Din hija t-tieni silta ta’ artiklu miktub minn Joseph Serracino li kien deher fl-Imnara Nru.37, 2013 . L-ewwel silta tistgħu taqrawha hawn.

DIN IT-TIĠRIJA ORIĠNAWHA L-KAVALLIERI, JEW…?

Ħafna jaħsbu li dawn it-tiġrijiet kienu oriġinawhom jew jorganizzawhom il-kavallieri – din idea żbaljata, għax l-Ordni ma kellha x’taqsam xejn ma’ dawn it-tiġrijiet. Saru fi żmienhom, bħala gvern ta’ Malta ħarġu l-permess li jsiru u xejn aktar. M’hemmx l-iċken dubju li l-kavallieri kienu jieħdu pjaċir bihom, u jien nimmaġina wkoll li xi wħud minnhom xtaqu wkoll li jipparteċipaw fihom, iżda l-Gran Mastri dejjem qagħdu attenti li jżommhom ‘il bogħod minn kull attivita‘ tal-massa għax kienu jibżgħu għall-image tal-Ordni, li kif nafu, aktar ma beda għaddej iż-żmien aktar beda jiddgħajjef fost il-poplu tagħna.

Marsamxett rebbieħa tal-ħames Paljijiet tal-ewwel Regatta fl-1910

Sfortunatament hawn min jaħseb ukoll li t-Tġrija tat-8 ta’ Settembru saret mill-kavallieri biex jikkommemoraw t-tifkira tal-Assedju l-Kbir … m’hu veru xejn! It-Tiġrija tal-Vitorja saret fi żmien l-Ingliżi meta l-kavallieri kienu ilhom snin li telqu minn Malta. Fil-fatt, il-kavallieri kienu jikkommemoraw dan il-jum storiku tat-8 ta’ Settembru, b’festi kbar u bil-Parati, b’rakkonti tal-ġrajjiet ta’ l-Assedju l-Kbir tal-1565, b’tiġrijiet tal-bhejjem fil-belt, u ta’ kull sena kienu jagħtu somma flus ta’ 50 skud bħala dota lil sitt xbejbiet foqra mrobbija fl-Isptar tal-Ordni. F’dan il-jum storiku għal Malta ma kinux isiru tiġrijiet tad-dgħajjes! Tant hu hekk, li fiż-żewġ ċentinarji tal-1665 u tal-1765 kienu saru festi kbar, iżda fihom ma jissemmiex li saru xi tiġrijiet tal-opri tal-baħar.

KIF KIENET ISSIR U FEJN KIENET ISSIR DIN IT-TIĠRIJA

Minn siltiet tal-visti pastorali, nafu li tluq tat-Tiġrija tal-Portu Salvu kienet isir mill-bokka tal-port, minn taħt il-Forok (it-Torri d’Orzi) li kienu saru mill-Gran Mastru Isle Adam fil-ponta fejn illum hemm il-Forti Rikażli sal-Ponta ta’ l-Isla. It-tluq kien isir b’tir ta’ masklu u kien isir taħt is-solverjanza tar-Rettur tal-knisja tal-Portu Salvu u l-ġurati li kienu jaraw dawn it-tlielaq minn fuq id-dgħajjes. Għal dawn it-tiġrijiet, mal-prokuraturi tal-festa kienu jattendu wkoll il-Gran Viskonti, il-kaptan tal-Virga u l-kaptan tal-Isla għal bil-lejl, li kienu joqogħdu fuq żewġ dgħajjes fin-naħa fejn tispiċċa t-tiġrija. L-ispejjeż ta’ dawn id-dgħajjes li kienu jlaħħqu madwar 2 skudi kienu jitħallsu mill-prokuraturi tal-festa. Ir-rebbieħa kienu jingħataw palju tal-ħarir, u li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-paljijiet kienet issir wara li jispiċċa l-Għasar ħdejn il-Knisja ta’ San Filippu – għal din il-preżentazzjoni kienu jattendu ħafna nies fosthom il-familjari tal-qaddiefa li kienu jieħdu sehem.

It-tmunier tal-Wejla ta’ Sant Anġlu Wenzu Zarb, flimkien mal-aħwa Sengleani Joe u Tancred Bardarini, wara r-rebħa tagħhom bil-frejgatina, fir-Regatta tal-1965

F’kuntratt li kien sar quddiem in-nutar Zerafa bejn l-1680 u l-1685 insibu xi dettalji li jagħtuna ħjiel ta’ kif kienet issir din it-tiġrija f’dik l-epoka, kif ukoll il-problemi finanzjarji li beda jħabbat wiċċu magħhom il-propostu tal-knisja tal-Portu Salvu – Dun Xmun Schembri – biex ikompli jorganizza din it-tiġrija. Mir-rapport tal-vista‘ pastorali li kienet saret mill-Isqof Cocco Palmeri fl-1686 fl-Isla nsibu li f’dak iż-żmien, ir-rettur tal-knisja, li barra li kien qed jieħu ħsieb jorganizza din it-tiġrija, kien personalment iqassam 12-il palju tal-ħarir ta’ lwien differenti lir-rebbieħa. Kien żmien ukoll, meta d-dħul tal-knisja ma kienx biżżejjed biex jitħallsu dawn il-paljijiet u torganizza dawn it-tiġrijijiet tad-dgħajjes, li kienu akkaniti u popolari ħafna man-nies tal-port f’nhar il-festa tal-Viżitazzjoni tat-2 ta’ Lulju.

