Verb li jintuża f’espr. bħal ‘ibblakka ż-żarbun’. Interessanti li fid-dizzjunarju ta’ G.B.F. (1845), li kien ippubblikat wara ħamsa u erbgħin sena li l-Ingliżi kienu ilhom jaħkmu ’l Malta, din hi waħda minn żewġ kelmiet biss li huma meħuda mill-Ingliż, (loan word). Mhux ħaġa tal-iskantament li din il-kelma għandha x’taqsam mal-militar, għaliex bi probabbiltà kbira (blacken the boots) kienet ordni li l-uffiċjali Ingliżi kienu jagħtu ta’ spiss lis-suldati Maltin ingaġġati fir-reġimenti tagħhom. Din il-kelma turi li issa l-Maltin li kienu ngaġġati mal-militar ingliż mhux biss bdew jitgħallmu xi kliem bl-Ingliż, l-aktar dak li għandu x’jaqsam mal-qadi ta’ dmirhom fis-servizz militari, iżda anki bdew jużaw dan il-kliem fil-lingwaġġ ma sħabhom il-Maltin, (ibblakkja). Ta’ min wieħed jirrimarka li l-Maltin tal-klassi l-baxxa kienu aktar jibqgħu ħafjin jew jilbsu xi qorq u x’aktarx qatt ma libsu żarbun. Sa dak iż-żmien iż-żraben fini kienu xi ħaġa tan-nies għonja biss. Jista’ jagħti l-każ ukoll illi din il-kelma nħatfet mill-ewwel għaliex bħalha, u kważi bl-istess tifsira, fil-Malti konna nsibu l-aġġ. IBLAQ għall-kulur iswed b’tebgħat bojod.