ĦORR   1. Aġġ. li jirriferi għal xi ħadd liberu, bniedem ħieles. A. de S. iżid li din il-kelma sservi ta’ appel. għal bniedem ta’ unur, jew bniedem nobbli. Skont M.A.V. (1796) dan hu appel. li jgħodd għal xi ħadd tal-affari tiegħu u onest.  ĦORRA  Aġġ. fem. Mara tal-galbu, mara safja u verġni. M.A.V., fit-traduzzjoni tiegħu ta’ Storja tas-Sultan Ċiru (oriġ. miktuba mill-kittieb Franċiż Charles Rollin), juża dan l-aġġ. b’dan il-mod: ‘… Ħaġa aktar ħorra u ta’ ġieħ kbir…’ L-istess aġġ. insibuh fil-ktieb ta’ Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli (1937): ‘Verna (kienet) tifla sewwa, mistħija u ta’ qalb ħorra’ (2001, p. 67). Qawl: Fiż-żwieġ tfittixx is-sorra, fittex xebba fqira u ħorra.  2. Il-kelma tista’ tirriferi wkoll għal art ta’ bla piżijiet, art li ma hi ta’ ħadd. L-inħawi fejn inbena ċ-ċimiterju tal-Addolorata huma magħrufa bħala Tal-Ħorr.  TAMAR TAL-ĦORRA  Tamar li jintgħażel waħda waħda u li mhux artab jew magħqud bħal taċ-ċappa. Sors: E.S.I.