar bħallikieku maqtugħ b’sikkina. Hawnhekk, il-kelma “ġebel” hija fis-singular u tfisser muntanja jew art għolja. F’Għawdex tintuża l-aktar għal meded twal ta’ sisien għoljin mal-baħar (ngħidu aħna, Ġebel ta’ Ċenċ u Ġebel ta’ Sannat), u anke f’Malta l-vjaġġ bil-baħar minn taħt Ħad-Dingli igħidulu “Mal-Ġebel”.

Is-Sisien għoljin fin-nofsinhar tad-Dwejra

L-ewwel sies maħruġ ‘il barra ftit ‘l hinn mill-Ponta ta’ Ħarrux isibuh bħala Ta’ l-Artal jew Il-Ġebla ta’ l-Artal, u skond xi kittieba l-għerq sinjur jikber hawnhekk ukoll. Imbagħad imiss lil Ta’ Pawla, posta oħra tas-sajd, u b’kumbinazzjoni (jew le?), ir-raba’ ftit aktar ‘il fuq igħidulu Ta’ San Pawl. Wara din il-posta, għandna Ix-Xurbebb, fejn is-sies jidħol ftit lura u hemm għar fil-baħar; fuq din id-daħla hemm ukoll għar ieħor żgħir fil-għoli li tidħol għalih billi tinżel minn toqba fl-art. Fuq Ix-Xurbebb u Ta’ Pawla, hemm ukoll għolja tawwalija li xifirha jsegwi l-Ġebel tax-Xurbebb bħal tarġa oħra li tifred tarf is-sies mill-art li tħares għal fuqu. Din igħidulha Il-Qortin, u tiġbor fiha l-artijiet Ta’ Bukkun u dawk Ta’ San Pawl li diġà semmejna. Fit-tarf tal-Qortin, titfaċċa ħotba żgħira saħansitra aktar fil-għoli (It-Turretta) li tisporġi ‘l barra direttament għal fuq ix-xifer tal-Ġebel tax-Xurbebb. Din isimha magħha, għax dari aktarx li kien hawn xi torri qadim li llum jinsab imġarraf ħal kollox għajr għal xi erba’ ġebliet tal-pedamenti u bir imsaqqaf bil-ħnejjiet li qabel kien taħt il-binja tat-torri. Bejn it-Turretta u s-sies ta’ taħtha kulma hemm xkaffa blat (Id-Dejjaq) ta’ madwar pied u nofs wisa’ mnejn tista’ timxi max-xifer, iżda Allaħares tieħu pass falz għax għandek garanzija li tkejjel l-ogħla sies tal-Gżejjer Maltin, madwar ħamsin sular minn wiċċ il-baħar!

Il-Ġebel tax-Xurbebb iwassal sa Kap Bumbarda, inkella Ras il-Wardija, Il-Pinnur tal-Wardija jew Il-Kap. Flimkien ma’ Kap San Mitri, Ras in-Newwiela u Ras il-Qala, dan huwa wieħed mill-irjus (jew kapijiet) ewlenin t’Għawdex, u fuq mappa jidher qisu l-geddum tal-gżira. L-isem “wardija” huwa taħsira tal-kelma Taljana “guardia” u niltaqgħu miegħu f’ħafna postijiet oħra f’Malta u Għawdex (u saħansitra f’Kemmuna) li lkoll qegħdin fil-għoli u għalhekk kienu jintużaw għall-għassa. U jsejħulu “pinnur” kemm għall-forma tal-ponta dejqa tiegħu kif ukoll minħabba li espost hafna għall-irjieħ. Qrib it-tarf hemm ukoll il-fdalijiet ta’ santwarju Puniku importanti, fosthom għar u żewġ ġwiebi mdaqqsin (ilkoll maqtugħin fil-blat) u xi ħitan mikulin. F’Kap Bumbarda, il-kosta tikser f’daqqa u jibda sies kbir ieħor, Ġebel Ben Ġorġ, li jwassal sax-Xlendi. Minn hawn ‘il quddiem, id-Dwejra ma tidhirx aktar.