Mill-kontijiet tat-tiġrijiet li kienu saru bejn l-1691 u l-1698 insibu, li l-ispejjeż kollha, kemm ta’ l-organizzazzjoni kif ukoll tal-paljijiet tal-ħarir kienu f’idejn il-Knisja tal-Portu Salvu. F’dik l-epoka n-numru tal-paljijiet li kienu jingħataw lir-rebbieħa kien ivarja minn 16 sa 21. Dawn il-paljijiet kienu jinġiebu minn Messina (Sqallija), iżda ż-żigarelli li kienu jżidulhom, kif ukoll il-lasti li kienu jkunu mpittrin kienu jsiru mid-dilettanti Sengleani u kienu jħallsu għalihom il-prokuraturi ġenerali tal-festa.

Ir-Regatta fuq il-bolol ta’ Malta

Kien hemm żmien meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-knisja kompliet tiggrava, tant li r-rettur ħass li minħabba l-ispejjes kbar li kellha l-knisja ma kienx f’pożizzjoni li jorganizza din it-tiġrija, u għalhekk għal dawn l-ispejjeż ġieli daħħlu xi negozjanti Sengleani li kienu jiffrenkwentaw din il-knisja. Biex itaffu xi ftit mill-ispejjeż li aktar ma beda għaddej żmien aktar bdew ikunu ta’ piż għall-knisja, il-kaptani tax-xwieni Maltin kienu jagħtu parti mill-qligħ tagħhom lir-rettur tal-knisja kull meta kienu jidħlu fil-port b’xi tagħbija tajba. Għalkemm kien ikkalkulat li b’din l-għotja l-knisja kienet se ddaħħal madwar 250 skud fis-sena, dan id-dħul kien inċert, għaliex seta’ jagħti l-każ li x-xwieni Maltin ma jkollhomx il-qligħ mistenni. Madankollu, il-knisja, minkejja l-qagħda ħażina tagħha, baqgħet tgħin fl-organizzazzjoni ta’ dawn it-tiġrijiet u kien hemm żmien meta l-ispiża kienet tlaħħaq is-somma ta’ 60 skud fis-sena.

Fl-1710, din it-tiġrija kienet għadha ssir u kienet akkanita ħafna. Insibu li f’waħda mil-laqgħat li r-rettur tal-knisja kellu mal-Isqof Cocco Palmeri, dan beda jilmenta li din it-tiġrija kienet qed tiġġenera ħafna spejjeż żejda għall-knisja tal-Portu Salvu, u minflok kienet qiegħed isservi ta’ okkażjoni ta’ ferħ, fiha kien qed jinqala’ ħafna ġlied fost il-barklori. Il-pern ta’ dan il-ġlied kien qed jinqala’ l-aktar waqt il-premjazzjoni tal-paljijiet, għaliex kull ekwipaġġ, irrispettivament jekk ikunx daħal fl-ewwel post jew le kien qiegħed jippretendi li jingħata palju tal-ħarir.

Dawn il-problemi tant bdew jinkwetaw lix-xwejjaħ rettur li issa beda jaħsibha bis-serjeta‘ jekk għandux iwaqqaf dawn it-tiġrijiet. B’dan il-ħsieb f’moħħu reġa’ mar ikellem lill-Isqof Palmeri, li min-naħa tiegħu, konxju mill-popolarita‘ kbira li din it-tradizzjoni antika kienet tqawdi fost in-nies tal-port, kif ukoll mill-ispejjeż li kienet iġġorr magħha din it-tiġrija li kienu jlaħħqu madwar 60 skud u li setgħu jintefqu għall-għanijiet li minnhom seta’ joħroġ aktar ġid, huwa ħeġġeġ lil Dun Xmun biex ikompli jgħin kemm jista’ fl-ispejjeż ta’ din it-tiġrija u ssuġġerixxa li fiha jsiru erba’ tiġrijiet jew l-aktar sitta.  Huwa ssuġġerixxa wkoll li l-prokuraturi kellhom jinżlu għat-tiġrija u joqogħdu fejn tintemm it-tiġrija biex meta tinqala’ l-ħtieġa huma jgħinu lill-imħallfin fid-deċiżjonijiet tagħhom, u b’hekk ma jinqalgħux problemi fuq min ikun daħal l-ewwel. Barra hekk, dawn it-tiġrijiet kellhom ikunu għall-kategoriji differenti ta’ dgħajjes, u l-paljijiet ma kellhomx jingħataw fil-port, iżda quddiem il-bieb tal-Portu Salvu mill-prokuraturi bl-assistenza tal-Propostu tal-knisja. Huwa nsista wkoll li ħadd ma kellu dritt li jingħata palju tal-ħarir jekk ma jkunx dahal fl-ewwel post fil-kategorija tiegħu.

