Din id-drawwa antika jien nipparagunaha ma’ munita – għandha żewġ uċuħ, waħda storika u l-oħra sportiva. Storika, għax l-għeruq tagħha huma magħġunin mal-istorja tal-poplu ta’ waħda mill-bliet marittimi tagħna, l-belt ta’ Senglea (l-Isla), u Sportiva, għax fiha jidħol l-element uman – il-kontestazzjoni għar-rebħ ta’ premju.

Kitba ta’ Joseph Serracino. L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru. 37  2013.

L-istoriċi tagħna huma tal-fehma li din it-tradizzjoni bdiet għal ħabta tal-1625, fiż-żmien meta l-attivita’ marittima fil-Port il-Kbir kienet fl-aqwa tagħha, u tiġġenera ħafna xogħol għal mijiet ta’ żagħżagħ u rġiel tal-familja. Kien żmien, meta l-Port il-Kbir kien ikun mimli bl-imriekeb Maltin u barranin, bil-Galeri u x-xwieni l-oħra tal-Ordni sorġuti f’Daħlet Ix-Xwieni (illum Dockyard Creek), u l-bċejjeċ l-oħra ttrakkati mal-mollijiet tal-belt jew sorġuti f’Daħlet l-Franċiżi, li antikament kienet magħrufa bħala Daħlet San Franġisk għall-kappella li kienet inbniet fl-inħawi ta’ Għajn Dwieli ddedikata lil San Franġisk de Paola .

Dwell finali għall-ewwel post bejn iż-żewġ dgħajjes tal-Midalji tal-Isla fl-edizzjoni tal-1989

Jingħad ukoll li f’dawk iż-żminijiet in-numru tas-sajjieda armati bl-iskejjen u l-Ferilli tagħhom kien kotor ħafna fil-port, peress li l-bokok taż- żewġ portijiet kienu miftuħin u għalhekk wieħed jimmaġina li l-ħut kien abbundanti ħafna. Daqshekk ieħor jingħad li kien kbir in-numru ta’ barklori, li l-għajxien tagħhom kienu jaqilgħuh bil-ġarr ta’ passiġġieri min-naħa għall-oħra tal-port bid-dgħajjes tagħhom. Madankollu, minkejja din l-attivita’ kollha fil-port, il-maġġoranza tal-familji li kienu jgħixu fl-erbat ibliet kienu familji kbar, fqar u bla skola.

Ovvjament familji sinjuri, negozjanti, professjonisti, skrivani, nies kolti u ħaddiema tas-snajja’ kien hawn ukoll, iżda dawn kienu l-ftit, għaliex il-parti kbira tan-nies kienu nies tal-baħar jew oħrajn li kienu jaħdmu fit-tarznari tal-Ordni jew f’oħrajn privati f’Daħlet il-Franċiżi.

Fil-qalba tas-seklu 17, f’din id-daħla kien hemm attivita’ marittima kbira, bi xwieni jħottu u jgħabbu l-merkanzija tagħhom minn fuq il-braken, oħrajn sorġuti mal-mollijiet, forsi wkoll għaddejjin b’xi manutenzjoni jew tiswijiet urġenti mill-ħaddiema tat-tarznari privati, li normalment kienu jibnu wkoll diversi opri tal-baħar bħall-braken, barkazzi, skejjen, xpunari, ferilli u kajjikki kbar, dgħajjes tax-xogħol u opri oħra tal-baħar għat-tbaħir fit-tul.

Kien żmien fejn s-sajjieda kif ukoll il-barklori kienu jaħdmu, jgħinu u jaqbżu għal xulxin qishom familja waħda. Din l-għaqda u koperazzjoni ta’ bejniethom aktarx kienet dovuta mill-ispirtu parrokkjali qawwi li ħafna minnhom kienu jgħixu fih f’kull lokalita‘, fejn dak kollu li jagħmel parti mill-istorja u l-kultura soċjali ta’ belt twelidhom, il-knisja, il-festa, l-opri tal-baħar, kult, drawwiet u ħaġa li tippartjeni lilhom kienu jqisuha bħala l-aqwa u aħjar minn dawk tal-ġirien tagħhom. Sfortunatament dan il-parrokkjaliżmu sfrenat nissel firda kbira fost in-nies tal-port u konsegwentament maż-żmien nibtet pika kbira fosthom, l-aktar fost is-sajjieda u l-barklori tal-bliet tal-Kottonera li ftit kienu jinġiebu bejniethom, u aktar tard infirxet ukoll ma’ dawk Beltin. F’dan l-ambjent SoċioKulturali u Reliġjuż f’port marittimu oriġinaw dawn it-tiġrijiet tad-Dgħajjes.

