Għalkemm ommi, Marija Carmela mwielda Cali tejġet fl-1895 meta kellha tmintax-il sena, nistgħu nqisu li d-dota li ħadet minn għand missierha, Mastru Wenzu Cali, llum saret ta’ siwi għall-folklor billi l-ħajja u d-drawwiet inbidlu ħafna, speċjalment l-għamara tad-dar u ħwejjeġ oħra li dari kienu jingħataw b’dota lix-xebbiet.  Dawn l-oġġetti qodma llum saru stmati bħala antikitajiet u bdew jissejħu xogħlijiet Vittorjani minn isem ir-Reġina Vittorja li damet issaltan fuq il-gżejjer tagħna snin twal, li matulhom daħlu f’Malta drawwiet u oġġetti Ingliżi fit-tiżjin tad-djar.  Issa aħna ġa kellna oġġetti ta’ nfluwenza Taljana, Franċiża, Spanjola, Griega, u Għarbija, u ma ngħidu xejn, xogħlijiet Maltin antiki bħas-senduq u s-siġġijiet tal-maqgħad tas-sogħda u sodod tal-ħadid lixx bla ornamenti

Kitba ta’ Rafel Bonnici Cali. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 03(1988) Nru. 1.

Għalhekk fid-dota ta’ ommi kien hemm xogħlijiet tradizzjonali Maltin fosthom siġġijiet komuni bil-maqgħad tas-sogħda, banketti, mwejjed u gwardarobba, armarju, kif ukoll kradenza, u librerija nofsha kxaxen u nofsha ħġieġ, verżjoni Maltija tal-iskrittorju Taljan, u bureau Franċiż li xi Maltin isejħulu skansija.  Imma ommi kellha wkoll għamara ta’ tip Ingliż fosthom ix-showcase li dari kienet imsejħa vetrina, s-sideboard li dari kien imsejjaħ xafunier, u affarijiet oħra li issa naraw kif żejnet id-dar bihom.

Ommi kienet mara li kienet tħobb tirrakkonta fuq il-ħajja tagħha, u fost ħwejjeġ oħra kienet qaltilna fuq it-tieġ tagħha ma’ missieri, Fredu Bonnici, u fuq l-ewwel dar li krew f’Ħal Tarxien fejn kien sar it-tieġ tagħhom.  Hi u l-għarus kienu t-tnejn mill-Birgu.  F’dak iż-żmien, in-nannu Wenzu, missier ommi, kien qed jaħdem billi jgħin lil ħuh, il-famuż pittur Ġużep, fil-pittura tal-kor tal-knisja ta’ dan ir-raħal; it-tieġ sar f’din il-knisja, u għalhekk ġew bosta mistednin mill-Birgu.

Id-dar tal-għarajjes f’dan ir-raħal kienet fi Triq Lanzun, dar żgħira, mhux antika wisq, iżda saritilha żieda ta’ dik li tissejjaħ antiporta wara l-bieb ta’ barra, bħall-użu tal-ibliet.  Din kienet bieb, li aktarx kienet tissejjaħ ukoll boxxla, jew bieb tal-ħġieġ, ħaġa li ntgħoġbot ħafna, u għalhekk saru oħrajn bħala fi djar oħra tar-raħal.  Fl-intrata tad-dar, ommi poġġiet il-pożambrella, biċċa għamara moderna għal dak iż-żmien, maħsuba biex magħha tiddendel l-umbrella, il-kappell, il-basket, u bżonnijiet oħra kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.  Din il-biċċa għamara kellha wkoll mera, biex dak li jkun jara wiċċu u lbiesu qabel joħroġ barra.  Fl-irkejjen kien hemm gastri tal-ġebel, qishom kolonni bil-qsari fuqhom, u fil-ġenb kien hemm bieb li jagħti għall-kamra tal-persjana, imsejħa hekk għax it-tieqa li tagħti għat-triq ikollha l-purtelli mixquqin biex wieħed jista’ jara x’hemm fit-triq bla ħadd ma jarah, u jista’ jissemma’ x’jingħad barra t-triq, għalhekk kienu laqqmu l-persjana bħala “l-post tas-sindikajri”.  F’din il-kamra kien hemm sofa li l-antiki kienu jsejħulu kanapeċ, pultruna, u għadd ta’ siġġijiet għal min iżur id-dar, waqt li fin-nofs kien hemm mejda żgħira, u lampa tal-pitrolju mdendla mas-saqaf, b’ċirku u ktajjen tal-metall, xogħol impurtat minn Franza, għax fir-raħal la kellna gass, u lanqas dawl elettriku.   Mal-ħitan kien hemm xi erba’ nkwatri – stampi ta’ veduti u xi inċiżjonijiet – fi gwarniċ tal-kawba, kif ukoll ċewġ brazzi bix-xema’.  Mill-kontra-ntrata wieħed kien jidħol fil-kamra tal-ikel li kienet imżejna b’mejda, sideboard (xafunier), kif ukoll armarju jew dispensa għall-ħarsien tal-ħobż, ġobon, u ikel ieħor, kollox tal-injam tal-abjad miżbugħ.  Is-siġġijiet kienu tas-sogħda, u mal-ħajt kien hemm stampa sabiħa tal-Aħħar Ċena ta’ Kristu mal-Appostli, inkwatru li għadu għandna sallum.  Imbagħad kien hemm il-kċina, bis-soltu fuklar kbir tal-ġebel, iżda kien hemm il-famuż kenur tal-ġebel ukoll, u bl-imrewħa tonda tiegħu maħduma mill-weraq tal-palm, xogħol l-Għarab li jiġu mill-Affrika ta’ Fuq, li kienu jbiegħu ukoll żejt taż-żebbuġa, ħelwa tat-Tork, karawett, ħabbgħażiż, purkani (kutri ħoxnin tas-suf) tapiti, u ħsajjar tal-qasab tajbin għall-bibien kontra d-dubbien.  Fil-kċina kien hemm id-dugħ meħtieġ: ġarra kbira li għadha għandna, qolla, bomblu, lembija, żinġla, bwieqi u buqari tal-fuħħar, u borom, kzazel, u pagni tax-xaqquf.  Fost affarijiet oħra kien hemm borma speċjail, tissejjaħ baqra, bil-għatu, li fiha kien jissajjar il-fenek; borma kurjuża li ftit għad fadal minnha.  Mill-kċina kien hemm il-bieb għall-bitħa u biċċa ħamrija, li fiha kien hemm ġarra kbira li fiha jintefa’ l-irmied tal-fuklar u l-kenur ħalli jitħallat mal-ilma u b’hekk fid-dar ikun hemm il-lissija li tintuża flok is-sapun biex il-ħwejjeġ jitnaddfu aħjar.

