Fl-antik kien hemm użanza f’ċerti rħula fejn il-konfraternità tal-paroċċa kienet tiddobba ħanżir u dawn kienu jitilquh għar-rasu fit-toroq biex kulħadd jitma’ fih. Meta l-ħanżir jikber u jismen, dan kien jinbiegħ, u l-flus li kienu jaqilgħu minnu, kienu jingħataw għall-quddies tal-erwieħ. Fost l-irħula fejn jingħad li din it-tradizzjoni kienet issir, kien hemm ix-Xewkija, il-Gudja u Ħal Qormi. Verżjoni oħra kif inhi magħrufa hi, li ftit qabel l-Għid tal-Erwieħ, li jiġi fit-2 ta’ Novembru,  kienet tintelaq ħanżira fit-toroq tar-raħal biex kulħadd jitma’ fiha. Fil-festa mbagħad tinqatel biex tittiekel minn dawk l-erwieħ foqra tar-raħal.