Il-veduta lejn id-Dwejra mill-inħawi magħrufa bħala tal-Bukkun

…u dawk tat-tramuntana

Id-Dwejra hija l-unika art baxxa fil-punent t’Għawdex, u s-sisien li jmissuha mit-tramuntana (jiġifieri minn wara t-Tieqa u l-Qawra) ma tantx jagħmlu għajb lill-oħrajn tan-nofsinhar li għadna kemm rajna. L-eqreb partijiet tagħhom huma popolari wisq għall-mawriet bid-dgħajsa. Malli tħalli t-Tieqa, l-ewwel ma tara huwa Għar ix-Xiħ, għar kbir iżda mhux fond wisq, imbagħad hemm ħarrieġa li jgħidulha Il-Wiċċ minħabba l-fattizzi li tnaqqxu fil-blat mill-elementi. Warajhom jiġu tliet għerien kbar: L-Għar tal-Qawra (li diġà għdna xi ħaġ dwaru), L-Għar in-Niexef u L-Għar tal-Barba. Ta’ min igħid li L-Għar in-Niexef m’huwa niexef xejn għax qiegħed fil-baħar, iżda ħa ismu minn xkaffa blat ġo fih li qegħda ‘l fuq mill-ilma. U “barba” xi jkun?  Dil-kelma lllum qajla għadek tismagħha, imma missieri jiftakarha tintuża  sabiex “ħu l-missier” minn  “ħu l-omm”: wieħed kien barba u l-ieħor ziju. Ħjiel ieħor ta’ dak il-Malti qadim li qed igħib…

Is-sisien fit-tramuntana tad-dwejra kif jidhru mill-inħawi magħrufa bħala Ġebel Ir-Rexieqa

Is-sies ikompli jdur u jogħla, u f’Ta’ Slima jitfaċċa wkoll it-tieni stroff matul il-quċċata tas-sies ewlieni, bħal fil-każ tal-Qortin ħdejn Kap Bumbarda. L-art għolja ta’ fuq l-istroff tissejjaħ Il-Wita, u magħha jkomplu wkoll l-artijiet Ta’ Feliċi u Tal-Kaħla. Minn ħdejn Ta’ Slima tispikka ħarrieġa b’mina naturali fil-baħar (L-Għar ta’ Tejtu) li tinfidha minn naħa għall-oħra; madwarha hemm sikka żgħira (Is-Sikka ta’ Tejtu) u anke s-sies innifsu isejħulu Ta’ Tejtu. Minn hawn, il-kosta terġa’ tilwi qisha qaws u hija magħrufa bħala Il-Ġebel ta’ Rexieqa. F’dan il-ġebel insibu L-Għar ta’ Mannara (għar ieħor imdaqqas fil-baħar) u Ħalq Mannara (xaqq kbir fil-faċċata tal-blat), it-tnejn li huma msemmijin għal kunjom qadim. Maġenbhom hemm Id-Dkieken (plural ta’ “dikkiena”), aktarx imsemmi hekk għal xi xkafef ta’ blat fl-irdum, u fit-tarf nett Il-Ponta tal-Ħawt (jew Tal-Ħawt biss) fejn il-ġebel idur kartabun u jibdel ismu għal Ġebel it-Tirxija. Jekk mill-Ponta tal-Ħawt inħarsu lura lejn id-Dwejra, naraw li l-plajja donnha numru “3”— nofs tond mit-Tieqa sal-blat maħruġ ‘il barra f’Ta’ Tejtu, u nofs tond ieħor matul Il-Ġebel ta’ Rexieqa— b’faċċati weqfin mad-dawra kollha. Xi esperti jsostnu li hawnhekk għandna quddiemna l-fdal ta’ żewġ ċrieki oħra ġganteski (wisq akbar u aktar fondi mill-Qawra, Il-Port u l-oħrajn bħalhom) magħqudin ma’ xulxin, u li din il-ħofra b’għamla ta’ numru “8” maż-żmien damdmuha l-forzi tan-natura sa ma ħallew biss nofsha. Jekk għall-bidu din it-teorija forsi tidher xi ftit imġebbda, malajr naraw li sewwasew fil-kisra tal-Ponta tal-Ħawt il-faċċata tas-sies tixbaħ lil ġenb ta’ skutella u għandha s-saffi tal-blat mgħawġin; hawnhekk m’hemmx dubju li hija l-biċċa li baqa’ minn għar sfrundat li safa mħanxar mill-proċessi ta’ erożjoni matul eluf ta’ snin. Dan id-dettall huwa spjegat fi ktieb interessanti fuq il-ġeoloġija ta’ Malta li nħareġ ftit snin ilu. Ladarba meta ssawret din il-ħofra ma kinitx mal-baħar, Alla biss jaf sa fejn kienet twassal l-art f’dawk iż-żmenijiet! Tabilħaqq it-tiswir tad-Dwejra u l-inħawi tagħha huwa marbut minn rasu sa saqajh mal-qawwiet ta’ l-għaġeb tan-natura, li tonqox, tkisser u tilgħab bil-blat żonqri bla ebda tbatija!