Il-partitarji Sengleani jippużaw għar-ritratt fit-taraġ tal-Ponta, fl-1953

Minn dawn l-erbat ibliet tal-Port il-Kbir, il-belt ta’ Senglea tissemma l-aktar fejn tidħol it-tradizzjoni tat-tiġrijiet tad-dgħajjes. Fiż-żmien li qegħdin nitkellmu dwaru, l-Isla kellha popolazzjoni ta’ madwar 4000 ruħ, fosthom ħafna rġiel konnessi mal-baħar. Il-familji tagħhom kienu jgħixu fl-inħawi tal-Ponta, madwar il-knisja ta San Filippu li t-titular tagħha kien iddedikat lil Viżitazzjoni ta’ Sidtna Marija, li l-festa tagħha kienet tiġi iċċelebrata fid-2 ta’ Lulju .

L-eqdem dokument li s’issa nafu bih u li jitkellem dwar l-ewwel tiġrijiet ta’ opri tal-baħar fil-Port il-Kbir hu dak tas-6 ta’ Settembru 1642. Dan id-dokument, hu f’għamla ta’ petizzjoni (supplika) li kienet saret minn ċertu Martino Fiteni minn Bormla lill-Balliju Fra Giovanni Vihovel Nigroponte – il-kanċillier tal-Ordni, fi żmien il-Gran Mastru Lascaris, fejn f’ismu u f’isem il-membri tal-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju fil-parroċċa ta’ Bormla, talbuh biex jingħataw permess biex il-festa tal-Madonna tar-Rużarju jononarwha b’tiġrija tal-opri tal-baħar …’ bħalma jagħmel il-poplu ta’ Isola Senglea ..’

Fis-7 ta’ Settembru 1642, il-kanċillier Nigroponte studja bir-reqqa din il-petizzjoni u niżżel nota fejn qal li hu ma jsibx oġġezzjoni għal din it-talba tal-Bormliżi li ssir tiġrija bħalma jagħmlu n-nies tal-Isla fil-Festa tal-Viżitazzjoni nhar it-2 ta’ Lulju ta’ kull sena. Fid-9 ta’ Settembru, in-notamenti kollha għaddew mill-Awditur u mill-Gwardjan tal-Port u wara ntbagħtu lill-Gran Mastru fejn wara li fela tajjeb il-petizzjoni ngħata l-permess.

Jekk il-petizzjoni tal-Bormliżi tikkonferma l-fatt li d-drawwa tat-tiġrijiet tad-dgħajjes bdiet qabel l-1642, id-data tat-2 ta’ Lulju tgħidilna x’kienet l-okkażjoni (il-festa tal-Viżitazzjoni ta’ Marija) li l-poplu ta’ l-Isla, minn snin qabel beda jorganizza tiġrija tal-opri tal-baħar fil-Port il-Kbir. Ħafna jaħsbu li t-talba biex issir tiġrija fil-festa tal-Rużarju fis-7 ta’ Ottubru, xahar magħruf li matulu tagħmel ħafna xita, aktarx saret minħabba l-pika kbira li kienet tidher u tinħass ħafna fost il-barklori u s-sajjieda taż-żewġt ibliet. Normalment dawn it-tiġrijiet kienu marbutin mal-festi tat-titulari tal-parroċċi u mhux ma’ festi sekondarji jew fratellanzi .

META BDEW DAWN IT-TIĠRIJIET

Għalkemm f’idejna m’għandniex data eżatta meta bdiet issir it-Tiġrija tal-Portu Salvu, wieħed jista’, b’kalkulazzjoni ħafifa, jistabbelixxi jew javviċina ħafna din id-data, meta jqis ċerti fatturi konnessi ma’ din il-knisja, fosthom meta nbniet il-knisja ta’ San Filippu (1596), meta tkabbret (1610) u l-vista‘ pastorali li kien għamel l-Isqof Gagliares (1616) li fiha din it-tiġrija ma tissemmiex. Xi wħud huma tal-fehma li din it-tiġrija ma tissemmiex għal żewġ raġunijiet – jew għax l-Isqof Gagliares ħass li din it-tiġrija ma kellhiex importanza pastorali inkella għax din it-tiġrija kienet għadha ma bdietx issir. Probabbilment, l-aħħar fehma hi aktar valida, għaliex fis-snin ta’ wara, f’kull vista‘ pastorali li saret fl-Isla (fil-knisja tal-Portu Salvu) mill-Isfqijiet Mons. Alferan de Bussan, Mons. Cocco Palmieri u Mons. Bartilmew Rull din it-tiġrija tissemma ħafna. Fil-fatt insibu silta, fejn l-Isqof Cocco Palmieri jħeġġeġ lir-rettur ta’ din il-Knisja biex ikompli jgħin kemm jista’ fl-ispejjes tat-tiġrija biex din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja fost il-poplu tagħna. Għalhekk jekk fil-petizzjoni tal-Bormliżi (1642) insibu li din it-tiġrija kienet ilha snin issir fil-port, u din żgur li bdiet wara l-1616, allura wieħed faċilment jista’ jikkonkludi li din id-drawwa taf il-bidu tagħha għal ħabta ta’ l-1625 – fi żmien il-kappillan Dun Gosmu Talavera (Parroċċa tal-Vitorja ) u l-wasla mirakuluża ta’ l-Istatwa tal-Bambina fl-Isla.