Mill-kontra-ntrata kien jibda t-taraġ għas-sular ta’ fuq fejn kont issib kamra tal-irqad bit-tieqa u l-gallarija għat-triq, u din kienet imżejna bl-aħjar għamara tal-kawba: gwardarobba, gredenza, kommodina, mejda tat-twaletta, mejda tal-friskatur (lavaman), kollox imżejjen bl-iskultura u bl-uċuh tal-irħam abjad.  Kienu xogħol mill-aħjar tad-ditta Serracino ta’ Bormla.  Kien hemm ukoll sodda kbira tal-ħadid fondut bil-pumi tar-ram fuq l-erba’ pilastri.  Tiskantaw meta tkunu tafu li kollha f’sett qamu biss għoxrin lira.  Din is-sodda kellha testiera ddekorata u ċelu biex miegħu jiddendlu l-purtieri tal-kurtinaġġ abjad bil-frenża u l-bizzilla, li għadu għandna b’tifkira.  Ukoll l-għamara li semmejt għadha għandna fi stat tajjeb u turi l-istil Vittorjan Malti.

Hawn insibu wkoll għadd ta’ siġġijiet tal-qagħqa, bil-maqgħad tal-kannadindja, kif ukoll sopraporti tal-injam miksija bi pjanċi tar-ram ddekorat imqabbeż (bassoriljiev), li għadhom għandna wkoll.  Fuq is-sodda kien hemm kwadru tas-Sagra Familja, u mal-ħitan kwadri taż-żejt, fosthom Sant’Anna u San Ġakbu li ommi wirtet minn għand in-nanniet.  F’dan is-sular kien hemm ukoll żewġ kmamar iżgħar, b’għamara aktar sempliċi, bħal siġġijiet ta’ Trieste, b’maqgħad kwadru.  F’waħda minn dawn il-kmamar kien hemm l-ixkaffa tal-Madonna, imsejħa hekk għax fuqha kien hemm xbieha tal-Madonna bil-Bambin, u tazza taż-żejt tixgħel bi ftila żgħira msejħa lumina, xkaffa li kont issibha f’kull dar Maltija, saħansitra f’kull ħanut tax-xogħol u kummerċ.  Aħna u neżlin it-taraġ, niltaqgħu ma kolonna tal-ġibs verġni f’kull rokna, bi statwi ta’ qaddisin fuqhom, maħduma wkoll bil-ġibs, li kienu moda ħafna.  Minn dawn fadlilna l-figura ta’ San Ġwann Battista, tfajjel mill-isbaħ, u statwa tal-Madonna tal-Karmnu, it-tnejn għadhom kif żebagħhom in-nannu Wenzu li kien artist, restawratur tal-pittura, u nduratur.  Fadlilna wkoll statwi żgħar tal-Ecce Homo u d-Duluri li kienu jitpoġġew fuq il-gredenza flimkien ma’ żewġ vażuni bil-fjuri artifiċjali taħt il-bozza tal-ħġieġ.  Nistħajjel li tgħidu “din id-dar imżejna qisha knisja”, u tabilħaqq, il-ġenituri tiegħi kienu jqisu d-dar l-istess bħad-dar t’Alla, biex Alla jkun il-padrun tad-djar tagħna skont l-għajdut ta’ niesna l-antiki.