Għalkemm sa l-1720 dawn it-tiġrijiet baqgħu jsiru, u l-ispejjes tagħhom bdew jinħarġu mid-dħul ta’ legati li kienu marbutin mal-artal ta’ Santa Marija tal-Portu Salvu, insibu li l-interess fihom beda jonqos. Għalhekk, biex din it-tiġrija terġa’ tikseb mill-ġdid il-popolarita‘ li kienet tqawdi qabel, fl-1739 ġie stabbilit li n-numru ta’ paljijiet jiżdied għal 12-il palju. Peress li l-barklori ma baqgħux jipparteċipaw bl-istess ħeġġa u entużjażmu f’dawn it-tiġrijiet, l-organizzaturi ddeċidew, li l-paljijiet ma kinux se jibqgħu jingħataw lir-rebbieħa ta’ kull kategorija, iżda jitqassmu bix-xorti fost dawk il-barklori li jkunu ħadu sehem bid-dgħajsa tagħhom. Kien proprju f’dan iż-żmien li kien ġie deċiż li l-opri kollha li jieħdu sehem f’kull tiġrija jkunu tal-istess daqs u piż.

Ovvjament din id-deċiżjoni ma niżlitx tajjeb mal-barklori u minħabba hekk l-interess fost il-barklori kompla jonqos. Xi ħabrieka li kellhom għall-qalbhom din it-tradizzjoni talbu lill-organizzaturi biex jirtiraw id-deċiżjoni li kienet ittieħdet dwar il-paljijiet, u sostnew li dawn il-paljijiet għandhom jingħataw biss lill-ekwipaġġi rebbieħa ta’ kull kategorija. Huma saħqu li l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni setgħet tħeġġeġ mill-ġdid lill-barklori u lis-sajjieda biex jerġgħu jibdew jipparteċipaw f’dawn it-tiġrijiet.

Aktar tard din it-tiġrija terġa’ tissemma’ mill-ġdid fil-vista’ pastorali li l-Isqof Alferan de Bussan kien għamel fl-Isla fl-1749, fejn din it-tiġrija tissemma li kienet issir wara li jispiċċa l-Għasar u wara jingħataw il-paljijiet tal-ħarir lir-rebbieħa, u din issir skont drawwa antika bi spejjeż tal-Artal tal-Viżitazzjoni li l-festa ssir ta’ kull sena fit-2 ta’ Lulju.

Għall-ħabta tal-1750, dawn it-tiġrijiet bdew jieħdu xejra nazzjonali. Qabel it-tiġrija l-imħallfin tal-qorti kienu jmorru in forma l-Ponta tal-Isla biex minn hemm jaraw ir-Regatta, u wara jqassmu l-palji lir-rebbieħa. Għaliha kienu jattendu wkoll bosta dinjitarji tal-Ordni, fosthom il-Kastellan, in-nutara u l-fizzjali kollha tal-qorti, li wkoll wara li tispiċċa t-tiġrija kienu jassistu għat-tqassim tal-palji tal-ħarir lill-ekwipaġġi rebbieħa ta’ kull kategorija. Wara t-tiġrija, il-Gran Mastru flimkien mad-dinjitarji tiegħu kien jaqsam mill-belt għall-Isla bil-Gondola, u wara jistedinhom f’Casa Magistrale (fejn illum hemm il-każin tal-Banda) u jittrattahom bix-xorb. L-ispejjeż ta’ dan il-festin kienu jinħarġu mit-teżor ta’ l-Ordni.

Waqt li dawn iċ-ċerimonji bdew iqajmu mill-ġdid l-entużjażmu fost il-barklori u interess fost il-pubbliku, l-organizzaturi ma kellhomx flus biex jorganizzawhom. Ġara li l-fondi li kienet qed iddaħħal il-knisja permezz tal-kontribuzzjonijiet li kienu jidħlu mill-vjaġġi li kienu jagħmlu x-xwieni Maltin, ma baqgħux jidħlu bħal qabel minħabba li l-vjaġġi kienu naqsu drastikament.