Malli ddur mal-Ponta tal-Ħawt, issib Il-Kullana u Iċ-Ċint (żewġ posti tas-sajd) imbagħad jispikka Għar Jaħra u l-blata kbira mal-bokka tiegħu. Mnejn tnissel l-isem stramb ta’ dan l-għar ma nafx: min igħidu li għax kultant jaqa’ l-ġebel mis-saqaf, min igħid li għax is-sajjieda u l-barklori jidħlu fih biex jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom, u min igħid li minħabba d-dehra tal-bokka ta’ l-għar minn fuq il-baħar…… insomma, kulħadd joħroġ verżjoni għalih u diffiċli tgħid min qed iħarref u min għandu raġun. Li hu żgur hu li wara l-bokka kemmxejn dejqa hawn jistaħba wieħed mill-akbar għerien tal-Gżejjer Maltin; għandu għoli (minn ġewwa) ta’ ħafna sulari u huwa twil ġmielu, tant li skond leġġenda lokali huwa għar kważi bla tarf. Sakemm tasal sa ġewwa (bil-mixi, għax il-qiegħ tiegħu qiegħed ftit ‘il fuq minn wiċċ l-ilma) tħossok tassew ċkejken ġo żaqq l-art!

Fil-qrib tinsab It-Tirxa, jew Is-Sikka tat-Tirxa, fejn il-baħar huwa baxx minħabba blata li toħroġ minn taħt is-sies madwar sular u nofs taħt l-ilma; din tat ukoll isimha lis-sisien li jiddominaw l-inħawi (Ġebel it-Tirxija). Din il-blata u t-tirxien li hemm fil-qiegħ biswitha huma mfittxija mill-bugħaddasa u jingħad li l-baħar ta’ madwarhom jagħmel ħafna lizz. Magħha hemm għar dejjaq mal-livell tal-baħar u ieħor imdaqqas taħt il-baħar, iżda bħala daqs lanqas biss jibdew ħdejn l-għar li għadna kemm semmejna. Meta taqbeż It-Tirxa, titfaċċa Ir-Ras ta’ Ċamma u għar ieħor kbir, imlaqqam Għar il-Bies jew L-Għar tal-Bies. Bejn Għar Jaħra u dan l-għar, jissemmew għadd ta’ posti mnejn isir is-sajd bil-purċellat, fosthom Tal-Borġ, Ħlejjaq Libet, Tat-Taraġ, Xatt ir-Rokku, Ta’ Ċamma, L-Għawdxija u Ix-Xoffa l-Ħamra. Wara posta oħra msejħa Il-Ħluq ta’ San Mitri u l-artijiet għoljin ta’ Il-Qasam u Il-Qortin, fl-aħħarnett tasal f’Kap San Mitri (jew Kap San Dimitri). Dan huwa t-tarf nett tal-Gżejjer Maltin lejn il-majjistral, u ssib quddiemek baħar miftuħ fid-direzzjonijiet kollha, tant li xi studji jindikawh bħala l-aktar xatt espost fil-gżejjer. Malli ddur ma’ Kap San Mitri, is-sies jerġa’ jikser lejn il-lvant u jerġa’ jinfetaħ xenarju mill-isbaħ. Iżda x’imkien trid taqta’ linja, u għaldaqstant għalissa nieqfu hawn.

