Kelma oħra għal-logħob tan-nar tal-festi. Hawn taħt niżżilt għażla ta’ nomi li jintużaw l-aktar mill-pirotekniċi meta jirriferu għal tip differenti tax-xogħol tan-nar tal-ajru.

AKKUMPANJAMENT – norm. murtali li jkunu sparati wieħed wieħed waqt il-purċissjoni.

BATTERIJA  –  rif. għal kaxxa infernali, bombi, beraq jew qasmiet tal-kulur li jfaqqgħu wara xulxin.

BEBBUXU  –  qasma tal-kulur li  tkun ta’ qies pjuttost kbir li flok tiftaħ f’daqqa, tibda tiftaħ dawra tond, u l-effett tagħha jkun li n-nar idur f’ċirkonferenza.

BERAQ PRONT  –  qasma ta’ beraq li taħsad u fl-ajru jkollha l-istess effett ta’ meta tfaqqa’ berqa.

BALLUN  –  fetħa tal-kulur f’forma ta’ ballun.

ĊRIEKI  –  qasmiet tal-murtali tal-kulur.  Qasma tista’ tkun b’ċirku wieħed, bi tnejn jew bi tlieta.

KAXXA INFERNALI  Kwantità kbira tal-logħob tan-nar ta’ kull tip li jinħaraq fi spettaklu wieħed. Il-kelma infernali hija ħażina għaliex suppost tissejjaħ ‘finali’, jiġ. il-logħob tan-nar tal-aħħar.  E.S.I. jgħid li dan kien il-logħob tan-nar tal-art, (il-ġigġifogu) ta’ bosta biċċiet, li jkun sparat f’daqqa.

KAXXA  SPANJOLA – beraq tal-kaxxa infernali b’ħoss ta’ bombi qishom sparar ripetut u mgħaġġel minn azzarin, (rif. għall-gwerra ċivili ta’ Spanja, 1936-1939).

KRUĊETTI  –  qasma tal-kulur forma ta’ stilla li meta jiftħu t-truf tagħha jgħaddu minn ġo xulxin.

KULUR  TAD-DAWL  –  li norm. jintuża fl-aħħar mumenti tal-kaxxa infernali. L-istilla tal-murtal tkun tiddi.

LAMPJUN  –  bomba li meta tfaqqa’ tarmi dija safranija, u tfaqqa’ aktar minn dik normali. Il-lampjuni, norm. ikunu minn wieħed sa tnejn u juru li l-logħob tan-nar tal-ajru għal dak inhar intemm.

MURTAL  –  dan it-terminu jintuża kważi għal kull tip ta’ logħob tan-nar f’Malta.

MURTALETT  – murtal li jiftaħ aktar minn darba (eż. tliet fetħiet).

MURTAL  BIL-LOGĦOB – murtal kbir li jkollu taħlita ta’ beraq ta’ kull qies,  jingħad li jsir f’Malta biss.

RAĠĠIERA  –  qasma tal-kulur li tista’ tkun ukoll bajdanija.

REFGĦAT  –  kull tip ta’ murtali meta dawn jittellgħu f’daqqa minn diversi postijiet.

SALUT  –  il-wieħed u għoxrin bomba li jinħarqu qabel il-kaxxa infernali.

SERPENTELLI – qasma tal-kulur li meta tiftaħ fi stilla (jew aħjar raxxijiet tal-kulur) jisserpjaw u jiġru fis-sema ma’ kullimkien.

SAJŻIJIET (minn size) – murtal tal-bomba jew tal-kulur li jkun fih madwar ħames bombi wara xulxin u beraq fl-aħħar.  Sors prinċipali: Noel Castillo.  Ara:  In-Nar f’Ħal Għargħur – Storja ta’ Raħal u Ftit Tagħrif Ġenerali, ta’ Isaac Aquilina.