Minħabba nuqqas ta’ xogħol, il-Port il-Kbir kien imtella’ bil-bastimenti Maltin, u din it-tiġrija ma baqgħetx issir. Din it-tiġrija tissemma wkoll kemm fil-manuskritti tal-Kan. Aguis de Soldanis kif ukoll f’ta’ Dun Ignazio Saverio Mifsud. In-nuqqas ta’ dawn it-tiġrijiet ħasseb ħafna lil Dun Ignazio Saverio Mifsud li fl-1757 kiteb hekk fil-ġurnal tiegħu l-Giornale Maltese, ‘…min jaf jekk għadx terġa’ tibda ssir mill-ġdid din id-drawwa, billi s-soltu kien jiġi poplu kbir jara t-tiġrija…’

Skont Fr. Alexander Bonniċi, fir-rapport tal-vista pastorali li l-Isqof Bartilmew Rull għamel fl-Isla fil-11 ta’ Mejju 1759, insibu riferenza għat-tiġrija tal-Portu Salvu, fejn tgħid, li fil-festa tat-titular kienet issir tiġrija tad-dgħajjes, imma għal xi raġunijiet, f’dawn l-aħħar snin ma baqgħetx issir. Mid-dehra, in-nuqqas ta’ din it-tiġrija nħass ukoll mir-rettur ta’ din il-knisja, li qisu biex ipatti għal dan in-nuqqas beda jiċċelebra purċissjoni fl-Isla.

Snin wara, it-tiġrija tal-Portu Salvu reġgħet bdiet issir u tissemma fl-ewwel snin tal-miġja tal-Ingliżi fostna (1806/07) flimkien ma’ tiġrijiet oħra li wkoll kienu jsiru f’okkażjonijiet ta’ festi, fosthom it-Tiġrija ta’ Santa Liberata li kienet issir fit-28 ta’ Settembru. Insibu li fl-1808, Dun Pawl Camilleri f’ismu u f’isem oħrajn li kienu joqogħdu fl-inħawi tas-Salvatur riedu jkabbru l-festa ta’ Santa Liberata – it-titulari ta’ l-imsemmija nħawi, u talbu lill-Gvernatur biex jagħtihom permess jagħmlu tiġrija fuq il-baħar u Ġostra wara nofsinnhar f’Jum il-festa. Il-Gvernatur tahom permess u għarraf lill-Qorti biex tieħu ħsieb il-bon ordni waqt it-tiġrija.

Aktar bolol tar-Regatta tat-8 ta’ Settembru

Fl-istess żmien kienet għadha ssir it-tiġrija tal-Portu Salvu kif jidher minn notifikazzjoni li kienet saret fl-1808 minn Grabiel Prinċipati u negozjanti oħra Sengleani. Dawn bdew isostnu li peress li l-knisja tal-Portu Salvu tal-Isla ma kinitx fi stat li tissolenizza l-festa titulari li taħbat fit-2 ta’ Lulju, huma xtaqu li jagħmluha minn flushom flimkien mal-Ġostra u t-tiġrija tal-Laneċ tal-bastimenti (Kajjikki u Barkazzi), Xprunari u dgħajjes oħra bħalma ssir is-soltu. U biex dan il-permess ma joqogħdux jitolbuhulu kull sena, huma riduh ukoll għas-snin ta’ wara. Il-Gvernatur tahom il-permess bil-kundizzjoni li kull darba li jkunu se jagħmlu t-tiġrija jgħarrfu minn qabel lill-President tal-Qorti fil-Belt biex dana jieħu ħsieb il-bon ordni.

Sfortunatament ma nafux eżatt jekk din it-Tiġrija, wara din id-data baqgħetx issir kull sena jew inkella kienx hemm xi qtugħ, sintendi barra l-perijodi ta’ snin li semmejt qabel. Fil-fatt, f’intervisti li kont għamilt lil xi barklori fis-snin 70, u li wħud minnhom kienu qabżu sew it-80 sena, dawn saħqu, li għalkemm huma ma jiftakrux li fi tfulithom kienu jsiru xi tiġrijiet tad-dgħajjes f’nhar il-festa tal-Portu Salvu, madankollu jiftakru lil missirijiethom jgħidu li din it-tiġrija ġieli saret kemm qabel kif ukoll mal-qalba tas-seklu l-ieħor.

Huma sostnew ukoll, li fis-snin 30, il-familji kollha li kienu jgħixu fix-xaqliba magħrufa bħala tal-Ponta tal-Isla (faċċata tal-Birgu), tant kienu għadhom jgħożżu l-festa tal-Portu Salvu, u għalkemm f’nhar il-festa ma baqgħux jsiru t-tiġrijiet tad-dgħajjes bħalma kien isir fl-imgħoddi, huma xorta waħda baqgħu jżejnu bid-damask u bil-fjuri n-Niċċa tal-Madonna li hemm taħt il-Mina ( Sally Port ) li tagħti għall-Ponta, kif ukoll kienu jżejnu s-swar tal-inħawi bil-bnadar u filgħaxija jixgħeluhom bil-fjakkoli. Barra hekk, ta’ kull sena, wara nofs in-nhar kien ikun hemm il-Ġostra u għaliha kienu jattendu ħafna nies.