L-intern u l-widien

Għal ġol-Qawra jferrgħu wkoll tliet sistemi ta’ widien. L-ewwel waħda tiġbor ilmijietha minn wara r-raħal ta’ San Lawrenz, sewwasew minn Ta’ Mrasbiet, Il-Wilġa, Tal-Mejdiet, Ta’ l-Għansar u Ta’ Wied Merell. Minn dawn l-artijiet, l-ilma jaqleb għal ġo wied baxx jismu Wied Merill (illum imtertaq bil-barrieri), li mbagħad jikser f’daqqa qisu minkeb, jifnâd, u jibdel ismu għal Wied Għorof. Sewwasew qrib siġra kbira tat-tin magħrufa bħala L-Umbrella, it-tarf ta’ Wied Għorof idur ma’ għolja żgħira ħamranija (li fil-fatt hija borġ għoli ta’ ħamrija iffossillizzata jew aħjar “depożitu Kwaternarju”) u jibqa’ nieżel għal ġol-Qawra.

It-tieni wied, Wied Sôfar, jintlemaħ malli taqbad in-niżla minn San Lawrenz lejn id-Dwejra. Huwa kemmxejn akbar minn Wied Għorof, u jsegwi linja dritta bla ma jserrep. Jirċievi l-ilma tax-xaba’ mill-egħlieqi Ta’ Ħanwija, Tad-Debba, Tal-Foqra, Tat-Tuta, Ta’ Karuzzini u Ta’ Wied Sôfar, li mill-lbiċ ta’ San Lawrenz jaqbilqu għal ġo fih. Meta jasal max-xifer tal-Qawra, Wied Sôfar ma jinżilx sal-qiegħ iżda jbattal ilmijietu mill-għoli. Qrib dan il-wied hemm ukoll It-Taraġ tal-Bniet, li kien parti mill-mogħdija qadima li kienet tagħti lejn id-Dwejra qabel ma nfetħet it-triq ewlenija li naraw illum, u li għandu leġġenda ta’ swied il-qalb marbuta miegħu. Jingħad li tliet tfajliet żgħar, ulied ir-rgħajja, kienu jġibu l-merħla tirgħa hawnhekk, iżda darba żbarkaw il-furbani, ħatfuhom u ħaduhom fil-jasar. Il-blat ta’ madwar igħidulu Fuq tal-Bniet.

