Sa qabel it-tieni gwerra dinija (1939-1945), f’kull belt u raħal ta’ dawn il-gżejjer kienu jsiru l-ħġejjeġ ta’ San Ġwann. Donnhom li ż-żagħżagħ, u magħhom ukoll il-kbar, kienu akkaniti  għall-aħħar u bil-pika bejniethom biex, għal dik is-sena, jkollhom ħuġġieġa akbar mis-snin ta’ qabel, u kienu jagħmlu l-almu tagħhom kollu sabiex tirnexxi. Kien kontra l-liġi li jinħażen injam u materjal għall-ħruq għal dan il-għan, madankollu l-ħażna tal-materjal għan-nar kienet issir minn taħt il-taħt xorta waħda, u minn kmieni. Saħansitra, ċormiet ta’ żagħżagħ kienu jisirqu siġġijiet u banketti minn wara l-bibien tan-nies, li bilkemm kienu jidħlu ftit sa ġewwa u jafdaw is-siġġijiet barra l-bieb fuq il-bankina!

Kitba ta’ Angelo Dougall. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 6(2000)

Billi dak iż-żmien kont għadni tifel żgħir, ma tantx kelli ċans immur nara ħġejjeġ ta’ San Ġwann li kienu jsiru fl-ibliet u l-irħula l-oħrajn, imma l-ħuġġieġa li kienet issir fl-Isla kienet tkun biżżejjed għalija, u konna mmorru bi ħġarna sabiex narawha.

Daż-żmien il-ħġejjeġ kważi nqatgħu għal kollox, u wisq rari tara waħda lejlet San Ġwann! Donnu iż-żagħżagħ spiċċalhom l-entużjażmu li kellhom, u mill-aħħar gwerra ‘l hawn nibtet bruda lejn din it-tradizzjoni folkloristiku u  qadima. Fil-ktieb Holiday Customs in Malta (1894), l-awtur tiegħu Vincent Busuttil tana xi tagħrif dwar il-bidu tal-Ħġejjeġ ta’ San Ġwann, it-tifsir antropoloġiku, l-oriġini pagana tagħhom, u għaliex isiru lejlet San Ġwann, qrib ħafna tas-Solstice tas-Sajf. Isiru ħġejjeġ f’bosta pajjiżi fl-Ewropa u din it-tradizzjoni ilha ssir sa minn qabel ma beda jinxtered il-Kristjaneżmu.  Dawn il-ħġejjeġ bdew jassoċjawhom mat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista u b’hekk ħadu tifsira reliġjuża.

 

ĠBIR TA’ MATERJAL GĦALL-ĦRUQ

Il-ħġejjeġ kienu jsiru bil-permess tal-pulizija tal-lokal, u jkun iffissat il-post fejn isiru, basta ma jagħmlux ħsara ‘l-propjeta ta’ ħadd. Fl-Isla, bħall-ibliet oħra tal-Cottonera, kien hemm kontroll sħiħ tal-Pulizija fuq it-tqabbid tal-ħġejjeġ, minħabba Ordinanzi ta’ Difiża u ta’ l-Ammirall, u billi l-lokal hu qrib ħafna tat-tarznari. Il-ħuġġieġa l-kbira kienet issir Ix-Xatt ħdejn iż-żurżieqa l-kbira, faċċata ta’ l-Ospizju Sant’Anna, u qrib Strada Sirena (Triq is-Sirena). Matul is-sena, iż-żagħżagħ u t-tfal kienu jiġbru u jġemmgħu għall-ħuġġieġa njam u materjal ieħor għall-ħruq. Kienu tassew akkaniti u jibdew jagħmlu dan kmieni fis-sena. Kienu jikklikkjaw bejniethom u jżommu rwieħhom qishom xirka sigrieta, ħalli ħadd minnhom ma jikxef il-post fejn ikun moħbi u maħżun l-injam u l-materjal li jdabbru. Dan kienu jagħmluh minħabba l-Pulizija jew ukoll minħabba xi gaj ieħor rivali li jiġu nkiss inkiss jisirqulhom mill-maħżen. Il-maħżen kien ikun xi kantina mitluqa u mudlama. Kien ikun hemm pika kbira biex jiġbru u jġorru ħafna materjal biex il-ħuġġieġa tkun tassew kbira.

Xi drabi l-Pulizija kienet issir taf b’xi post fejn kien qed jinħażen u jinħeba dan il-materjal u kien isir rejd minnhom. F’dan il-materjal għall-ħruq kienu jsibu ħafna affarijiet misruqa, bħal siġġijiet, banketti u njam mingħand tal-forn. Kont tara nisa tad-dar imorru għand il-Pulizija biex jieħdu lura xi siġġu li jkun insterqilhom minn wara l-bieb ta’ barra, u tgħidx xi plejtu kienu jagħmlu wara l-bieb tal-għassa tal-Pulizija!