Fl-1821 tissemma t-Tiġrija ta’ San Lawrenz tal-Birgu li kienet saret minflok l-Arblu ta’ Mejju li ma kienx sar f’dik is-sena. Li ġara kien dan: Fl-1814, Napuljun Bonaparti ċeda kontra l-qawwa tal-alleati u ġie eżiljat fil-gżira ta’ Elba. L-Ingliżi għamlu festi kbar f’Malta, u peress li nzerta Mejju, huma ħarġu permess biex jerġa’ jsir l-Arblu ta’ Mejju li kien ilu s-snin ma jsir, u tiġrija tad-dgħajjes fil-Port il-Kbir. Ġara iżda, li minkejja li l-Arblu ta’ Mejju baqa’ jsir kull sena sal-1820, fis-sena ta’ wara (1821) ma sarx, u minfloku saret tiġrija tad-dgħajjes fl-10 ta’ Awwissu – fil-festa ta’ San Lawrenz tal-Birgu. L-avviz tagħha li kien ħareġ fis-6 ta’ Awwissu 1821 kien jgħid, li din it-tiġrija se ssir minflok id-divertiment tal-Arblu ta’ Mejju, u l-għoti tal-premjijiet ikunu f’idejn is-suprintendent tal-pulizija tal-baħar. Sfortunatament bħal tiġrijiet oħra, din it-tiġrija kellha ħajja qasira għaliex fis-sena ta’ wara (1822) ma saritx peress li ġiet organizzata għall-ewwel darba t-Tiġrija tal-Vitorja.

Din it-tiġrija kienet organizzata tajjeb ħafna u f’qasir żmien saret popolari ħafna man-nies tal-port. F’kont tal-Pulizija tal-Baħar tal-1826 insibu x’tip ta’ opri tal-baħar kienu jippartecipaw f’dawn it-tiġrijijiet, u l-premjijiet tal-flus li kienu jingħataw lir-rebbieħa ta’ kull kategorija: Għall-Ferilli (Dgħajjes tas-Sajd) u għad-Dgħajjes tal-Pass (b’erbat imqadef ): l-ewwel premju – 15-il skud, it-tieni premju 15-il skud u t-tielet premju – 10 skudi. Għad-Dgħajjes tal-Pass (b’żewġt imqadef) u għall-Kajjikki (b’erbat imqadef): l-ewwel premju – 10 skudi, it-tieni premju – 7 skudi u nofs u t-tielet premju – 5 skudi.

Interessanti hu l-fatt li lejn it-tmiem tas-seklu 19, il-Kunsill tal-Gvern kien iddikjara t-8 ta’ Settembru bħala l-Jum Nazzjonali ta’ Malta, u t-Tiġrija tal-Vitorja dejjem ġiet inkluża fil-lista tal-attivitajiet u ċ-ċelebrazzjonijiet li bdew isiru ta’ kull sena f’dan il-Jum storiku għall-gżejjer tagħna. B’hekk it-Tiġrija tal-Vitorja saret magħrufa bħala t-Tiġrija Nazzjonali, u l-organizzazzjoni tagħha għaddiet f’idejn il-Kollettur tad-Dwana li kien ukoll jippresiedi l-kumitat organizzattiv.

Kif wieħed jimmaġina, mal-medda tas-snin, dawn it-tiġrijiet tad-dgħajjes saru aktar akkaniti u ġġeneraw pika u rivalita’ kbira fost il-barklori ta’ kull lokal li kienu jipparteċipaw fihom bħala qaddiefa. Sintendi b’Malta bħala kolonja Ingliża fil-Mediterran, bil-flotta tagħha tagħmel użu mill-portijiet Maltin, ix-xogħol tal-barklori żdied ħafna, u minħabba hekk in-numru tagħhom kotor ħafna. Ironikament, fl-istess epoka li l-flotta Ingliża bdiet tagħmel użu wkoll mill-Port ta’ Marsamxett, madwar il-bajjiet sbieħ li jħaddan dan il-port beda jsir żvilupp ta’ bini, l-aktar meżżanini għall-villeġġatura ta’ bosta sinjuri mill-belt u mill-Kottonera li bdew iqisu dawn in-naħat bħala post ta’ kwiet u mistrieħ, ‘il bogħod mill-istorbju tal-Belt u tal-Port il-Kbir. Maż-żmien, dawn il-postijiet ta’ villeġġatura saru postijiet residenzjali, u b’hekk insibu li x-xtut mill-Imsida sa San Ġiljan komplew jiżviluppaw b’tali mod, li sal-qalba tas-seklu 20, il-popolazzjoni ta’ dawn il-villaġġi kienet kibret ħafna, allavolja partijiet kbar ta’ dawn il-lokalitajiet kienu għadhom għellieqi u xagħri. Iż-żieda fil-popolazzjoni f’dan il-port ġabet magħha l-introduzzjoni tas-servizz tal-Laneċ tal-Pass (1882) – servizz li wara ġie estiż ukoll għall-Port il-Kbir. Sintendi l-bastimenti Navali f’dan il-port mhux biss għenu biex dan l-iżvilupp jaqbad ritmu aktar mgħaġġel, iżda kien fattur importanti ħafna li numru sabiħ ta’ barklori mill-Port il-Kbir irreġistraw biex jaħdmu bid-dgħajjes tagħhom fil-Port ta’ Marsamxett. Magħhom ħadu wkoll il-familji tagħhom, l-użanzi u t-tradizzjonijiet li huma wirtu mingħand missirijiethom – fosthom id-drawwa tat-tiġrijiet tad-dgħajjes.