Il-Wied tal-Port

Ferm akbar hija s-sistema tal- Wied il-Kbir, li tibda mill-bogħod u għandha ħafna friegħi. Jekk narawhom fuq fuq, insibu li Wied il-Mans (li jibda minn wara l-irħajjel ta’ Santa Luċija) u Il-Wied ta’ Gullu (li jinżel mit-triq ta’ l-Għadira ta’ Sarraflu) jingħaqdu biex jiffurmaw Wied Ilma, wied twil li jibda baxx iżda bil-mod il-mod isir dejjem aktar fond. Għal ġo Wied Ilma jċarċar ukoll wied ċkejken u wieqaf misqi minn Għajn Għabdun (nixxiegħa li tibda minn taħt l-għolja ta’ Il-Mixta). Aktar lejn it-tramuntana, nsibu li Il-Wied tal-Marġa (bejn l-għoljiet Ta’ Dbieġi u Ta’ Għar Ilma) u Wied Ġuno (bejn Ta’ Dbieġi u San Lawrenz, sewwasew taħt Il-Ħâra tar-Rokon) jingħaqdu flimkien u jiffurmaw Wied Pisklu, li għandu pendil qawwi u malajr isib ruħu fond u bi ġnub weqfin. Taħt ħarrieġa ta’ blat imlaqqma Tal-Ponta, Wied Ilma u Wied Pisklu jiltaqgħu u jiffurmaw il-Wied il-Kbir, li minn hawn ikompli bħala ħondoq fond u dejjaq li qajla jserrep. Fuq Tal-Ponta, fil-għoli tispikka l-għolja tal-Mixta b’sensiela ta’ għerien baxxi (jew imxieti) fil-faċċata tagħha, li kienu abitati fil-preistorja.

Lejn tmiemu, il-Wied il-Kbir jgħaddi minn taħt żewġ pontijiet ħdejn it-Taraġ tal-Bniet; l-ewwel pont jerfa’ t-triq ewlenija tad-Dwejra, filwaqt li t-tieni pont kien parti mill-mogħdija l-qadima. Imbagħad, l-istess bħal Wied Sôfar, meta jasal sax-xifer wieqaf tal-Qawra jsawwab l-ilma mill-għoli bħala ċarċara, għal ġo għadira żgħira u ħelwa li tinsab taħtha. Il-Qattara, kif isejħulha din l-għadira, iżżomm l-ilma matul is-sena kollha għax minbarra l-ilma tal-wied hemm ukoll nixxiegħa żgħira li tatha isimha. Għaldaqstant toffri wkoll ambjent rari, fejn l-aktar li jolqtuk huma ċ-ċikkuġwiebi u l-mazzarelli (damselflies u dragonflies) ta’ kull lewn u daqs, li jittajru fuq l-ilma. Meta tfur il-Qattara wara xi xita tajba, l-ilma jkompli għaddej matul kanal baxx mimli siġar tal-virgi (Vitex agnus-castus) li jaqsam il-qiegħ tal-Qawra sa ma jsib il-baħar; ma’ dan il-kanal tal-Wied il-Kbir jingħaqdu wkoll il-bokok ta’ Wied Sôfar u Wied Għorof.

Hija mdaqqsa wkoll is-sistema ta’ widien li tferra’ għal ġol-Port. Hawn naraw tliet widien— Il-Wied ta’ l-Abbatija, Il-Wied ta’ Kerrex u Il-Wied ta’ Birrix— li jinżlu mill-art għolja ta’ madwar L-Għadira ta’ Sarraflu sa ma jingħaqdu mal-Wied tal-Port aktar ‘l isfel. Dawn il-widien igħaddu qrib ħafna ta’ xulxin, tant li huma mifrudin biss minn promontorji dojoq bħal Ta’ Kerrex u Il-Ħotba ta’ Birrix. Il-barrieri li tħaffru fl-artijiet Ta’ Birrix, Tal-Misraħ, Tal-Qattara (mhix l-istess Qattara li hemm mat-tarf tal-Qawra), Ta’ Ħabel Lazz, Ta’ l-Abbatija, Ta’ l-Imbert, Ta’ Xrieħa u Ta’ Taħt l-Għadira ħolqu sfreġju sħiħ f’dawn l-inħawi, u f’xi bnadi s-sura tal-wied għadha tingħaraf biss mill-egħlieqi mtarrġin ta’ madwar jew minn xi ringiela qasab li ssegwi l-miġra ta’ l-ilma. Aktar ‘il fuq hemm ukoll L-Għadira ta’ Sarraflu, jew kif igħidulha l-Kerċmin, L-Għadira, isimha magħha. Din hija bħal oasi naturali oħra ta’ ilma ħelu, akbar mill-Qattara, li tixref minn ħofra mdaqqsa fl-art u żżomm l-ilma minħabba l-qiegħ u l-ġnub taflin tagħha. Aktarx li hawnhekk għandna għar ieħor naturali sfrundat, għalkemm jingħad li sar ukoll xi tħaffir fl-imgħoddi biex l-għadira tfanndet. Hawn ukoll ipaxxuk il-mazzarell ikkulurit li jittajjar qalb ix-xtieli tawwalin tal-buda u s-siġar tal-bruk li jżewqu l-inħawi.