Nafu li qabel il-wasla fostna tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, xi negozjanti Maltin kienu ta’ spiss ibaħħru bl-Ixpunari jew bċejjeċ oħra tal-baħar sal-portijiet ta’ Sqallija biex jinnegozjaw ix-xiri tal-qmuħ, injam u ħtiġijiet oħra, kif ukoll biex isibu swieq għall-qoton u għad- drappijiet Maltin. Mal-wasla tal-Ordni tal-kavallieri fostna, żdiedu r-rotot, u għalhekk dawn setgħu faċilment ibaħħru għall-portijiet aktar ‘il bogħod bħal dawk ta’ Marsilja fi Franza, Napli u Ġenova fl-Italja u saħansitra anke sa dak ta’ Venezja.

Fl-aħħar tat-tellieqa jkun hemm dwell finali – kulħadd jagħmel ħiltu biex jirbaħ.

Sfortunatament, kif oriġinaw dawn it-tiġrijiet ma nafux eżatt. S’issa ma sibna l-ebda dokument li jitkellem dwar is-sena jew x’opri kienu jieħdu sehem fl-ewwel tiġrijiet – iżda fil-visti pastorali li saru fil-knisja tal-Portu Salvu nsibu tagħrif biżżejjed li jagħtina stampa ċara fejn kienu jsiru dawn it-tiġrijiet u l-mod kif kienu jsiru. Kif nafu, f’dawn il-visti pastorali li jsiru mill-Isfqijiet fil-parroċċi kollha ta’ dawn il-gżejjer, insibu fihom, b’kitba, kull obbligu, fondi u d-devozzjoni li jkollhom l-altari, l-għaqdiet, fratellanzi, tradizzjonijiet reliġjużi u kull ħaġa oħra konnessa mal-knisja jew devozzjoni.

Dwar l-oriġini ta’ dawn tiġrijiet fil-Port il-Kbir, wieħed jikkonsidra żewġ verżjonijiet differeniti – l-ewwel waħda hi li fost il-baħrin tax-xwieni tal-Ordni jista’ jkun li kien hemm xi Sengleani, u li dawn baħħru sa Venezja u raw it-tiġrijiet tal-Gondoli fil-Canal Grande, għoġbuhom, u meta ġew lura Malta bdew iħeġġu lill-barklori u lis-sajjieda biex jorganizzaw tiġrijiet bħalhom fil-port bl-opri Maltin.

It-tieni versjoni hi aktar realistika għaliex setgħu kienu xi baħrin Venezjani li matul iż-żmien li damu f’pajjiżna xettlu din id-drawwa fost il-barklori Sengleani u għenuhom jorganizzaw tiġrijiet tal-opri tal-baħar bħalma kienu jsiru f’pajjiżhom. Ma ninsewx li Venezja għandha tradizzjoni qadima ħafna ta’ tiġrijiet bil-Ġondoli, u l-ewwel tiġrijiet fil-Canal Grande ta’ Venezja jmorru lura għal bidu sas-seklu erbatax (1315).

Naraw il-bejt tal-knisja tal-Portu Salvu, li storikament hi marbuta ma’ din id-drawwa antika tat-tlielaq tad-dgħajjes, mimli bin-nies isegwu r-Regatta Nazzjonali fis-snin sittin.

Fiż-żmien li qegħdin nitkellmu dwaru, il-festa titulari ta’ kull parroċċa kienet ssir b’ċermonji sollenni fil-knisja għax il-proċessjonijiet bl-istatwi bdew aktar tard. Peress li t-titular tal-Portu Salvu kien għall-qalb ħafna n-nies tal-port, għal din il-festa sollenni li kienet issir fid-2 tal-Lulju ta’ kull sena kienu jattendu għaliha ħafna nies, b’mod speċjali l-familji tas-sajjieda u l-barklori, il-baħrin tax-xwieni, il-ħaddiema tat-tarznari u d-devoti kollha ta’ Sidtna Marija li kienu joqogħdu madwar il-knisja ta’ San Filippu.

Nafu li xi ħabrieka Sengleani kienu talbu lir-rettur ta’ din il-knisja biex il-festa tat-titular tagħhom jonorawha b’tiġrija tal-opri tal-baħar fil-Port il-Kbir. Dun Leonardu Felici – ir-rettur ta’ din il-knisja mill-ewwel għoġbitu din l-idea għax ħass li din l-attivita’ sportiva kienet se tkabbar il-popolarita’ ta’ din il-festa fost in-nies tal-port, u fl-istess waqt tferraħ u tqajjem briju fost il-poplu Senglean li kien jabita madwar din il-knisja. Huwa wegħedhom li kien lest li l-ispejjes kollha tat-tiġrija u tal-paljijiet jitħallsu mill-fondi tal-istess titular. Intalab permess biex isir din it-tiġrija u ngħata ftit tal-jiem wara. Kif wieħed jimmaġina, peress li din it-tiġrija bdiet issir f’nhar din il-festa, f’qasir żmien saret magħrufa bħala t-Tiġrija tal-Portu Salvu .

JISSOKTA