Kien proprju f’din l-epoka li d-distrett ta’ Marsamxett beda jifforma ruħu bħala distrett, u l-qaddiefa tiegħu saru l-aktar avversarji ħorox tad-distretti tal-Kottonera fir-Regatta Nazzjonali. Kien żmien ukoll meta xi ħabrieka Beltin ħadu l-inizjattiva biex javviċinaw lill-barklori u lis-sajjieda li kellhom l-opri tagħhom irreġistrati f’Marsamxett, u ħeġġuhom biex jingħaqdu mal-qaddiefa Beltin u jieħdu sehem fit-Tiġrija tal-Vitorja f’isem il-Port ta’ Marsamxett. Dan kien il-bidu ta’ tiġrijiet akkaniti, fejn f’kull edizzjoni, il-kontestazzjoni għar-rebħ ta’ kull palju kienet tkun waħda ħarxa u t-taqtigħa ta’ kull korsa kienet tibqa’ sal-aħħar qadfa. Issa d-distrett ta’ Marsamxett kien iffurmat minn qaddiefa mill-Belt, il-Gżira, l-Msida, San Ġiljan, u Tas-Sliema, waqt li d-distretti tal-Port il-Kbir kienu l-Isla, Bormla u l-Birgu – tlett ibliet avversarji ta’ xulxin f’kull korsa.

Stampa reali tar-rivalità kbira li kienet teżisti fost il-qaddiefa taż-żewġ portijiet jagħtihielna r-riżultat tat-Tiġrija tal-Vitorja ta’ l-1878, fejn minkejja li kull tiġrija kienet issir fuq bażi individwali, il-barklori tal-Port ta’ Marsamxett, minn ħdax-il palju, rebħu sebgħa – tnejn minnhom tal-ewwel u l-oħrajn tat-tieni u tat-tielet, waqt li l-barklori tal-Port il-Kbir rebħu tnejn tal-ewwel.  Ir-rivalita’ bejn il-qaddiefa taż-żewġ portijiet tant kienet kbira, li minn nofs is-seklu 19 sa qabel l-ewwel Gwerra Dinjija saru diversi tiġrijiet li fuqhom saru imħatri kbar ta’ flus, kemm tal-Ferilli, Dgħajjes tal-Midalji kif ukoll f’Tal-Pass. L-aktar tiġrija li baqgħet imsemmija fl-Istorja tat-Tiġrija tal-Vitorja, u li fiha kienu ntilfu eluf kbar ta’ liri Maltin kienet saret fil-Port ta’ Marsamxett fis-27 ta’ Ottubru 1906 bejn Marsamxett u Bormla fuq id-dgħajjes tal-Midalji. Din it-tiġrija li baqgħet magħrufa bħala t-Tiġrija ta’ l-Imħatra kienet intrebħet mid-dgħajsa Beltija (In-Nazzarenu) li kienet għaddiet tliet tulijiet lid-dgħajsa Bormliża (Il-Kunċizzjoni). Jingħad li kienu saru tentattivi minn xi dilettanti taż-żewġ distretti biex issir tiġrija oħra bejniethom, iżda ma saritx…

Interessanti hu l-fatt, li sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, in-numru ta’ dgħajjes tal-Pass li kellhom liċenzja biex jaħdmu fil-Port ta’ Marsamxett kien biss ta’ 100 dgħajsa (1-100). Iżda fis-snin 30 id-dilettanti Beltin kienu talbu lill-Kollettur tad-Dwana biex jagħtihom permess jibnu Dgħajsa tal-Pass għat-tiġrija. Il-permess ingħata, u din id-dgħajsa ġiet irreġistrata bħala 101 u ngħatat l-isem “In-Nazzarenu”. Sa l-aħħar tiġrija ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija (1938) il-maġġoranza ta’ l-opri li kienu jipparteċipaw fir-Regatta Nazzjonali kienu ta’ sidien privati.


Il-koppla u l-kampnar tal-knisja ta’ Portu Salvu, l-Isla, b’rabta qadima mar-Regatta tat-8 ta’ Settembru.