Il-Wied tal-Port innifsu huwa kemmxejn stramb. Ir-ras tal-wied, bl-egħlieqi mtarrġin Ta’ Spiteri, tinsab qrib ta’ Wied Ilma tant li hemm biss xoffa dejqa ta’ art għolja li tifridhom; din l-art igħidulha Ta’ l-Ibraġ, aktarx minħabba żewġ ħotbiet ċkejknin fil-quċċata tagħha. Minn hawn, qiegħ il-wied jaqa’ f’daqqa u jsir wiesa’ donnu banju bi ġnub baxxi iżda weqfin dawramejt. Fil-fatt, il-baċir sħiħ tal-wied mhux għajr “dolina” oħra enormi (hekk jissejħu l-ħofor ġeoloġiċi bħall-Qawra u l-Port), għalkemm aktar baxxa u xi naqra tawwalija u mfattra. Għal xi raġuni, madwar id-Dwejra nsibu mhux biss l-akbar dolini tal-Gżejjer Maltin (ferm akbar mill-Maqluba u l-oħrajn li semmejna fl-artikli ta’ qabel) iżda wkoll numru ta’ l-għaġeb minnhom ilkoll f’post wieħed u tista’ tgħid imissu ma’ xulxin. Hemm xi seba’ b’kollox f’dawn l-inħawi. Fil-każ tal-Qawra u l-Wied tal-Port, naraw ukoll li dawn il-ħofriet kbar naturali ikkundizzjonaw mhux ftit il-formazzjoni tal-widien ta’ madwar u għaldaqstant kellhom sehem importanti fit-tifsil tax-xaqliba tal-punent t’Għawdex. Fit-tarf tiegħu, Il-Wied tal-Port jieqaf ħesrem u jferra’ ilmijietu mill-għoli għal ġol-baħar. Fix-xitwa, hawn ikun hawn ċarċara għolja u tassew sabiħa, li tinżel f’żewġ qabżiet, peress li hemm tarġa (Il-Ħoġor) f’nofs is-sies li jifred Il-Port mill-wied ta’ fuqu.

Egħluq

Bħalma rajna, fid-Dwejra nsibu toponomastika varjata, u ma satax jonqos li din tkun magħġuna ħaġa waħda ma’ l-ambjent mill-isbaħ li n-natura ħolqot hija u tilgħab bil-blat. Il-karattru uniku li din it-taħlita mżewqa tagħti lill-inħawi għandna ngħożżuh u nħarsuh l-ewwelnett kontra t-taħsir ta’ l-ambjent, għax anke fid-Dwejra nibtu xi ġrieħi serji, l-aktar  minħabba l-bini, il-barrieri, u l-irfis bil-karozzi fuq il-blat ‘il hinn mit-toroq. Daqstant ieħor huwa meħtieġ għarfien u apprezzament aħjar tal-wirt kulturali, inkluż dak lingwistiku; kultant tieħu l-impressjoni li t-turisti li jżuruna kappaċi japprezzaw il-wirt kulturali tagħna ferm aktar minna. Għalxiex għadna sal-lum nagħmlu ħilitna biex noħonqu l-laqmijiet tal-post li ssawru matul sekli sħaħ u nibdluhom ma’ ismijiet artifiċjali, bħallikieku l-identità lokali hija xi ħaġa tal-mistħija? Hija ħaġa raġunata u siewja li s-sbuħija tal-post ikollha wkoll valur ekonomiku, b’danakollu jekk neqirdu r-ruħ naturali u kulturali ta’ dawn ix-xtut, anke l-kwalità tal-prodott turistiku ssir superfiċjali u ta’ kafkaf. S’issa, is-seħer tad-Dwejra għadu hemm, u kull rokna għad għandha mhux biss il-bixra naturali iżda wkoll storja sħiħa x’tirrakkonta. Iżda minn lenti kulturali, id-Dwejra nkunu qed noqtluha meta nibdew insarrfuha fi “blue hole”, “inland sea”, “crocodile rock”, “azure window” u imbarazz bħal dan li jwaqqagħha għal-livell ta’ post kummerċjali bħal ħafna oħrajn.