IL-ĦUĠĠIEĠA, F’LEJLET SAN ĠWANN

Ftit ħin qabel jidlam kont tara żagħżagħ, subien u kbar ukoll, biżlin inewlu u jwaddbu ħatab, injam u materjal ieħor biex jibnu u jarmaw il-ħuġġieġa. Fil-munzell kien ikun hemm ukoll xi biċċa għamara qadima u msewsa li kienet tkun ta’ ngombru f’xi dar, u biex jeħilsu minnha. Fuqnett tal-munzell kienu jqiegħdu xi biċċa opra tal-baħar qadima, bħal dgħajsa, frejgatina, jew kajjikk għall-ħruq. Fuq kollox kien jitqiegħed trajbu, ġeneralment mimli bit-tiben u ċ-ċraret imlibbes xi beritta f’rasu u pipa f’ħalqu. Dan kienu jorbtuh ma’ xi puntal biex iżomm dritt, jew ġieli kien ikun mdendel. Xi studjużi tal-folklor isostnu li t-trajbu huwa fdal simboliku ta’ ritwal tal-qedem ta’ sagrifiċċju uman lill-allat. B’kollox, il-munzell ta’ ħatab u njam kien ikun, bejn wieħed u ieħor, xi żewġ metri u nofs għoli.

Mat-tokki tal-“Ave Marija”, malli jidlam, il-munzell jingħata n-nar f’bosta naħat sabiex jieħu minn kullimkien xorta. Il-fjammi jibdew telgħin sakemm jilħqu l-quċċata, u l-opra tal-baħar qadima, u t-trajbu jieħdu n-nar. Malli jibda jaqbad it-trajbu, in-nies miġburin madwar il-ħuġġieġa jibdew jgħajtu, jaqbżu u jċapċpu bil-ferħ. Tiskanta l-effett li tagħmel il-ħuġġieġa fuq in-nies! F’dik id-dalma tara l-fjammi jleħħu u jibbru fuq l-uċuħ ta’ dawk in-nies, b’dik il-ħarsa ċassa tagħhom, iħarsu lejn il-ħuġġieġa b’meżmeriżmu jaħkem fuqhom jaraw in-nar jaqbad! Oħrajn jibqgħu beżlin inewlu biċċiet tal-injam jitimgħu l-ħuġġieġa. Kultant jiġu jqandlu xi biċċa għamara qadima; tħoss il-fewġa taħraq tan-nar ma’ wiċċek. Tara żagħżagħ iwarrbu l-ġamar b’xi biċċa njama twila, u taħt il-ġamar iqiegħdu xi patatiet ħalli jinxtwew u jikluhom; donnhom jintegħmu itjeb hekk! Tara oħrajn jgħannu u jqabblu, jiżfnu u jaqbżu f’xi naħa tal-ħuġġieġa, u b’kuraġġ u b’ġirja jgħaddu jiġru dritt minn ġon-nar. Dan l-għors jibqa’ sejjer sa tard nett tal-lejl, sakemm il-ħuġġieġa tibda tnin, u tintefa u tispiċċa għalkollox. Kienu jiġu jarawha ħafna nies minn kull rokna tal-belt. Filgħodu mas-sebħ konna mmorru x-Xatt naraw fejn kienet il-ħuġġieġa; kien jibqa’ biss fl-art il-marki tan-nar.

AKTAR ĦĠEJJEĠ

Ġol-Isla kien jqabbdu żewġ ħġejjeġ oħra iżgħar. Waħda fuq is-Sur Tal-Vitorja, fejn kienet issir għassa aktar stretta mill-Pulizija minħabba li s-sur jagħti għal fuq it-Tarzna; kultant kien jitfaċċa wkoll xi gwardjan tat-Tarzna, u l-oħra kienet issir fil-wesgħa ta’ quddiem il-Ġnien tal-Portu Salv (Il-Ġnien tal-Gardjola). Din kienet issir mit-tfal u żagħżagħ tat-Triq tal-Ponta. Kienu jsiru ħġejjeġ oħra fil-Cottonera, imma jien ma kienx ikolli wisq ċans narhom; ommi ma kenitx tħallina nersqu lejn ħġejjeġ bħalma kienu jagħmlu tfal oħra. Kultant xi tfal jippruvaw iqabbdu xi ħuġġieġa żgħira f’salib it-toroq, imma l-pulizija malajr kienu jiġu biex jitfuha, kief kienu jagħmlu wkoll xi nisa tad-dar b’xi friskatur ilma, minħabba li l-foga u l-ġmied jimlewlhom djarhom.