WARA L-GWERRA

L-ewwel Regatta Nazzjonali li saret fil-Port il-Kbir wara l-gwerra kienet dik tat-8 ta’ Settembru 1951. Dan id-dewmien kien dovut minħabba ż-żmien li ttieħed biex jitneħħa l-fdal tal-vapur tal-Merkanzija ‘Talabot’ li kien mgħarraq f’nofs il-kanal fejn isiru dawn it-tiġrijiet tad-dgħajjes. Fil-fatt, id-dilettanti Beltin fl-1950 kienu organizzaw tiġrija tad-dgħajjes f’nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu (fis-16 ta’ Lulju) fil-Port ta’ Marsamxett, iżda meta tħabbar li l-gvern kien se jintroduċi mill-ġdid it-Tiġrija tal-Vitorja, dik tal-Karmnu ma saritx. Ovvjament, in-nies tal-port laqgħu din l-aħbar b’ferħ u entużjażmu kbir għax kienu ilhom snin jistennewha, u f’qasir żmien, f’kull distrett bdew il-preparazzjonijiet biex jarmaw id-dgħajjes bil-qaddiefa u jipparteċipaw fiha.

Fl-ewwel edizzjonijiet tas-snin 50, ipparteċipaw bħala distretti l-Isla, il-Birgu u l-Marsa, waqt li Marsamxett, Bormla, il-Kalkara u r-Raħal Ġdid ħadu sehem f’xi korsi partikolari. Aktar ma beda għaddej iż-żmien, il-parteċipazzjoni tad-distretti fir-Regatta kompliet tissaħħaħ u għaliha kienu jattendu eluf kbar ta’ nies u jimlew kull rokna tal-port. Wieħed jista’ jgħid li matul is-snin 50, din it-tradizzjoni kienet saret popolari fost in-nies tal-port daqskemm kienet qabel il-gwerra, u l-entużjażmu tagħhom kien jintwera bl-għajjat ta’ sapport u nkuraġġiment lill-benjamini tagħhom waqt kull tiġrija, b’tixjir ta’ bnadar, b’daqq ta’ sireni u tnabar, bil-ħruq ta’ musketteriji wara t-trunċieri tal-Ponta u d-damdim ta’ murtali, wieħed wara l-ieħor minn fuq il-bejt tal-Knisja tal-Portu Salvu, hekk kif id-dgħajjes Sengleani jkunu qegħdin fuq quddiem f’xi tiġrija.

Fl-1955, fir-Regatta Nazzjonali ġiet introdotta l-Aggregate Shield li tintrebaħ b’sistema ta’ punti. Ġew introdotti wkoll sett ta’ regolamenti ġodda, fosthom li kull dgħajsa tal-Pass li tidħol fl-ewwel tliet postijiet tintiżen għall-piż, u jekk jinstab li l-piż tagħha hu inqas mill-piż stipulat mid-dwana (400 libbra) tiġi skwalifikata. F’kull tiġrija jingħataw tliet paljijiet. Preżentament dawn jingħataw wara kull tiġrija, iżda fl-imgħoddi kienu jitqassmu lill-ekwipaġġi rebbieħa wara l-aħħar tiġrija, qabel max-Shield tal-Fidda tiġi ppreżentata lid-distrett rebbieħ. Interessanti hu l-fatt, li fiż-żmien il-ħakma Inġliża, ix-Shield ġieli ġiet ippreżentata lill-klabb rebbieħ mill-Gvernatur jew mill-Prim Ministru, inkella minn xi ministru tal-Kabinett. Fis-snin 70, kien hemm edizzjonijiet fejn din ix-Shield ġiet ippreżentata mill-Gvenatur Generali Sir Anthony Mamo, waqt li f’dawn l-aħħar snin minn xi ministru tal-Gvern.

Bejn l-1959 u l-1961, din it-tiġrija ġiet effettwata minn bojkott kbir mill-Partit Laburista, u għalhekk insibu li fir-Regatta kien jipparteċipaw biss dgħajjes mill-Kalkara u żewġ dgħajjes oħra, waħda mill-Isla u l-oħra mill-Marsa. Fl-1962, tneħħa l-Bojkott, is-sitt distretti mill-ġdid bdew jieħdu sehem fir-Regatta, in-nies reġgħet bdiet tinżel il-port biex issegwiha u tipparteċipa fil-briju kbir li kienu jġibu magħhom dawn it-tiġrijiet tradizzjonali. Kien f’dan iż-żmien li r-Regatta Nazzjonali reġgħet kisbet il-popolarita’ kbira li kienet tqawdi fis-snin ta’ qabel.

Matul dawn l-aħħar 50 sena ta’ tiġrijiet tad-dgħajjes fil-Port il-Kbir, l-organizzazzjoni tar-Regatta Nazzjonali għaddiet minn tibdil kbir, kemm f’dik li hi tmexxija generali kif ukoll distrettwali. Sa l-1990, id-distretti kienu jieħdu sehem b’żewġ opri f’kull tiġrija, iżda meta nbeda x-xogħol ta’ twessigħ tal-mollijiet ta’ Pinto, il-kanal djieq, il-parteċipazzjoni naqset għall-opra waħda, u konsegwentament ħafna mill-qaddiefa li tilfu posthom fid-dgħajsa rtiraw mill-qdif.