Mhux ta’ min jinsa li barra l-għamajjar u oġġetti oħra li semmejt, ommi kellha dota ikbar – il-ħila ta’ moħħha u x-xogħol ta’ jdejha, bħal ħwejjeġ u bjankerija li ħadmet b’idejha stess.  Kienet tinqala’ għax-xogħol tal-ħjata, bizzilla, rakmu, u għalhekk żejnet ħwejjiġha, li minnhom fadlilna xi ftit immarkati bl-inizjali tagħha M.C.C., irrakkmati bil-ħarir minn idejha stess, għax hekk kienet l-użanza tax-xbejbiet ta’ żmienha.  Kellha għalhekk magna tal-ħjata li għadha wkoll għandna, li min jaf kemm ħadmet biha biex tagħmlilna l-ħwejjeġ, u kemm iffrankat flus biex setgħet iżżomm id-dar mill-aħjar li setgħet, għax missieri ma kellux qligħ kbir.   Tifkiriet oħra huma xaqliba u lożor bil-marki tagħha rrakkmati fuqhom, u kutri li għamlet bil-bċejjeċ tad-drapp qadim, li hietet ma’ xulxin, b’bosta kuluri , irħas imma tajbin.  Kellha wkoll ħabta tqatta’ l-fdal ta’ drappijiet fi bċejjeċ żgħar, u tħithom fuq drapp tal-ixkejjer u toħroġ minnhom tapiti għall-art, b’disinji mill-isbaħ li tfassal hi stess.  Għad fadlilna wieħed li għamlet b’tifkira ta’ meta telgħet fuq it-tronn ir-reġina Eliżabetta t-Tieni, li juri sfond ikħal u f’nofsu l-ittri E.R.II sofor u burdura sewda.  Ix-xogħol ta’ jdejha hu l-ikbar tifkira tagħha.

Mad-dota tagħha missieri kien ġab mieghu ftit xarbitelli oħra, fosthom arloġġ tal-kampnar, imsejjaħ hekk għax il-kaxxa tiegħu tal-kewba kellha għamla ta’ kampnar ta’ knisja bil-ponta.  Dan kien jissejjaħ ukoll arloġġ tal-lira, għax daqshekk kien jinxtara (1).  Kien idoqq is-siegħat fuq molla, u għadu għandna.

Meta l-familja kibret, missieri ried jikri dar akbar, iżda sidha għażel li ma riedx jikriha lill-ġenituri tiegħi, għax qal li huma jħobbu jiksu l-ħitan bl-inkwatri, u għalhekk bl-imsiemer kienu jagħmlu ħsara lill-ħitan.  Kien bniedem injorant u xħiħ, u ma kellu l-ebda nkwatru f’daru li kienet qisha ħabs.  Dan l-imsejken kien miet bi tbaqbiqa għax qribu mar joqgħod Ingliż li daħħal it-telefon, u ħadha mal-ħaddiema li ġew iwaħħlu l-linja mal-ħajt għax qal li se jirrovinawlu l-faċċata tad-dar.  Mur ġibu llum meta mad-dar tiegħu għaddew linji mhux biss tat-telefon, imma wkoll tal-Cable Radio u erba’ linji tal-elettriku!

Rajna kif kienet imżejna d-dar tal-ġenituri tiegħi li tixhed il-kultura tagħhom; nies tal-medja klassi li kien jistħoqqilhom igawdu r-rispett tal-ġirien u tar-raħal kollu, u b’hekk saru biċċa waħda magħhom u baqgħu maħbubin sa mewthom.

1) Il-fehma li l-arloġġ tal-lira jgħidulu hekk għax “daqshekk kien jiswa” hi mxerrda ħafna u llum issibha kkwotata anke fuq l-internet.  Imma daż-żmien din l-idea m’għadhiex moda u wisq probabbli li m’hijiex minnha u hi fehma żbaljata.  Id-direzzjoni tal-Imnara tixtieq tirreferi l-qarrejja għall-artiklu ta’ Giovanni Bonello li jġib l-isem Notes for a History of Time-Keeping in Malta li deher fil-ktieb Histories of Malta – Figments and Fregments.  Il-parti tal-artiklu li tirreferi għall-arloġġ tal-lira qiegħda f’paġna 93 sa 95.