Nagħlaq billi nrodd ħajr lil kull min għenni niġbor l-informazzjoni għal dan l-artiklu, b’mod partikolari lil qrabati ta’ l-Għarb u lil Dr Anton Bugeja. U nerġa’ nistieden ukoll lil min għandu xi tagħrif ieħor biex jaqsmu magħna.

(C) Alex Camilleri

 

Riferenzi

 

  1. Agius de Soldanis, Giovanni Pietro Francesco (Sek. XVIII). Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano. Verżjoni maqluba għall-Malti minn Mons. Ġużepp Farrugia (1936): Għawdex bil-Ġrajja Tiegħu; Edizzjoni “facsimile” maħruġa mill-Fondazzjoni Belt Vittorja (1999).
  2. Aquilina, Joseph (1987). Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.
  3. Attard, Anton (1991). Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi: Tagħrif Folkloristiku minn Għawdex.
  4. Bartholomew Malta & Gozo Holiday Map (bla data). HarperCollins Publishers (ISBN 0-7028-3538-2).
  5. Bezzina, John. (1951). Ix-Xtajtiet t’Għawdex. The Gozo Year Book 1959. The Social Action Movement (Gozo).
  6. Bezzina, Joseph. (1991). Forty Legends from Gozo. Gaulitana 9. Publikazzjonijiet Bugelli.
  7. Bezzina, Joseph. (1994). Forty More Legends from Gozo. Gaulitana 13. Publikazzjonijiet Bugelli.
  8. Formosa, P. (1973). A History of Għarb. Teżi tal-B.A. (Università ta’ Malta).
  9. Lanfranco, Guido. (1960). Cynomorium coccineum Linn.— A Maltese Historical Plant. Melita Historica Vol. 3 (1).
  10. Pedley, Martyn; Hughes Clarke, Michael & Galea, Pauline (2002). Limestone Isles in a Crystal Sea: The Geology of the Maltese Islands. PEG Ltd.
  11. Zammit-Ciantar, Joe (2000). The Placenames of the Coast of Gozo (Malta)

 

Komunikazzjonijiet personali:

 

  1. Michael Camilleri “tal-ġambo” (missieri, mill-Għarb), snin ‘70-00
  2. Salvu Camilleri “tal-ġambo” (zijuwi, mill-Għarb), snin ‘80-00
  3. Zolla Camilleri (nannti, mill-Għarb), snin ‘70-‘80
  4. Frans Farrugia (minn Ħal Għaxaq), snin ‘90.
  5. Edwin Lanfranco, 2006
  6. Franco Mercieca (mill-Għasri), 1990
  7. Custò “tal-padi” (mill-Għarb; barklor id-Dwejra), 1998
  8. Vince Attard (Nature Trust), jikkwota sajjieda tal-lokal fl-2004.
  9. Barklori (anonimi) fil-Qawra, waqt żjarat bid-dgħajsa fl-1989, 1993, 1996 u 1999.
  10. Barklori/sajjieda (anonimi) fix-Xlendi, 2000.
  11. Sajjieda (anonimi) bil-qasba jew bin-nases fid-Dwejra (Il-Blajta, Il-Mellieħa u Maqgħad Raġel) fis-snin 1993, 1996, 1999 u 2001.