Kif nafu, preżentament isiru żewġ Regatti tad-dgħajjes fil-Port il-Kbir – it-Tiġrija ta’ Jum il-Ħelsien li ssir fil-31 ta’ Marzu u t-Tiġrija tal-Vitorja tat-8 ta’ Settembru. Fihom jipparteċipaw seba’ klabbs (distretti) u matul dawn it-tiġrijiet (b’regolament tad-Dwana) kull opra jrid ikollha s-sinjal (bandiera ċkejkna) fil-pruwa tagħha bil-kuluri tradizzjonali tal-klabb: L-Isla (Isfar/ Aħmar/Isfar); Il-Birgu (Aħmar); Bormla (Ċelesti); Il-Kalkara (Aħdar); Marsamxett/Valletta (Isfar); Il-Marsa (Blu skur) u Birżebbuġa (Aħmar/Abjad/Blu). It-tiġrijiet isiru f’kanal minn Ras Ħanżir (il-Marsa) sad-Dwana l-Antika fuq korsa ta’ 1140 metru. Fl-imgħoddi l-kanal kien jingħalaq bil-planki ta’ l-injam, iżda llum b’ħabel marbut ma’ bagi żgħar li jibqgħu ħerġin sa nofs id-daħla ta’ Dockyard Creek, imbagħad jagħlaq dritt għal tarf il-mina ta’ wara d-Dwana. It-tluq isir b’tir ta’ pistola u tixjira ta’ bandiera, żewġ tiri wara xulxin ifisser False Start, waqt li s-sinjal tad-dħul (bandiera ħamra) normalment tkun qrib il-bieb iż-żgħir tad-Dwana li jispara dritt għall-arloġġ tal-Mużew Marittimu tal-Birgu. Sas-snin 70, l-organizzazzjoni tar-Regatta kienet f’idejn il-Kollettur tad-Dwana, imbagħad għaddiet f’idejn sotto-kumitat tal-Festi Nazzjonali u issa qed titmexxa mill-Kunsill Malti ta’ l-Isport.

Kif aċċennajt qabel, dawn it-tiġrijiet, bħal kull dixxiplina sportiva oħra għandhom ir-regoli tagħhom, b’xi wħud minnhom imorru lura sal-1906. Ironikament, dawk l-ekwipaġġi li matul l-andament tat-tiġrija jonqsu li jsegwu dawn ir-regolamenti jiġu skwalifikati mmedjatament mill-ġurati li jkunu qegħdin isegwu dawn it-tiġrijiet minn fuq Patrol Boat jew Dinghy. Sa nofs is-snin 70, ir-rebbieħ ta’ kull tiġrija kien jiġi dikjarat fuq id-deċiżjoni tal-ġurat li kien ikun qrib is-sinjal tad-dħul fid-dwana. Mhux l-ewwel darba li deċiżjonijiet żbaljati min-naħa tal-ġurija qajmu nkwiet u ġlied fid-Dwana, saħansitra anke konfrontazzjonijiet mal-pulizija li kienet tiġi msejħa biex tikkalma s-sitwazzjoni. Kien proprju f’dan iż-żmien li d-Dwana bdiet tikri apparat li kien kapaċi jiġbed numru ta’ ritratti fil-minuta, u għalhekk kull meta żewġ dgħajjes jidħlu flimkien (ras imb’ras) il-ġurija flimkien mad-delegati ta’ kull klabb kienu jirreferu għal dan l-apparat u wara jikkonfermaw ir-rebbieħ. Preżentament fir-Regatta qed jintuża apparat sofistikat, speċi ta’ Video Camera fejn jinġibet filmat tad-dħul ta’ kull tiġrija u wara l-ġurija tkun tista’ tarah bi slow motion. Fost id-dilettanti dan l-apparat hu magħruf bħala Photo Finish.

Preżentament fiż-żewġ Regatti jsiru żewġ kategoriji ta’ tiġrijiet, ‘Open’ u ‘ Reserves’ . F’kull kategorija d-distretti jieħdu sehem b’opra waħda. Fl-1998, l-organizzazzjoni tar-Regatta bil-koperazzjoni tal-Għaqda tar-Regatta bdew jorganizzaw 4 tlielaq għall-qaddiefa żgħażagħ matul ix-xahar ta’ Lulju, imbagħad dawn tnaqqsu għal tlieta u wara għal tnejn. Fil-preżent qiegħda ssir tiġrija waħda f’Lulju fil-bajja tal-Irnella.

llum din it-tradizzjoni hi meqjusa bħala waħda mill-aktar drawwiet antiki Maltin u l-akbar u l-isbaħ avveniment sportiv tal-baħar li jsir f’pajjiżna fl-istaġun tas-Sajf. Din it-tradizzjoni hi wkoll ħolqa importanti ħafna fil-folklor tagħna minħabba l-istorja soċjali, kulturali u sportiva tagħha. Tagħrif dwarha nsibuh ukoll fl-Enċiklopedia tal-Fisec – World Rowing.

© Joseph Serracino