Niftakar ħġejjeġ oħra fil-Cottonera. Fil-Birgu kienu jsiru tnejn, waħda fuq is-Sur tal-Bullara, qrib it-Toqba, u oħra fuq is-sur tal-kurdari. Iż-żewġ ħġejjeġ kienu jkunu kbar , għax kien hemm nies akkaniti li jieħdu ħsiebhom, barra li kienu ppikati bejniethom ta’ min tkun l-akbar. Fil-Kalkara kienet issir ħuġġieġa kbira ħafna. Qabel It-Tieni Gwerra Dinija kien hemm daqxejn ta’ ramla li kienet tkun mimlija alka, fejn illum hemm Misraħ l-Arċisqof Gonzi, quddiem il-knisja parrokkjali. Din il-ħuġġieġa kienet issir fuq ramla ċkejkna qrib il-baħar, u fiha dejjem kienu jqiegħdu xi biċċa opra tal-baħar għall-ħruq. F’Bormla kienu jagħmlu ħuġġieġa kbira fuq il-bastjun ħdejn il-barracks ta’ Verdala u Strada Sant’Elena, u oħra kbira fi Pjazza Santa Margerita (Ix-Xgħira ta’ Bormla).

Ħuġġieġa oħra li kienet timpressjonani fi tfulitu, kienet dik li kienet issir f’Wied il-Għajn (Marsaskala) u din kienet tkun tabilħaqq kbira, għax tassew li fl-ibliet ma kienx hemm wisq postijiet fejn isiru ħġejjeġ kbar, ħlief fuq is-swar. Qabel It-Tieni Gwerra Dinija, kien hemm ramla ċkejkna quddiem it-triq li minn Ħaż-Żabbar tiżbokka fix-Xatt ta’ Wied il-Għajn, li llum saret pjazza wiesgħa qrib il-knisja parrokkjali. Din ir-ramla kienet tkun mimlija alka u xi ftit maħmuġa, dejjem b’xi luzzijiet u kajjikki għat-tvarar. Il-ħuġġieġa kienet issir fuq din ir-ramla żgħir, u fiha kienu jinġarru biċċiet ta’ njam u raċanċ tal-ħatab li kien itella’ l-baħar, u xi biċċa għamara qadima u msewsa ma kenitx tonqos li tispiċċa fil-ħuġġieġa. Ħafna drabi kien jitqiegħed fiha xi kajjikk qadim u mkisser, u t-trajbu ma kien jonqos qatt. Niftakar li darba minnhom twaddbu ġol-ħuġġieġa numru kbir ta’ Pellikoli tal-films li malajr ħadu n-nar; dak iż-żmien kienu magħmulin minn tertuqa li kienet tieħu n-nar malajr. Billi d-dar kellna daqxejn ta’ projector tal-logħob jien u ħija konna dabbarna minn hemm żewġ reels żgħar ta’ Pellikoli, qabel l-oħrajn saru vampa. Din il-ħuġġieġa ta’ Wied il-Għajn ma kenitx iddum wisq, għax kulħadd kien irid imur jorqod, billi dik il-ħabta kien post żgħir u kwiet ta’ villeġġjatura.

JUM SAN ĠWANN

L-Għada, jum San Ġwann, kienet festa kmandata bl-obbligu tal-quddies, u ħafna nies, wara l-quddiesa, kienu jibqgħu jitkellmu fuq il-ħuġġieġa. Kienet tradizzjoni folkloristika li biha konna nkunu nafu li s-sajf beda. Aħna t-tfal konna noqogħdu nirrakkontaw u nitkellmu fuqha, u għalina kienet tkun waħda mill-avventuri ta’ tfulitna. Fi żmien il-gwerra l-ħġejjeġ twaqqfu b’Ordinanza tal-Emerġenza. Wara l-gwerra l-ħġejjeġ bdew jinqatgħu bil-mod il-mod, u b’hekk kważi spiċċat għal kollox tradizzjoni qadima. Forsi wkoll kienet l-indifferenza lejn din id-drawwa li minħabba fiha ma bqajniex naraw il-Ħuġġieġa ta’ San Ġwann.

Jekk daż-żmien issir xi ħuġġieġa, issir b’ħafna permessi u restrizzjonijiet, u taħt għajnejn id-Dipartiment tat-Tifi Tan-Nar, f’xi festin jew party ta’ xi għaqda filantropika, iżda wisq rari ssir bi spirtu folkloristiku tradizzjonali.